Fanal ta' Cordouan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Fanal ta' Cordouan

Il-Fanal ta' Cordouan (pronunzja bil-Franċiż: [kɔʁdwɑ̃]) huwa fanal attiv li jinsab f'nofs ta' baħar seba' kilometri 'l bogħod mix-xatt, ħdejn il-bokka tal-estwarju ta' Gironde fi Franza.[1] Il-fanal huwa għoli 67.5 metru (221 pied)[2] u huwa l-għaxar "fanal tradizzjonali" l-iktar għoli fid-dinja.[3]

Il-Fanal ta' Cordouan, il-"Patrijarka tal-Fanali", huwa l-eqdem fanal fi Franza, u l-kostruzzjoni tiegħu nbdiet fl-1584 u spiċċat fl-1611. Il-fanal ġie ddisinjat mill-arkitett ewlieni ta' Pariġi Louis de Foix, u huwa kapulavur Rinaxximentali, li ġie ispirat mill-mawżolej Rumani, u mill-palazzi, mill-katidrali, u mill-fortijiet tar-Rinaxximent.[4] Tliet sulari tal-fanal ġew miżjuda fis-seklu 18.

Minħabba l-arkitettura Rinaxximentali straordinarja tal-fanal u x-xhieda tiegħu għall-iżvilupp tal-fanali, il-Fanal ta' Cordouan tniżżel bħala monument storiku fl-1862[5], u ġie rikonoxxut bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[4][6]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Torrijiet żgħar b'ħuġġieġa kienu jeżistu fuq il-gżejra mit-880 W.K., iżda l-ewwel struttura ta' fanal proprja ġiet imwettqa minn Edward il-Prinċep Iswed, peress li Guienne dak iż-żmien kienet provinċja Ingliża. Din l-ewwel struttura kienet għolja 16-il metru (52 pied)[7], bi pjattaforma fuqha fejn il-ħatab kien jinżamm jaqbad f'ħuġġieġa, u kienet okkupata minn eremita reliġjuż. Il-vapuri li kienu jgħaddu minn ħdejha kien iħallsu żewġ groats (muniti Ingliżi antiki tal-fidda) – l-ewwel eżempju magħruf ta' miżati tal-fanali. Minbarra t-torri, fuq il-gżejra nbniet kappella żgħira. Sat-tieni nofs tas-seklu 16, it-torri kien beda jiġġarraf u l-periklu għan-navigazzjoni beda jhedded il-kummerċ tal-inbid ta' Bordeaux. Dan wassal għall-kostruzzjoni tal-Fanal ta' Cordouan fil-bixra attwali tiegħu.

Disinn[immodifika | immodifika s-sors]

Inċiżjoni ta' tpinġija ta' Claude Chastillon tat-torri oriġinali li tlesta fl-1611

Bl-użu ta' blokok tal-ġebla tal-ġir maħduma, de Foix l-ewwel bena bażi tonda b'dijametru ta' 41 metru (135 pied) u għolja żewġ metri (tmien piedi) biex tilqa' għall-qilla tal-mewġ iħabbat. Fi ħdanha ħaffer ħofra ta' żewġ metri kwadru għall-ħżin tal-ilma u ta' provvisti oħra. Fuqha bena erba' sulari, bis-sular ta' fuq iżgħar minn ta' taħtu. Il-pjan terran kien jikkonsisti minn torri ġej għat-tond b'dijametu ta' 15-il metru (50 pied), b'appartamenti għal erba' għassiesa tal-fanali madwar il-ħajt ta' ġewwa tiegħu. Fin-nofs kien hemm daħla mżejna sew ta' żewġ metri kwadru u għolja 6.1 metri (20 pied). It-tieni sular kien l-Appartament tar-Re, u kien jikkonsisti minn kamra għat-tfassil tad-dokumentazzjoni, antikamra u għadd ta' armadji. It-tielet sular kien fih kappella b'koppla notevoli għas-sbuħija tal-mużajk tagħha. Fuq dan is-sular kien hemm il-lanterna sekondarja, u fuqha l-lanterna ewlenija stess. Din kienet għolja 60 metru (200 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar u kienet viżibbli sa 8–10 kilometri bogħod. Id-dawl oriġinali tal-lanterna kien jiġi mill-ħruq ta' laqx tal-ballut f'kontenitur tal-metall.

Fil-binja kollha, de Foix qies kemm it-tiżjin kif ukoll id-durabbiltà tal-binja, u fuq kull sular għamel sensiela ta' indurar, tinqix, entrati b'bibien bi ħnejjiet eleganti u statwi.

Tkabbir[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel lampi paraboliċi żdiedu fl-1782, iżda l-fanal dak iż-żmien kien f'kundizzjoni ħażina ħafna. Il-baħħara wkoll bdew jikkritikaw in-nuqqas tal-għoli tad-dawl. Għaldaqstant kienu meħtieġa rinnovazzjonijiet kbar u dawn twettqu mill-1782 sal-1789 mill-inġinier Joseph Teulère, li ssuġġerixxa li t-torri tal-fanal ta' 30 metru jiġi mkabbar mill-għoli, iżda fl-istess waqt il-pjan terran u ż-żewġ sulari jinżammu bl-istil ta' Lwiġi XVI. Is-sempliċità tas-sulari l-ġodda ħolqu kuntrast mar-rikkezza tas-sular ta' taħt, li baqgħu mżejnin bi stil Rinaxximentali.

Tpinġija arkitettonika tal-Fanal ta' Cordouan kif imkabbar fl-1790.

Fl-1790, wara li l-fanal tkabbar għal għoli ta' 60 metru 'l fuq mill-ogħla marea, Teulère ħejja l-ewwel lampa parabolika ddur. Din kienet tikkonsisti minn lampi tat-tip Argand imdawra b'magna mibnija minn arloġġar f'Dieppe. Il-fjuwil kien taħlita ta' żejt tal-balieni, żejt taż-żebbuġa u żejt tal-lift.

L-ewwel sistema ta' lenti tat-tip Fresnel li kienet iddur, ivvintata minn Augustin-Jean Fresnel, ġiet installata fil-Fanal ta' Cordouan fl-1823. Tliet ftejjel konċentriċi tal-lampa, fornuti biż-żejt tal-lift permezz ta' pompa tal-ġbid u tal-forza, tpoġġew fil-pjan fokali tal-apparat.

Il-fanal ġie rrestawrat fl-1855 u sar monument storiku fl-1862, fl-istess żmien bħall-Katidral ta' Notre-Dame f'Pariġi. Il-lenti Fresnel oriġinali ġiet sostitwita bil-lenti attwali fl-1854.

Id-dawl ġie kkonvertit għall-gass tal-pitrolju fl-1907 u għall-elettriku fl-1948, meta ntużat lampa ta' 6,000 W. Il-lampa ġiet sostitwita b'lampa tal-ksenon ta' 450 W fl-1984 iżda din is-sostituzzjoni ma rnexxietx, u tliet snin wara ġiet installata lampa aloġena. Il-fanal ġie awtomatizzat għalkollox fl-2006, għalkemm l-għassiesa tal-fanal għadhom jiġu impjegati.[8] Tabilħaqq, għad-differenza ta' fanali oħra, iż-żamma kontinwa tal-Fanal ta' Cordouan ġiet meqjusa bħala xi ħaġa neċessarja biex dan il-fanal tassew antik u storiku jiġi ppreservat, kif ukoll biex jiggwidaw lill-viżitaturi. L-aħħar żewġ għassiesa "tradizzjonali" impjegati mill-Istat spiċċaw fl-2012 u ġew sostitwiti minn membri tal-assoċjazzjoni lokali SMIDDEST. Għalhekk, il-Fanal ta' Cordouan huwa l-aħħar fanal abitat fi Franza, wara li l-aħħar għassies tal-Fanal tal-Kap Fréhel waqaf jaħdem hemm f'Awwissu 2019.

Il-lanterna attwali tal-Fanal ta' Cordouan

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fanal ta' Cordouan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Lighthouses of France: Aquitaine". www.ibiblio.org. Miġbur 2022-02-23.
  2. ^ "Phare de Cordouan". www.pop.culture.gouv.fr. Miġbur 2022-02-23.
  3. ^ "The Tallest Lighthouses". www.ibiblio.org. Miġbur 2022-02-23.
  4. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Cordouan Lighthouse". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-23.
  5. ^ "Phare de Cordouan". www.pop.culture.gouv.fr. Miġbur 2022-02-23.
  6. ^ "UNESCO to add France's 'king of lighthouses' to world heritage list". France 24 (bl-Ingliż). 2021-07-24. Miġbur 2022-02-23.
  7. ^ "Lighthouses of France: Aquitaine". www.ibiblio.org. Miġbur 2022-02-23.
  8. ^ "Entrez ! - Visite & Découverte". Le Phare de Cordouan. Miġbur 2022-02-23.