Aqbeż għall-kontentut

Claude de la Sengle

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Claude de la Sengle
Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm

1553 - 1557
Juan de Homedes - Jean Parisot de la Valette
Ħajja
Twelid Franza, 1494
Nazzjonalità Franza
Mewt Mdina, 18 Awwissu 1557
Edukazzjoni
Lingwi Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni patri ġellied

Claude de la Sengle (1494 18 ta’ Awwissu 1557) kien it-48 Gran Mastru tal-Ordni ta’ Malta, mill-1553 sa mewtu fl-1557. Is-suċċessur tiegħu kien Jean Parisot de Valette.

Imwieled Franza, Sengle, beda l-karriera militari tiegħu bħala balliju tal-langue Franċiża tal-Ordni. Kien involut sew fil-battalji tal-Kavallieri fil-Mediterran u fl-Afrika ta’ Fuq kontra l-kursari Ottomani mmexxija mill-Ammiral Turgut Reis, u partikolarment fil-ġlidiet għal Djerba u Tripli.

L-arma tal-belt tal-Isla, ibbażata fuq l-arma personali ta’ Claude de la Sengle.

Sengle kellu impatt konsiderevoli fuq it-tisħiħ militari ta' Malta, notevolment billi beda l-iżvilupp tal-belt ta' l-Isla fl-1554, li aktar tard isemmiet għalih u bdiet tuża l-arma tiegħu.[1] Huwa kabbar ukoll il-Forti San Mikiel f'sur ewlieni u lesta l-Forti Sant'Iermu, li kien inbeda mill-predeċessur tiegħu, il-Gran Mastru Juan de Homedes y Coscon.

Aktar tard, Karlu V ried jagħti Mehdia lill-Ordni, iżda l-kummissjoni li twaqqfet għal dan iddeċidiet li kienet se tkun tiswa wisq biex tinżamm. Għalhekk, Karlu V ordna lill-Viċire ta’ Sqallija, Juan de Vega, biex jeqridha biex jipprevjeni l-okkupazzjoni Musulmana.[2] Vega ħaraq lil Mehdia, iżda rritalja kontra Malta talli ma aċċettatx il-belt u pprojbixxa l-esportazzjoni tal-qamħ lejn il-gżira. Biex jiġġieled dan, Sengle ġab Malta lill-inġinier Vincenzo Vogo biex jaġġorna l-imtieħen ħalli l-popolazzjoni ma tmutx bil-ġuħ.

It-tromba li ħakmet lill-Port il-Kbir aktarx li seħħet matul ir-renju ta’ Sengle fl-1555 jew fl-1556, għalkemm xi sorsi jgħidu li seħħet fl-1551. Skont xi sorsi, erba’ galljuni bl-isem ta’ Santa Fè, San Michele, San Filippu, u San Claudio nqalbu fit-tromba tal-arja u kellha tasal għajnuna minn barra biex l-Ordni tissostiwixxi dawn il-galjuni b'oħrajn ġodda. Fl-1557, il-Prijur François de Lorena kkmanda ħamsa mill-galljuni tal-Ordni u huma tqabdu ma' flotta Musulmana 'l barra minn Rodi. L-Ottomani rebħu t-taqbida, u mietu ħafna nies. Il-galjuni li kien fadal waslu fil-Port il-Kbir fis-17 ta’ Ġunju, u Sengle u ħafna oħrajn bkew meta semgħu bit-telfa ta' dawk li mietu fit-taqbida.[3]

Wara din it-telfa, saħħet Sengle marret lura u rtira lejn Boschetto. Huwa miet fit-18 ta' Awwissu 1557 fl-Imdina u ndifen fil-Kappella ta' Sant'Anna ġewwa l-Forti Sant'Anġlu. Qalbu kienet midfuna fil-Knisja tal-Lunzjata, barra r-Rabat.[4] Aktar tard fis-seklu 16 il-fdalijiet tiegħu ġew imċaqalqa għall-kripta tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann fil-Belt Valletta.[5]

  1. "Sovereign Military Order of Malta - Grandmaster Claude de la Sengle". Flags of the World. Miġbur 5 October 2014.
  2. Houtsma, M. Th. (1993). E. J. Brill's first encyclopaedia of Islam : 1913 – 1936. 5. Leiden: BRILL. p. 122. ISBN 9789004097919.
  3. Abela, Joe. "Claude de la Sengle (1494 - 1557)". Senglea Local Council. Miġbur 5 October 2014.
  4. "Claude De La Sengle : 1553-1557". San Andrea School. Arkivjat minn l-oriġinal fl-6 July 2007. Miġbur 5 October 2014.
  5. Mallia-Milanes, Victor (2008). The Military Orders: History and heritage. Aldershot: Ashgate Publishing Limited. p. 62. ISBN 9780754662907. Miġbur 21 September 2014.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]


Predeċessur
Juan de Homedes y Coscon
Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann
1553–1557

Suċċessur
Jean Parisot de Valette