Bliet Kapitali u Oqbra tar-Renju Antik ta' Koguryo
Il-Bliet Kapitali u Oqbra tar-Renju Antik ta' Koguryo huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinkludi għadd ta' siti arkeoloġiċi attwalment f'Ji'an, il-Provinċja ta' Jilin u f'Huanren, il-Provinċja ta' Liaoning fil-Grigal taċ-Ċina. Goguryeo (jew Koguryo; biċ-Ċiniż: "Gaogouli"), bejn is-37 Q.K. u s-668 W.K., kien renju Korean li jinsab fil-partijiet tat-Tramuntana u ċentrali tal-Peniżola Koreana u fil-partijiet tan-Nofsinhar u ċentrali tal-Manċurja.[1][2][3][4][5]
Is-siti arkeoloġiċi tniżżlu b'mod kollettiv bħala Sit ta' Wirt Dinji kulturali fl-2004. Is-sit jinkludi l-fdalijiet arkeoloġiċi ta' tliet bliet-fortizza: il-Belt Muntanjuża ta' Wunü, Gungnae u Hwando, u erbgħin oqbra identifikat tal-familji imperjali u nobbli ta' Goguryeo.
Fl-2010, il-gvern Ċiniż stabbilixxa l-Park Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Gaogouli f'Jian (biċ-Ċiniż: 集安高句丽考古遗址公园), li jinkludi l-komponenti kollha f'Ji'an, fil-Provinċja ta' Jilin, iżda mhux dawk f'Huanren, fil-Provinċja ta' Liaoning (bħall-Belt Muntanjuża ta' Wunü).
Inizjalment il-Korea ta' Fuq ippruvat tiddeżinja dawn is-siti bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-ħabta tas-sena 2000. Għalkemm id-deżinjazzjoni kienet skedata għall-2003, iċ-Ċina opponietha u applikat għad-deżinjazzjoni tal-fdalijiet arkeoloġiċi ta' Goguryeo sparpaljati fil-Provinċja ta' Jilin. Għal din ir-raġuni, il-fdalijiet fil-Korea ta' Fuq (il-Kumpless tal-Oqbra ta' Koguryo)[6] u dawk fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ġew iddeżinjati flimkien bħala żewġ Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO individwali fl-2004. Ġie rrikonoxxut miż-żewġ pajjiżi li hemm nuqqas ta' qbil bejniethom dwar l-istorja ta' Goguryeo.
Bliet kapitali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Belt Muntanjuża ta' Wunü (Onyeosanseong) kienet l-ewwel belt kapitali ta' Goguryeo. Gungnae u Hwando kienu bliet kapitali ta' Goguryeo wkoll.
Il-Belt Muntanjuża ta' Wunü ġiet skavata parzjalment biss. Il-Belt ta' Gungnae, fi ħdan il-belt moderna ta' Ji'an, kellha rwol importanza ta' belt kapitali ta' sostenn wara li l-belt kapitali prinċipali ta' Goguryeo ġiet ittrasferita lejn Pyongyang. Il-Belt ta' Hwando fiha bosta fdalijiet, inkluż palazz kbir u bosta oqbra.
Il-bliet kapitali ta' Goguryeo huma eżempju bikri tal-bliet muntanjużi li iktar 'il quddiem ġew imitati mill-kulturi ġirien. Is-sistema ta' bliet kapitali rrappreżentata mill-Belt ta' Gungnae u mill-Belt Muntanjuża ta' Wandu influwenzaw ukoll il-kostruzzjoni ta' bliet kapitali oħra li nbnew iktar 'il quddiem mir-reġim ta' Goguryeo.
Il-bliet kapitali ta' Goguryeo jirrappreżentaw taħlita perfetta ta' ħolqien uman u n-natura, bħal blat, foresti u xmajjar.
Oqbra
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit jinkludi l-fdalijiet arkeoloġiċi ta' 40 qabar li nbnew mir-renju ta' Goguryeo, li rrenja fuq partijiet mill-Grigal taċ-Ċina u n-nofs tat-Tramuntana tal-Peniżola Koreana.
Uħud mill-oqbra għandhom soqfa elaborati ddisinjati bi spazji wesgħin mingħajr kolonni u jirfdu t-tagħbija kbira ta' tumbata tal-ġebel jew tat-tajn li kienet tinbena fuqhom. Il-pitturi fl-oqbra, apparti li joħorġu fid-dieher il-ħiliet artistiċi u stil speċifiku, huma wkoll eżempju ta' influwenza qawwija minn diversi kulturi.
L-oqbra jirrappreżentaw kapulavur tal-kreattività tal-bniedem, speċjalment permezz tal-affreski u l-istrutturi ta' ġo fihom.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Bliet Kapitali u Oqbra tar-Renju Antik ta' Koguryo ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[6]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[6]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Goguryeo | Kingdom, Map, Korea, & History | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-02.
- ^ Barnes, Gina (2013). State Formation in Korea: Emerging Elites.
- ^ Byington, Mark (2016). The History and Archaeology of the Koguryo Kingdom.
- ^ Li, Narangoa; Cribb, Robert (2014). Historical Atlas of Northeast Asia.
- ^ Gardiner, Kenneth (1964). The origin and rise of the Korean kingdom of Koguryo, from the 1st century to A.D. 313 (PhD). L-Università ta' Londra, ir-Renju Unit.
- ^ a b ċ "Complex of Koguryo Tombs". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-02.
- ^ "Goguryeo Tomb Murals". www.art-and-archaeology.com. Miġbur 2024-09-02.