Changdeokgung

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta ta' Changdeokgung mill-ajru

Changdeokgung (bil-Hangul: 창덕궁, bil-Hanja: 昌德宮; litteralment, "il-Palazz tal-Virtà tal-Prosperità"), magħruf ukoll bħala l-Palazz ta' Changdeokgung jew il-Palazz ta' Changdeok, huwa stabbilit fi ħdan park kbir fid-Distrett ta' Jongno, f'Seoul, il-Korea t'Isfel. Huwa wieħed mill-"Ħames Palazzi Grandjużi" li nbnew mir-rejiet tad-dinastija Joseon (1392-1897).[1] Peress li jinsab fil-Lvant tal-Palazz ta' Gyeongbok, Changdeokgung — flimkien ma' Changgyeonggung — ġieli jissejjaħ ukoll il-"Palazz tal-Lvant" (동궐, 東闕, Donggwol).

Changdeokgung kien l-iżjed palazz favorit ta' bosta rejiet tad-dinastija Joseon u ppreserva ħafna elementi li jmorru lura għal żmien it-Tliet Renji tal-Korea li ma ġewx inkorporati fil-Palazz ta' Gyeongbokgung li hu iktar kontemporanju. Wieħed minn dawn l-elementi huwa l-fatt li l-binjiet ta' Changdeokgung donnhom saru ħaġa waħda mat-topografija naturali tas-sit minflok ma jimponu ruħhom fuqha. Bħall-Palazzi Grandjużi l-oħra f'Seoul, Changdeokgung ġarrab ħsarat estensivi matul l-okkupazzjoni Ġappuniża tal-Korea (1910-1945). Attwalment, madwar 30 % biss mill-istrutturi pre-Ġappuniżi tal-Kumpless tal-Palazz tal-Lvant (Changdeokgung flimkien ma' Changgyeonggung) għadhom jeżistu.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Donggwoldo, il-pittura tal-pajsaġġ ta' Changdeokgung u Changgyeonggung.

Changdeokgung kien it-tieni palazz wara Gyeongbokgung li kien ġie stabbilit fl-1395 bħala l-palazz primarju. Qalb it-taqbid għat-tron bejn il-prinċpijiet u l-vassalli, l-awtorità ta' Gyeongbokgung tnawwret. Ir-Re Jeongjong inkurunat mill-Prinċep Jeong-an (Yi Bang-won, li iktar 'il quddiem sar ir-Re Taejong) ċaqlaq il-belt kapitali lejn Gaegyeong tad-dinastija Goryeo, mill-ġdid fl-1400 bil-pretest li kellha karatteristiċi ġeografiċi superjuri, mentri fil-fatt ried jaħrab it-taqbid għall-poter. Ir-Re Taejong (Yi Bang-won) ftit wara li laħaq fuq it-tron irritorna lejn Hanseong (illum il-ġurnata Seoul) u ordna palazz ġdid imsejjaħ Changdeokgung minflok Gyeongbokgung peress li kien qatel l-aħwa tar-rispett tiegħu f'Gyeongbokgung u għaliex il-kostruzzjoni ta' dak il-palazz kienet saret minn Jeong Do-jeon, li kien rivali tar-re. Il-kostruzzjoni tal-Palazz ta' Changdeok bdiet fl-1405 u tlestiet fl-1412. Ir-Re Seonjo kabbar l-artijiet tal-palazz b'madwar 500,000 metru kwadru u inkluda huwon.

Il-palazz ħa n-nar u nqered matul l-invażjoni Ġappuniża fl-1592 u ġie rikostruwit fl-1609 mir-Re Seonjo u mir-Re Gwanghaegun. Il-palazz reġa' ħa n-nar u nqered mill-ġdid fl-1623 minħabba rewwixta politika tar-Re Injo kontra Gwanghaegun. Il-palazz ġie attakkat ukoll mill-Manchu Qing iżda matul l-istorja kollha tiegħu ta' rikostruzzjoni u ta' tiswijiet baqa' leali għad-disinn oriġinali tiegħu. Changdeokgung kien is-sit tal-qorti rjali u s-sede tal-gvern sal-1868, meta reġa' nbena Gyeongbokgung. L-aħħar imperatur tal-Korea, Sunjong, għex hemmhekk sa mewtu fl-1926.

Partijiet mill-palazz (b'mod partikolari s-sala ta' Nakseon-jae) baqgħu jiffunzjonaw bħala residenza rjali sal-1989, meta kemm il-Prinċipessa Deokhye kif ukoll il-Prinċipessa Eredi Bangja mietu. Residenti oħra wara t-Tieni Gwerra Dinjija kienu jinkludu lill-Imperatriċi Sunjeong (it-tieni mara ta' Sunjong), il-Prinċep Eredi Yi Un, ibnu Yi Gu u l-mara ta' Yi Gu, Julia Mullock. Madankollu, ir-residenza fil-palazz fil-perjodu ta' wara l-gwerra kienet tiġi permessa b'mod arbitrarju mill-mexxejja repubblikani, u wara l-liberazzjoni Koreana fl-1945, kien hemm bżonn tar-riżenja ta' Rhee Syngman qabel ma l-eks membri tal-familja imperjali tħallew jerġgħu jgħixu fil-palazz.

Illum il-ġurnata fadal 13-il binja fl-artijiet tal-palazz u 28 paviljun fil-ġonna, li jokkupaw 110 akri (45 ettaru) b'kollox. Iż-żona ġiet iddeżinjata bħala s-Sit Storiku Nru 122. Fost il-binjiet notevoli hemm Donhwamun (li nbniet fl-1412 u ġiet rikostruwita fl-1607, b'qanpiena tar-ram li tiżen tmien tunnellati metriċi), Injeongjeon (is-sala prinċipali), Seongjeongjeon (l-uffiċju awżiljarju fis-sala prinċipali), Huijeongdang (ir-residenza privata tar-re, li iktar 'il quddiem intużat bħala sala tal-konferenzi), Daejojeon (il-kwartieri tal-għajxien) u Nakseon-jae.

Strutturi[immodifika | immodifika s-sors]

Injeongjeon, is-sala prinċipali

Il-palazz inbena bejn il-Quċċata ta' Maebong tal-Għolja Bugaksan fuq wara u x-xmara Geumcheon fuq quddiem, skont l-influwenza tal-prinċipju "baesanimsu" (배산임수, litteralment "dahrek mal-għolja, wiċċek lejn l-ilma") fit-teorija tal-Feng Shui. Kuntrarjament għal Gyeongbokgung, fejn il-binjiet prinċipali huma rranġati bir-reqqa skont prinċipju arkitettoniku, madankollu, il-binjiet ta' Changdeokgung għandhom konfigurazzjoni iktar ħielsa mingħajr sistema regolari. Għalkemm l-istruttura tiegħu tidher bħala waħda kaotika mal-ewwel daqqa t'għajn, il-binjiet kollha jinsabu f'armonija mal-ambjent ta' madwarhom.

Changdeokgung jikkonsisti minn żona governattiva (치조, 治朝, chijo) iċċentrata fuq Injeongjeon u Seonjeongjeon, iż-żona rjali privata (침전, 寢殿, chimjeon, li tfisser "dar tal-kamra tas-sodda tar-re"), iż-żona ta' Nakseonjae fil-Lvant, u huwon lil hinn mill-għoljiet tat-Tramuntana. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet uffiċjali maġġuri bħal Injeongjeon, is-sala prinċipali ta' Changdeokgung, Seonjeongjeon, l-uffiċċju tar-re, u bosta mill-uffiċċji tal-gvern (궐내각사, 闕內各司, gwollaegaksa) jinsabu fil-partijiet ta' quddiem tal-palazz, u lil hinn minnhom hemm qorti privata għar-re u għar-reġina. Il-kwartieri tar-re bħal Seonjeongjeon, Huijeongdang u Nakseonjae huma mdawra b'bosta binjiet u qrati f'każ ta' xi attakk minn barra. L-istil arkitettoniku ta' Changdeokgung inġenerali huwa kkaratterizzat mis-sempliċità u mill-frugalità minħabba l-ideoloġija tal-Konfuċjaniżmu.

Fost l-istrutturi ta' interess partikolari nsibu:

  • Id-Daħla ta' Donhwamun – id-daħla prinċipali tal-palazz. Mibnija fl-1412, id-Daħla ta' Donhwamun hija struttura tal-injam qisha paviljun fuq żewġ sulari, u hija l-ikbar fost id-daħliet tal-palazz. Id-Daħla ta' Donhwamun ingħatat in-nar u nqerdet matul l-invażjoni Ġappuniża tal-1592 u ġiet irrestawrata fl-1608.
  • Il-Pont ta' Geumcheongyo – l-eqdem pont li għadu jeżisti f'Seoul. Inbena fl-1411.
  • Is-Sala ta' Injeongjeon (Teżor Nazzjonali) – is-sala tat-tron ta' Changdeokgung. Kienet tintuża għall-affarijiet statali ewlenin, inkluż l-inkurunazzjoni ta' re ġdid u l-akkoljenza ta' mibgħuta barranin. Oriġinarjament inbniet fl-1405 u ġiet rikostruwita fl-1610 wara li ngħatat in-nar matul l-invażjoni Ġappuniża tal-1592, u nbniet mill-ġdid għat-tielet darba fl-1804 wara li nqerdet minħabba nirien.
  • Is-Sala ta' Seonjeongjeon – l-uffiċċju għall-uffiċjali tar-renju. Ir-re hawnhekk kien ikollu laqgħat ta' kuljum u seminars mal-ministri biex jirrapporta fuq l-affarijiet tal-istat.
  • Is-Sala ta' Huijeongdang – oriġinarjament kienet is-sala tal-kamra tas-sodda ta-re,iżda mbagħad saret il-post tax-xogħol tiegħu wara li Seonjeongjeon tqieset żgħira wisq għat-twettiq tal-affarijiet statali ta' kuljum. Il-Huijeongdang oriġinali nqerdet min-nirien fl-1917. L-istruttura rikostruwita hija kompletament differenti mill-istruttura oriġinali minħabba influwenzi reċenti tal-Punent. Fuq ġewwa tal-binja wieħed jista' jara art tal-injam, twapet, twieqi tal-ħġieġ u kandelabri.
  • Is-Sala ta' Daejojeon – ir-residenza uffiċjali tar-reġina. Inqerdet min-nirien fl-1917, u ġiet rikostruwita b'materjali meħuda minn Gyeongbokgung. Is-Sala ta' Daejojeon kienet tintuża bħala residenza għall-aħħar imperatriċi tad-dinastija Joseon, u b'hekk tagħtina ħjiel dwar l-aħħar snin tad-dinastija Joseon.
  • Il-Paviljun ta' Juhamnu (Kyujanggak) – f'din iż-żona kien hemm il-libreriji rjali. L-eżamijiet statali kienu jsiru quddiem il-paviljun f'okkażjonijiet speċjali fil-preżenza tar-re.
  • Ir-Residenza ta' Yeon-gyeongdang – mibnija fl-1827, kienet sala tal-udjenzi mmudellata fuq dar tipika tal-litterati.

Huwon[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Paviljun ta' Buyongjeong (qabel ir-restawr tal-2012) u l-għadira ta' Buyeongji fiż-żona tal-huwon.

Wara l-palazz hemm huwon (후원, 後苑, jiġifieri "ġnien ta' wara") ta' 78 akru (32 ettaru) li oriġinarjament inbena għall-użu tal-familja rjali u n-nisa tal-palazz. Il-ġnien jinkorpora għadira bil-lotus, paviljuni, spazji pajsaġġistiċi bil-ħaxix, siġar u fjuri. Hemm iktar minn 26,000 eżemplar ta' mitt speċi differenti ta' siġar fil-ġnien u wħud mis-siġar wara l-palazz għandhom iktar minn 300 sena. Il-ġnien għall-użu privat tar-re kien jissejjaħ Geumwon (금원, 禁苑, jiġifieri "ġnien ipprojbit") peress li lanqas l-uffiċjali għoljin ma kienx jitħallew jidħlu mingħajr il-permess tar-re. Kien jissejjaħ ukoll Naewon (내원, 內苑, jiġifieri "ġnien intern"). Illum il-ġurnata l-Koreani spiss isejħulu Biwon (비원, 秘院, jiġifieri "ġnien sigriet"), isem li oriġina mill-uffiċċju bl-istess isem fl-aħħar tas-seklu 19. Għalkemm il-ġnien kellu bosta ismijiet oħra, l-iżjed wieħed li kien jintuża matul il-perjodu tad-dinastija Joseon kien "Huwon".[3]

F'Settembru 2012, il-paviljun ta' Buyongjeong fil-ġnien reġa' nfetaħ wara proġett ta' restawr li kien dam sena. Il-paviljun ġie rrestawrat abbażi tad-Donggwoldo mill-1820 u ġie ddeżinjat bħala t-Teżor Nazzjonali tal-Korea t'Isfel Nru 249.

Varjetà ta' ċerimonji ospitati mir-re seħħew fil-Huwon. Fil-bidu tal-perjodu tad-dinastija Joseon, l-ispezzjonijiet militari li fihom kien jipparteċipa r-re spiss kienu jsiru hawnhekk. Ir-Re Sejo kien jordna lit-truppi jagħmlu parata jew jidhru quddiemu fil-ġnien. Barra minn hekk, kienu jsiru festi, tornej bil-qaws, u logħob tan-nar fil-Huwon.

Iż-żona tal-Ongnyucheon (옥류천, 玉流川, jiġifieri "Nixxiegħa tal-Ġada") hija ta' interess partikolari. Fiha kanal tal-ilma b'għamla tal-ittra U li tħaffer fl-1636 biex it-tazzi tal-inbid jitħallew fih fuq wiċċ l-ilma. Fiha wkoll kaskata żgħira u poeżija mnaqqxa fuq il-ħaġra ta' fuqha. Iż-żona fiha wkoll ħames paviljuni żgħar.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Huijeongdang minn ġewwa, Changdeokgung

Il-Kumpless tal-Palazz ta' Changdeokgung ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[4] Il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO ddikjara li l-kumpless kien "eżempju straordinarju tal-arkitettura tal-palazzi u tad-disinn tal-ġonna tal-Lvant Imbiegħed" u kien eċċezzjonali minħabba li l-binjiet tiegħu huma "integrati u f'armonija mal-ambjent naturali ta' madwarhom" u adattati "għat-topografija bis-siġar indiġeni".[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

Films[immodifika | immodifika s-sors]

Partijiet mill-palazz intużaw biex inġibed id-dramm Korean popolari ħafna Dae Jang Geum fl-ewwel deċennju tas-seklu 21.[6]

Avvenimenti[immodifika | immodifika s-sors]

Minn April sa Ottubru 2018, il-Palazz ta' Changdeok ospita ż-żjarat ta' billejl fil-palazz. Dawn iż-żjarat kienu avveniment speċjali fejn il-viżitaturi setgħu jesperjenzaw il-ħajja fil-palazz. Tipikament iż-żjarat kienu jdumu xi sagħtejn u kienu jibdew fid-Daħla ta' Donhwamun, id-daħla prinċipali ta' Changdeokgung, fit-8.00 ta' filgħaxija.[7]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "The 5 Palaces of Seoul". english.chosun.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-20.
  2. ^ ""일제가 궁궐 이렇게 훼손" 설계도면 첫 공개". 서울신문 (bil-Korean). Miġbur 2022-08-20.
  3. ^ "Tourist sites confront translation troubles-INSIDE Korea JoongAng Dai…". archive.ph. 2013-06-29. Miġbur 2022-08-20.
  4. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Changdeokgung Palace Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-20.
  5. ^ "WH Committee: Report of the 21th Session, Naples 1997". whc.unesco.org. Miġbur 2022-08-20.
  6. ^ "대장금(大長今) | 만나면 좋은 친구 MBC". iMBC (bil-Korean). Miġbur 2022-08-20.
  7. ^ "Winter Tour of Changdeok Palace". korean.visitkorea.or.kr.