Christopher Polhem
Christopher Polhem | |||
---|---|---|---|
10 Diċembru 1716 - | |||
Ħajja | |||
Twelid | Tingstäde, 18 Diċembru 1661 | ||
Nazzjonalità | Żvezja | ||
Mewt | parroċċa ta' Marija Maddalenau Stokkolma, 30 Awwissu 1751 | ||
Familja | |||
Ulied | |||
Tribù | Polhem | ||
Edukazzjoni | |||
Alma mater |
Università ta’ Uppsala Università ta' Harderwijk | ||
Lingwi | Żvediż | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
fiżiku inventur imprenditur mexxej industrijali matematiku | ||
Post tax-xogħol | Stokkolma | ||
Premjijiet | |||
Sħubija | Akkademja Rjali Żvediża tax-Xjenzi |
Christopher Polhammar (twieled fit-18 ta' Diċembru 1661 – miet fit-30 ta' Awwissu 1751), magħruf aħjar bħala Christopher Polhem, l-isem li ħa wara li sar nobbli fl-1716, kien xjenzat, inventur u industrijalista Żvediż. Huwa ta kontributi sinifikanti għall-iżvilupp ekonomiku u industrijali tal-Iżvezja, b'mod partikolari fix-xogħol tal-minjieri. Huwa sar nobbli mir-Re Karlu XII tal-Iżvezja għall-kontributi tiegħu għall-iżvilupp teknoloġiku Żvediż.[1][2][3]
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Polhem (Polhammar) twieled fil-gżira ta' Gotland fil-villaġġ żgħir ta' Tingstäde, li jinsab fil-Grigal ta' Visby. Oriġinarjament, il-familja Polhem ġiet mir-Renju tal-Ungerija u kellha nisel Awstrijak.[4][5][6][7][8]
Missier Polhem, Wolf Christoph Polhammer, li twieled għall-ħabta tal-1610 fir-Renju tal-Ungerija u li kien it-tifel ta' baruni Awstrijak[9], mill-Ungerija mar lejn il-Pomeranja Żvediża minħabba persegwitazzjoni reliġjuża. Wolf Polhammer kien jagħmel kummerċ f'Visby u eventwalment stabbilixxa ruħu hemmhekk u sar baħħar. Il-familja Polhem kienet relatata man-nobbiltà Ungeriża ta' Szentgyörgyi ta' Bazin;[10] Bora Szentgyörgyi kien iżżewweġ lil Farkas Polhem fl-1364.[11][12]
Christopher Polhammar attenda skola bil-lingwa Ġermaniża fi Stokkolma sa ma kellu tmien snin, meta miet missieru. Ommu, Christina Eriksdotter Schening, li kienet minn Vadstena f'Östergötland, iktar 'il quddiem reġgħet iżżewġet. B'riżultat ta' kunflitti ma' missieru tar-rispett, l-edukazzjoni privata tiegħu ma tħallsitx iktar u Polhem intbagħat jgħix ma' zijuh fi Stokkolma.[13]
Huwa beda jaħdem bħala assistent f'razzett f'Vansta, proprjetà f'Södertörn, fi Stokkolma. F'qasir żmien laħaq bħala superviżur u kien responsabbli mis-superviżjoni u mill-kontabilità, li seta' jwettaq mingħajr intoppi minħabba li kien midħla sew tal-matematika. Huwa ħadem f'Vansta għal għaxar snin, u matul dak iż-żmien huwa bena struttura għalih fejn kien jagħmel l-għodda, u jsewwi u jibni makkinarju sempliċi biex jaqla' l-flus.[3]
Peress li kien għatxan għall-għarfien fl-oqsma ta' interess tiegħu, il-matematika u l-mekkanika, malajr irrealizza li ma seta' jasal imkien mingħajr ma jitgħallem il-Latin. Huwa pprova jitgħallmu waħdu, iżda qata' qalbu; Polhem irrealizza li kellu bżonn għalliem. Talli bena arloġġ kumpless, huwa ngħata lezzjonijiet tal-Latin minn vikarju lokali.[3]
Il-kelma dwar il-ħila mekkanika ta' Polhem ġriet u nfirxet malajr, u membru tal-kleru kiteb lil Anders Spole, professur tal-matematika fl-Università ta' Uppsala biex jirrakkomanda lil Polhem. Anders Spole, in-nannu ta' Anders Celsius, ippreżenta żewġ arloġġi mkissrin lil Polhem u offrielu li jħallih jistudja taħtu jekk jirnexxilu jsewwihom. Polhem irnexxielu jsewwi l-arloġġi bla ebda diffikultà u fl-1687, daħal fl-Università ta' Uppsala meta kellu 26 sena.[14]
Ħajja personali
[immodifika | immodifika s-sors]Polhem iżżewweġ lil Maria Hoffman (1671-1735) fit-28 ta' Diċembru 1691. Flimkien kellhom tmint itfal li twieldu bejn l-1692 u l-1705.
Fl-1716, huwa sar nobbli mir-Re Karlu XII tal-Iżvezja bħala ħajr tas-servizzi tiegħu lin-nazzjon u biddel kunjomu minn Polhammar għal Polheim, li iktar 'il quddiem qassar għal Polhem.
Hu u ibnu Gabriel Polhem (1700-1772) it-tnejn li huma kienu membri eletti tal-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenzi fl-1739, l-istess sena li ġiet stabbilita l-Akkademja.
Polhem miet minħabba kawżi naturali fl-1751 fi Stokkolma meta kellu 90 sena.[15]
Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Industrijali
[immodifika | immodifika s-sors]Skont l-awtobijografija ta' Polhem, l-avveniment li mmarka l-bidu tal-karriera tiegħu kien it-tiswija b'suċċess tal-arloġġ astronomiku Medjevali (is-seklu 16) mhux komplut, li kien iddisinjat minn Petrus Astronomus, fil-Katidral ta' Uppsala, li kien baqa' mhux komplut u mkisser għal iktar minn seklu.
Fl-1690 Polhem ġie appuntat biex itejjeb l-operazzjonijiet tax-xogħol fil-minjieri ta' dak iż-żmien fl-Iżvezja. Il-kontribut tiegħu kienet kostruzzjoni għall-olzar u għat-trasport tal-minerali grezzi mill-minjieri, proċess li kien pjuttost riskjuż u ineffiċjenti dak iż-żmien. Il-kostruzzjoni kienet tikkonsisti minn sistema rotatorja għall-olzar tal-minerali grezzi li minflok bil-wajers kienet imħaddma b'rota fuq l-ilma. Il-forza tax-xogħol umana li kienet meħtieġa kienet limitata għat-tagħbija tal-kontenituri. Peress li kienet sistema ġdida u rivoluzzjonarja, il-kelma dwar ix-xogħol ta' Polhem ġriet u waslet sar-Re Karlu XI tal-Iżvezja li tant baqa' impressjonat bix-xogħol li assenjalu l-kompitu li jtejjeb l-operat ewlieni tax-xogħol fil-minjieri fl-Iżvezja, speċjalment fil-Minjiera tar-Ram ta' Falun f'Dalarna.[16]
Iffinanzjat mill-awtorità Żvediża tax-xogħol fil-minjieri, Polhem ivvjaġġa mal-Ewropa kollha sabiex jistudja l-iżvilupp mekkaniku. Huwa reġa' lura fl-Iżvezja fl-1697 biex jistabbilixxi laboratorium mechanicum fi Stokkolma, faċilità għat-taħriġ tal-inġiniera, kif ukoll laboratorju għall-ittestjar u għall-wiri tad-disinni tiegħu. Minn dak iż-żmien 'l hawn, sar l-Istitut Rjali prestiġjuż tat-Teknoloġija KTH, li beda taħt ir-Re Karlu XI u tifħir tiegħu lil Christopher Polhem għall-isforzi li għamel fix-xogħol tal-minjieri.
L-ikbar kisba tiegħu kienet fabbrika awtomatizzata mħaddma għalkollox bl-ilma; dak iż-żmien l-awtomatizzazzjoni ma kinitx xi ħaġa komuni. Il-fabbrika nbniet fl-1699 fi Stjärnsund u pproduċiet għadd ta' prodotti, fosthom il-manifattura tas-skieken, tas-sokriet u tal-arloġġi. L-iżvilupp tal-fabbrika nibet mill-idea li l-Iżvezja kellha tesporta inqas materja prima u minflok kellha tipproċessaha fi ħdan il-fruntieri tagħha stess. Il-fabbrika rċeviet reżistenza kbira mill-ħaddiema li beżgħu li kienu se jiġu sostitwiti mill-makkinarju. Eventwalment il-biċċa l-kbira tal-fabbrika nqerdet f'nirien li faqqgħu fl-1734, u kien baqa' biss il-parti tal-fabbrika fejn kienu jiġu prodotti l-arloġġi. Il-fabbrika baqgħet tipproduċi l-arloġġi, li kienu magħrufa għall-kwalità għolja u għall-prezzijiet baxxi tagħhom. Għalkemm il-popolarità tal-arloġġi naqset matul il-bidu tas-seklu 19, il-produzzjoni tal-arloġġi għadha għaddejja sa llum fi Stjärnsund, u għadhom jiġu prodotti xi għoxrin arloġġ tad-disinn ta' Polhem fis-sena.[17]
Prodott ieħor mill-fabbrika kienu s-"sokriet ta' Polhem" (bl-Iżvediż: Polhemslås), li essenzjalment kienu l-ewwel disinn tal-varjazzjoni ta' lukketti komuni llum il-ġurnata. Ekonomikament, il-fabbrika ma kinitx vijabbli, iżda r-re ta' dak iż-żmien, Karlu XII, kien jappoġġaha u kien jagħti lil Polhem il-ħelsien mit-taxxi biex iħeġġeġ l-isforzi tiegħu. Il-fabbrika ta' Stjärnsund kien żarha wieħed mill-kontemporanji ta' Polhem, Carl Linnaeus, li kiteb dwarha fid-djarji tiegħu u stqarr li "Xejn mhu iktar ottimistiku minn Stjärnsund" (bl-Iżvediż: Intet är spekulativare än Stjärnsund).[18]
Polhem ikkontribwixxa wkoll fil-kostruzzjoni tal-Kanal ta' Göta, kanal li jikkollega l-kosti tal-Lvant u tal-Punent tal-Iżvezja. Flimkien ma' Karlu XII tal-Iżvezja, huwa ppjana l-kostruzzjoni ta' partijiet tal-kanal, b'mod partikolari l-imgħalaq tal-kanal fis-seklu 18; il-kanal tlesta fl-1832, ferm wara mewtu.
Kontributi maġġuri oħra ta' Polhem kienu l-kostruzzjonijiet ta' tarzni, digi u mgħalaq tal-kanal, li ddisinja flimkien mal-assistent u l-ħabib tiegħu, Emanuel Swedenborg.
Oqsma oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Polhem ma kienx attiv biss fil-qasam tal-mekkanika, iżda kiteb ukoll saġġi dwar il-mediċina, il-kritika soċjali, l-astronomija, il-ġeoloġija u x-xjenza ekonomika.
Mixxellanji
[immodifika | immodifika s-sors]Antenata ta' Béla Bartók, min-naħa ta' ommu kienet Rozália Pallheim.[19]
Kisbiet notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Stabbilixxa l-iStjärnsunds manufakturverk f'södra Dalarna fis-sena 1700.[20]
- Ivvinta mill-ġdid il-ġontura ta' Cardan u taha l-isem ta' "għoqda ta' Polhem" (bl-Iżvediż: Polhemknut) indipendentement minn Gerolamo Cardano, l-inventur pijunier.
- Organizza l-makkinarju f'"alfabett mekkaniku" u pprovda l-eżempji. Minn 80 mudell imnaqqax mill-injam, 32 għadhom jinsabu f'kollezzjonijiet tal-Mużew Nazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija (bl-Iżvediż:Tekniska Museet) fi Stokkolma. 13-il mudell ieħor tal-"alfabett mekkaniku" jinsabu fil-Mużew tax-Xogħol tal-Minjieri ta' Falun, l-Iżvezja.[2]
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]- L-immaġni tiegħu dehret fin-naħa ta' wara tal-karta tal-flus ta' 500 kronor Żvediż li nħarġet bejn l-2001 u l-2016. In-naħa ta' quddiem kellha ritratt tar-Re Karlu XI tal-Iżvezja.[21]
- Il-Premju Polhem (bl-Iżvediż: Polhemspriset) issemma għalih. Il-premju jingħata mill-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Inġiniera Gradwati lil kontributuri sinifikanti tal-industrija u tal-inġinerija tal-kostruzzjoni.[22]
- Statwa tal-bronż ta' Christopher Polhem magħmula minn Theodor Lundberg tinsab barra l-fdalijiet tal-Knisja ta' Drotten f'Visby.[23]
- Monument tal-granit ta' Christopher Polhem magħmul minn Ivar Johnsson jinsab f'Gothenburg.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Christopher Polhem | Swedish engineer". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ a b "Christopher Polhem - The mechanical alphabet". Tekniska museet (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ a b ċ "SBL". sok.riksarkivet.se. Miġbur 2021-08-30.
- ^ FIB. "Swedes and Hungarians–From History To Concrete" (PDF).
- ^ "Christoffer Polhem och Hällestad Storgruva". k-arv.se (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Szentgyorgyi os Bazini 2". genealogy.euweb.cz.
- ^ "Wulf Christopher Polhammar". geni_family_tree (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Polhem nr 1514 - Adelsvapen-Wiki". www.adelsvapen.com. Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Polhem nr 1514 - Adelsvapen-Wiki". www.adelsvapen.com. Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Szent-Györgyi család (Bazíni gróf †) | Nagy Iván: Magyarország családai | Kézikönyvtár". www.arcanum.com. Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Találatok (polheim) | Kézikönyvtár". www.arcanum.com. Miġbur 2021-08-30.
- ^ "SBL". sok.riksarkivet.se. Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Polhem, Christopher (1661-1751) Swedish Mechanical Engineer (Scientist)". what-when-how.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-04-03. Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Anders (Andreas) Spole - Svenskt Biografiskt Lexikon". sok.riksarkivet.se. Miġbur 2021-08-30.
- ^ "1229-1230 (Nordisk familjebok / Uggleupplagan. 21. Papua - Posselt)". runeberg.org (bl-Iżvediż). 1915. Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Polhemspriset.se · Om Christopher Polhem" (bl-Iżvediż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ Svärd, Bror Richard (2012-02-18). "Christoffer Polhem – Helagotland". helagotland.se (bl-Iżvediż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-04-06. Miġbur 2021-08-30.
- ^ ABLOY, ASSA. "Christopher Polhem". Historical Locks (bl-Iżvediż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Rozália Pallheim". geni_family_tree (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Stjärnsund". www.stjarnsund.com (bl-Iżvediż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ "500 Swedish Kronor (King Carl XI) - Exchange yours for cash" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ "Polhemspriset.se · Sveriges Ingenjörer" (bl-Iżvediż). Miġbur 2021-08-30.
- ^ Svahnström, Gunnar (1985) Kyrkorna i Visby (Stokkolma: Riksantikvarieämbetet) ISBN 91-7192-649-6.