Buskett

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Buskett mis-Siġġiewi

Il-Buskett (bl-Ingliż: Buskett Gardens; bit-Taljan: Boschetto) huwa waħda mill-ftit żoni bl-imsaġar f'Malta, u jinsab fil-wied għammiel ta' Wied il-Luq fis-Siġġiewi. Is-sit ta' 30 ettaru jinsab fil-Punent tas-Siġġiewi (Città Ferdinand) u kemm kemm fil-Lvant ta' Ħad-Dingli. Il-Palazz Verdala, residenza uffiċjali tal-President ta' Malta, jinsab fix-xifer tal-Buskett.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Buskett oriġina mill-inqas fi żmien ta' wara r-Repubblika Rumana meta kienu jsiru ċelebrazzjonijiet sesswali tradizzjonali f'ġieħ l-allat. Meta l-Kristjaneżmu tal-Lvant nibet f'Malta, din il-festa pagana ġiet sostitwita b'ċelebrazzjoni Kristjana ta' San Pietru u San Pawl.[2]

Fl-imgħoddi foresti indiġeni kienu jiksu l-art ta' Malta, iżda s-siġar inqatgħu għall-bini tal-vapuri fiż-żmien meta l-iġfna kienu jaqdfu fl-ilmijiet tal-Mediterran, u għal skopijiet agrikoli. Il-Buskett ġie mħawwel mill-Kavallieri ta' San Ġwann bħala riżerva tal-kaċċa.[3]

F'Ġunju 1557, il-Gran Mastru Claude de la Sengle rtira fil-Buskett meta saħħtu bdiet tmur għall-agħar, u miet fl-Imdina xahrejn wara.[4]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Xi siġar tal-Buskett

Il-Buskett kif fih imsaġar b'siġar ħorfija b'weraq wiesa', imsaġar b'siġar koniferi indiġeni, xagħri tat-tip sklerofilluż u makkja bl-arbuxelli, kif ukoll għelieqi bis-siġar tal-frott. Jikbru bosta siġriet u arbuxelli differenti, inkluż diversi siġar tal-frott. Il-Buskett huwa wieħed mill-iktar żoni ħodor f'Malta. Il-Buskett ikun fl-aqwa tiegħu fir-rebbiegħa; iżda s-siġar jipprovdi d-dell mill-qilla ta' nofs is-sajf u huwa post għall-kwiet għal mixja fix-xhur tax-xitwa.

Il-Buskett huwa popolari ħafna mal-Maltin, li spiss imorru għal mixjiet f'ambjent għall-kwiet jew għal xi picnic fid-dell tas-siġar. Fil-Buskett issir il-Festa tal-Imnarja li tiġi ċċelebrata fid-29 ta' Ġunju. Mijiet ta' nies jinġemgħu hemmhekk mil-lejla ta' qabel biex jieklu l-istuffat tradizzjonali Malti tal-fenek imsajjar fl-inbid, jisimgħu l-mużika u l-għana folkloristiċi tradizzjonali, kif ukoll il-banda, biex igawdu l-wirja agrikola annwali filgħodu.

Palazz Verdala[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz Verdala

Il-Palazz Verdala jinsab fil-quċċata ta' għolja fix-xifer tal-Buskett. Inbena mill-Gran Mastru Hughes de Verdalle fl-1588 bħala residenza tas-sajf u loġġa tal-kaċċa. Il-binja issa tintuża bħala r-residenza tas-sajf tal-President ta' Malta. Il-palazz huwa għeliem u mhuwiex miftuħ għall-pubblika għajr f'okkażjonijiet rari.

Żona Importanti għall-Għasafar[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Buskett ġie identifikat bħala Żona Importanti għall-Għasafar (bl-Ingliż: Important Bird Area (IBA)) mill-BirdLife International minħabba li jappoġġa għadd kbir ta' speċijiet ta' għasafar, speċjalment għasafar tal-priża, u minħabba li jintuża bħala santwarju għall-għasafar li jpassu b'mod staġonali fuq l-arċipelagu Malti.[5][6]

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Buskett Garden - Rabat, Malta". www.malta.com. Miġbur 2022-03-20.
  2. ^ McGill, Thomas (1839). A hand book, or guide, for strangers visiting Malta. Oxford University. p. 111.
  3. ^ "Buskett, the lungs of Malta | The Man Who Went To Malta". web.archive.org. 2014-09-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-09-07. Miġbur 2022-03-20.
  4. ^ "Senglea Local Council - Prominent Sengleans". www.islalocalcouncil.com. Miġbur 2022-03-20.
  5. ^ "BirdLife Data Zone". datazone.birdlife.org. Miġbur 2022-03-20.
  6. ^ "Buskett Woodland". Birdingplaces.eu (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-20.