Aqbeż għall-kontentut

Fasil Ghebbi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kastell tal-Imperatur Fasilides, li ġie stabbilit minnu fis-seklu 17.

Fasil Ghebbi (bl-Amharic: ፋሲል ግቢ) hija fortizza li tinsab f'Gondar, ir-Reġjun ta' Amhara, l-Etjopja. Ġiet stabbilita fis-seklu 17 mill-Imperatur Fasilides u kienet tintuża bħala r-residenza tal-imperaturi Etjopjani. L-arkitettura unika tagħha turi diversità ta' influwenzi, inkluż karatteristiċi Ħindu, Għarab u Barokki. Minħabba l-importanza storika u l-arkitettura tagħha, il-fortizza tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1] Ghebbi hija kelma bl-Amharic li tfisser "struttura magħluqa".[2]

Il-kumpless ta' binjiet tal-fortizza jinkludi l-kastell ta' Fasilides, il-palazz ta' Iyasu I, is-Sala ta' Dawit III, il-kastell tal-Imperatriċi Mentewab, sede tal-kanċillier u librerija ta' Yohannes I, sala tal-banketti tal-Imperatriċi Bakaffa, stalel, u tliet knejjes: Asasame Qeddus Mikael, Elfign Giyorgis u Gemjabet Mariyam.

L-oriġini ta' Fasil Ghebbi jmorru lura għat-tradizzjoni antika tal-imperaturi Etjopjani li kienu jivvjaġġaw madwar it-territorji tagħhom, u li kienu jgħixu abbażi tal-għelejjel prodotti mir-raħħala u li kienu jirresjedu fit-tined. Abbażi ta' din ir-rabta, dawn l-inħawi spiss kienet issir referenza għalihom bħala katama ("kamp" jew "insedjament iffortifikat") jew makkababya, l-isem mogħti lill-kamp imperjali fil-Kronaka Rjali ta' Baeda Maryam.[3] L-Imperatur Fasilides ma baqax isegwi din it-tradizzjoni ta' vvjaġġar qalb it-territorji, u stabbilixxa l-belt ta' Gondar bħala l-belt kapitali tiegħu; il-permanenza relattiva tagħha twassal biex il-belt titqies bħala importanti storikament.

Fi ħdan il-belt kapitali, Fasilides ordna l-kostruzzjoni ta' binja imponenti, il-Fasil Gemb jew il-Kastell ta' Fasilides. Skont vjaġġatur mill-Jemen, Hassan ibn Ahmad al-Haymi li żar il-palazz fl-1648 meta kienu ilu ftit snin biss li nbena, l-arkitett tal-palazz kien l-Indjan Abdal Kerim li qabel kien ħadem fuq il-palazz tal-Imperatur Susenyos I f'Danqaz.[4] Skont il-Kronaka Rjali, il-binjiet ta' Yohannes I u ta' Iyasu I ġew irrapportati li kienu nbnew minn raġel jismu Walda Giyorgis, li ġie deskritt bħala raġel tassew "intelliġenti". L-użu ta' arkitett Etjopjan minflok wieħed barrani f'dan il-każ jissuġġerixxi li sa dak iż-żmien il-komunità ta' barranin f'Gondar fil-biċċa l-kbira tagħha kienet tkeċċiet.[5]

Al-Haymi, li baqa' impressjonat bil-palazz, jiddeskrivih bħala dar kbira tal-ġebel u tal-ġebla tal-ġir u "waħda mill-binjiet, li jistħoqqilha l-ammirazzjoni, kif ukoll l-isbaħ fost l-għeġubijiet straordinarji". Il-palazz kien jintuża bħala r-residenza tal-familja rjali. Merkant Armen jismu Khoja Murad żar il-palazz imperjali fl-1696 u sostna li kien hemm mill-inqas 80 tifel u tifla rjali "jiġru 'l hemm u 'l hawn". Minbarra l-palazz prinċipali, imperaturi sussegwenti bħal Bakaffa, Iyasu I u Mentewab bnew l-istrutturi tagħhom stess madwar il-kumpless imperjali u kabbruh b'mod konsiderevoli.[6][7] Fl-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20, Thomas Pakenham żar Fasil Ghebbi u osserva li "qalb il-palazzi kien hemm il-fdalijiet ta' paviljuni u strutturi tal-belt imperjali".[8]

Għadd kbir ta' binjiet f'Fasil Ghebbi ma ġewx ippreservati sa żminijietna, iżda xorta waħda hemm bosta binjiet li ġew rinnovati kemm waqt l-okkupazzjoni Taljana fl-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20 kif ukoll wara li l-Etjopja reġgħet kisbet l-indipendenza tagħha. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979. Fid-deċiżjoni tagħha, l-UNESCO ddikjarat li Fasil Ghebbi jirrappreżenta b'mod leali ċ-ċivilizzazzjoni Etjopjana moderna fit-Tramuntana tal-Lag ta' Tana li feġġet fil-bidu tas-seklu 17 u li influwenzat l-arkitettura Etjopjana għal bosta snin. Fasil Ghebbi tinkludi wkoll il-Banjijiet ta' Fasilides, kostruzzjoni attribwita lill-Imperatur Fasilides, u l-Kumpless Imperjali tal-Imperatriċi Mentewab f'Kuskam, li jitqies bħala waħda mill-iżjed destinazzjonijiet turistiċi importanti fil-pajjiż.

Fasil Ghebbi tkopri erja ta' madwar 70,000 metru kwadru (750,000 pied kwadru). Lejn in-Nofsinhar tagħha hemm Adababay, is-suq ta' Gondar, fejn kienu jsiru l-proklamazzjonijiet imperjali, kienu jiġu ppreżentati t-truppi, u kienu jiġu ġġustizzjati l-kriminali; attwalment sar park tal-belt.[9]

Is-Sala ta' Dawit tinsab fil-parti tat-Tramuntana tal-istruttura magħluqa, biswit il-binja attribwita lil Bakaffa u l-Knisja ta' Asasame Qeddus Mikael. Spiss magħrufa bħala d-"Dar tal-Kant", Stuart Munro-Hay jinnota li din jaf kienet interpretazzjoni żbaljata tal-Amharic zofan bet ("Dar id-Divan" jew "Dar it-Tron") bħala zafan bet ("Dar il-Kant"). Munro-Hay jiddeskriviha bħala "binja sostanzjali fuq sular wieħed b'torri tond fir-rokna tax-Xlokk tagħha", bi traċċi ta' torri tond iżgħar fir-rokna tal-Grigal u traċċi ta' torri kwadru fir-rokna tal-Majjistral "li l-biċċa l-kbira tiegħu ċediet". Fuq ġewwa tal-binja hemm sala twila waħda, li "kienet imdawla bit-twieqi u bid-daħliet bil-ħnejjiet tas-soltu li kienu jipprovdu l-aċċess għall-binja". Mill-2002, is-Sala ta' Dawit ma għandhiex saqaf iktar.[10]

Fasil Ghebbi hija mdawra bi swar b'tul ta' 900 metru (3,000 pied) bi tnax-il daħla. Skont l-ordni kontra l-arloġġ, dawn huma: Fit Ber (imsejħa wkoll Jan Tekle Ber) li tagħti għal Adababay; Wember Ber (id-Daħla tal-Imħallfin); Tazkaro Ber (id-Daħla tal-Kommemorazzjoni Funebri), li kellha pont li nqered waqt il-ġlied matul ir-renju ta' Iyasu II; Azaj Tequre Ber (id-Daħla ta' Azaj Tequre), li darba kienet ikkollegata b'pont mal-Knisja ta' Adababay Tekle Haymanot; Adenager Ber (id-Daħla tal-Ħajjata tal-Għażil), li kienet ikkollegata b'pont mal-Knisja ta' Qeddus Rafael fis-sezzjoni tan-nissieġa ta' Gondar; id-Daħla ta' Qwali Ber (id-Daħla tal-Qaddejja tar-Reġina), qrib id-daħla moderna tal-Knisja ta' Elfin Giyorgis fi ħdan is-swar; Imbilta Ber (id-Daħla tal-Mużiċisti); Elfign Ber (id-Daħla tal-Appartamenti Privati), li kienet tagħti aċċess għall-appartamenti privati ta' Fasil Ghebbi; Balderas Ber (id-Daħla tal-Kmandant tal-Kavallerija); Ras Ber (id-Daħla tar-Ras), magħrufa wkoll bħala Qwarenyoch Ber (id-Daħla tal-Poplu Qwara); Ergeb Ber (id-Daħla tal-Ħamiem), magħrufa wkoll bħala Kechin Ashawa Ber (id-Daħla tar-Rigali); Inqoye Ber (id-Daħla tal-Prinċipessa Inqoye, omm l-Imperatriċi Mentewab; u Gimjabet Mariyam Ber (id-Daħla tat-Teżor ta' Santa Marija), li tagħti għaz-zuntier tal-Knisja ta' Gimjabet Mariyam.[11]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Fasil Ghebbi fir-Reġjun ta' Gondar ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

  • Solomon Woredekal, "Restoration of historical monuments of Gondar", Annales d'Ethiopie, 13 (1985), pp. 119-133.
  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Fasil Ghebbi, Gondar Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-11.
  2. Appleyard, David (2013). Colloquial Amharic (2nd ed.). Routledge. ISBN 9781136303036.
  3. Munro-Hay, Ethiopia, the unknown land: a cultural and historical guide (Londra: I.B. Tauris, 2002), p. 118.
  4. Pankhurst, Richard (1982). History Of Ethiopian Towns. p. 109. ISBN 9783515032049.
  5. Pankhurst, Richard (1982). History Of Ethiopian Towns. p. 126. ISBN 9783515032049.
  6. Pankhurst, Richard (1982). History Of Ethiopian Towns. p. 124. ISBN 9783515032049.
  7. Richard Pankhurst, The Ethiopians: A History (Oxford: Blackwell, 2001), pp. 109f.
  8. Pakenham, The Mountains of Rasselas (New York: Reynal & Co., 1959), p. 42.
  9. Munro-Hay, Ethiopia, pp. 114f.
  10. Munro-Hay, Ethiopia, pp. 126-128.
  11. Munro-Hay, Ethiopia, pp. 118-120.