Estadio Pocitos
Estadio Pocitos kien stadju fid-distrett ta' Pocitos, f'Montevideo, l-Urugwaj. L-istadju kellu użu għall-ħafna għanijiet, però prinċipalment kien jintuża għal-logħbiet tal-futbol bejn l-1921 u l-1933.[1] Dan ġie mwaqqa' aktar tard fis-snin tletin minħabba li l-klabb ta' Peñarol, li kien sidu, beda jilgħab fl-Estadio Centenario u l-belt ta' Montevideo bdiet tiżdied fl-urbanizzazzjoni.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-istadju ġie inawgurat uffiċjalment fis-6 ta' Novembru 1921 f'logħba ta' ħbiberija bejn Peñarol u l-Arġentini ta' River Plate li ntemmet fi dro ta' 1–1.[2] Il-pjan oriġinali kien li l-impjant jiġi inawgurat b'logħba bejn Peñarol u Nacional, imma minħabba r-relazzjonijiet ta' tensjoni bejn iż-żewġ klabbs, logħba oħra ġiet irranġata.
Minkejja l-kapaċità mnaqqsa, l-Estadio Pocitos ospita fih żewġ logħbiet tat-Tazza tad-Dinja tal-1930. Oriġinarjament, il-logħbiet kollha kellhom jintlagħbu fl-Estadio Centenario, però x-xogħlijiet kienu għadhom qed isiru fuq dan tal-aħħar minħabba dewmien kawża ta' maltemp u tlesta bl-eżatt mad-debutt tal-Urugwaj fil-kompetizzjoni fit-18 ta' Lulju. Fit-13 ta' Lulju fetaħ is-siparju għall-ewwel logħba tat-Tazza tad-Dinja bejn Franza u l-Messiku. Fid-dsatax-il minuta, il-Franċiż Lucien Laurent skorja l-ewwel gowl fl-istorja tal-kompetizzjoni fir-rebħa ta' 4–1.[3] L-għada, l-istadju ospita l-logħba bejn ir-Rumanija u l-Perù, fejn ir-Rumeni rebħu 3–1.
Sal-1933, l-Estadio Pocitos baqa' wżat minn Peñarol għal-logħbiet tal-kampjonat. Iktar tard f'dik is-sena, il-klabb mexa għall-Estadio Centenario.[4] Il-grawnd ġie mwaqqa fl-1940 biex iħalli spazju għal toroq u palazzi ġodda tal-viċinat ta' Montevideo.[5]
Bejn l-2002 u l-2006, l-arkitett Urugwajan Héctor Benech ħa l-isfida li jinvestiga u jsib il-post eżatt fejn ġie skorjat l-ewwel gowl tat-Tazza tad-Dinja. Mingħajr rekords uffiċjali, hu sab ritratt mill-ajru tal-1926 fl-arkivji tal-Muniċipalità ta' Montevideo, u b'hekk kien possibbli li jidentifika l-post fil-grawnd fejn seħħ dan l-avveniment storiku.[3][6] Din l-iskoperta saret pubblika fil-Mużew tal-Futbol Urugwajan f'Ġunju tal-2006. Fil-calle Coronel Alegre, qrib l-intersezzjoni ma' calle Charrúa, ittella' monument li jfakkar dan l-avveniment fil-post fejn kien in-nofs tal-grawnd tal-futbol.[7]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Estadio Pocitos (Estadio Pocitos) |
- ^ "New design: Finally a place to call home for Peñarol" (bl-Ingliż). StadiumDB. 2015-01-04.
- ^ "Instalaciones" (bl-Ispanjol). Girasol.
- ^ a b "La curiosa historia de la casa de Uruguay donde se marcó el primer gol en la historia de los Mundiales de fútbol" (bl-Ispanjol). BBC. 2018-06-25.
- ^ Morales, Andrés (2004). "Identidad nacional y monumentos. El caso del estadio Centenario" (bl-Ispanjol). Universidad de la República (Uruguay).
- ^ Prats, Luis (2007-11-30). "EL LIBRO "MONTEVIDEO, LA CIUDAD DEL FÚTBOL" DE LUIS PRATS" (bl-Ispanjol). Montevideo Portal.
- ^ Soria, David (2018-05-29). "El primer gol en el olvido" (bl-Ispanjol). Los otros 18.
- ^ "Rescate urbano de aquel primer gol del '30" (bl-Ispanjol). Azul FM. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-09-21.
Koordinati: 34°54′18″S 56°9′22″W / 34.905°S 56.15611°W