Attard FC

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Attard FC
Logo
Isem sħiħ Attard Football Club
Fundazzjoni 1974
Grawnd Grawnd Nazzjonali Ta' Qali, Ta' Qali
President ?
Kowċ ?
Kampjonat ?
L-ewwel
It-tieni
Sit uffiċjali

Attard Football Club hu klabb tal-futbol Malti minn Ħ'Attard raħal fin-nofs ta' Malta b'popolazzjoni ta' madwar 10,000 ruħ. Bħalissa jilagħbu fit-Tielet Diviżjoni. Il-klabb twaqqaf fl-1974.

Kumitat eżekuttiv[immodifika | immodifika s-sors]

Pożizzjoni Isem
President: Charles Caruana
Segretarju: Simon Spiteri
Teżorier: Rennie Ciantar

Il-bidu tal-futbol fir-raħal Jidher li sa mill-1928 f’Ħ’Attard kien diġa’ qed jintlagħab il-futbol, tant illi fil-25 ta’ Marzu ta’ dik is-sena, tim taħt l-isem ta’ Attard United kien lagħab partita ta’ ħbiberija kontra t-tim tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi Birkirkara u tilef bi skor kbir.

Ftit tas-snin wara u propju fis-17 ta’ Marzu, 1935 Attard United ħa sehem fl-Amateur Cup u tilef fl-ewwel rawnd kontra Birżebbuġia Hunters 4 – 2 biex fl-istaġun ta’ wara, dak ta’ l-1935/36 ikkompeta fir-Raba’ Diviżjoni ‘Sezzjoni A’ tal-Malta Football Association, kif ukoll ipparteċipa fl-Amateur Cup. Jidher li f’dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet ir-riżultati xejn ma kienu nkoraġġanti, iżda fl-istaġun ta’ wara, jiġifieri dak tal-1936/37 it-tim issaħħaħ sewwa b’xi players ġodda fosthom numru ta’ Karkariżi u saħansitra sfurzaw ‘decider’ għall-promozzjoni fit-Tielet Diviżjoni kontra Birkirkara St. Helena wara li fil-kampjonat għelbu lill-istess tim 2 -0, iżda fid-decider it-tim Karkariż ħareġ rebbieħ 4 – 1.

B’xorti tajba s-sena ta’ wara l-M.F.A. kienet għamlet xi tibdiliet fl-organizazzjoni tad-divizjonijiet u Attard United sagħbu posthom bla ħsieb fit-Tielet Diviżjoni. Jidher li x-xorti baqgħet magħhom anke fl-istaġun ta’ wara (1937/38) tant li t-tim spiċċa fit-tieni pożizzjoni ta’ ‘Sezzjoni A’, punt anqas mir-rebbieħa Cospicua Unitas. Bir-riforma tal-M.F.A., fl-istaġun 1938/39 tneħħiet għal kollox ir-Raba’ Diviżjoni u t-timijiet ġew reorganizzati. Attard United bħala Runners-Up spiċċaw promossi għat-Tieni Diviżjoni u kontra timijiet b’aktar esperjenza minnhom tħabtu ħafna biex żammew posthom. Fl-istaġun ta’ wara, jiġifieri dak ta’ l-1939/40, reġgħu spiċċaw lejn qiegħ il-klassifika finali iżda salvaw mir-relegazzjoni bi ftit meta temmew l-istaġun qabel Sliema Rangers u Birkirkara St. Helena. Wieħed jista jgħid li fi tmiem dak l-istaġun intemmet ukoll għal kollox il-ħajja ta’ Attard United wara ħames staġuni membru tal-Malta Football Association. Dan għaliex wara li fil-gwerra l-futbol organizzat fil-pajjiz waqaf għal kollox, meta ntemmet il-gwerra Attard United għebu totalment mix-xena kalċistika.

Is-snin ta’ qabel l-1974

Jidher li fis-snin ta’ wara l-gwerra ż-żgħażagħ ta’ Ħ’Attard ftit li xejn kelhom ħajra li jkomplu fil-futbol fejn ħallew ta’ qabilhom fl-1940 u għal xi żmien donnu li kollox kien wieqaf. Iżda lejn il-bidu tal-ħamsinijiet kien sar tentattiv ieħor biex il-futbol fir-raħal jerġa jibda jintlagħab. F’dak iż-żmien dilettanti membri tal-Każin Eastern Star (illum La Stella Levantina) kienu waqqfu tim tal-futbol u bdew jilgħabu logħbiet ta’ ħbiberija, l-aktar kontra timijiet tas-servizzi Ingliz fil-grawnd ta’ l-Imtarfa. Missieri kien wieħed mid-diriġenti ta’ dan it-tim u għadni niftakar sewwa li ta’ tifel żgħir mhux l-ewwel darba li ħadni miegħu għal xi partita minn dawn. Il-bidu huwa dejjem u f’kollox diffiċli, aktar u aktar fis-snin bikrin ta’ wara l-gwerra, tant li dan it-tim biex jilgħabu ġieli sselfu l-flokkijiet mill-klabb ġar ta’ Ħal-Lija. Il-Coach tat-tim kien Giużeppi Caruana u bħala Manager kien Giużeppi Ellul u kważi l-players kollha fit-tim kienu minn Ħ’Attard (ritratt ta’ dan it-tim deher fil-ħarġa tas-Seraċina ta’ l-2008). Il-ħajja ta’ dan it-tim iżda kienet pjuttost qasira għaliex fis-snin ta’ wara, kemm dawn iż-żewġ diriġenti, kif ukoll x’uħud mill-players u żgħażagħ oħra tar-raħal emigraw lejn l-Awstralia, il-Kanada eċċ. u t-tim sfaxxa.

Fis-sena 1957 kien twaqqaf tim ieħor din id-darba taħt l-isem ta’ Attard S.C. (Sports Club li aktar tard beda jissejjaħ Sports Centre). Il-fundatur ewlieni kien il-ħabrieki Mannie Galea li kien jieħu ħsieb kollox fit-tim. Kien propju l-Manager ta’ dan it-tim. Fl-istaġun 1957/58 dan it-tim kien ipparteċipa fl-Amateur League tal-Malta Football Association. Attard S.C. lagħab l-ewwel logħba kompetittiva tiegħu f’din il-kompetizzjoni fix-Schreiber Sports Ground nhar il-Ħadd, 6 ta’ Ottubru, 1957 kontra t-tim Belti Rovers United u ħareġ rebbieħ 3 – 1. Niftakar sew din il-partita għaliex kont attendejt għaliha ma missieri. Il-players minn Ħ’Attard f’din l-ewwel logħba kienu Charles u Tony Galea, Carmel Attard, Ralph Bonello, Vivien Micallef u ħija Edwin. Fost il-players l-oħra kien hemm iż-żgħażuġħ Eddie Theobald li wara kellu karriera twila u brillanti ma Hibernians u Malta. Dan it-tim li kien jilbes flokkijiet, shorts u kalzetti kollha ħomor baqa’ jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni għal xi tliet staġuni. Fit-28 ta’ Frar, 1960 Mannie Galea kien involut f’inċident tat-traffiku bil-mutur u jumejn wara, fl-1 ta’ Marzu, kien tilef ħajtu. It-tim allura kien kważi sfaxxa għax ma kellux min imexxieħ, pero’ ftit tax-xhur wara xi żgħażagħ ‘saraċini’ ħassew li kellhom ikomplu fejn ħalla Mannie Galea u ddeċidew li jerġgħu jagħtu ħajja lit-tim bil-għan li fil-ġejjieni fir-raħal ikun hawn tim stabbilit.

Bil-permess tal-kumitat tal-Każin Eastern Star f’Settembru, 1960 kienet inżammet laqgħa fl-istess każin għal dan l-iskop u fiha kien twaqqaf l-ewwel kumitat. It-tlett uffiċjali ta’ dan il-kumitat kienu: President: Eddie Attard Flores; Segretarju: Paul Grixti u Kaxxier: Carmel Attard. Immedjatament kienet saret talba lill-kumitat tal-Każin Eastern Star biex Attard S.C jagħmel użu minn xi kamra fil-każin fejn ikunu jistgħu jbiddlu l-players u jinżammu xi laqgħat. Din it-talba kienet ġiet milqugħa. Fl-ewwel staġun it-tim kien lagħab biss xi partiti ta’ ħbiberija biex fl-istaġun ta’ wara jiġifieri fl-1961/62 Attard S.C. kien ġie affiljat mall-M.A.F.A. u kkompeta fit-Tielet Diviżjoni. L-ewwel logħba uffiċjali kienet dik li ntlagħbet f’Ottubru, 1961 kontra Little St. George’s ta’ Bormla fil-grawnd ta’ St. Andrews u ntemmet b’rebħa ta’ 1 - 0. Dan it-tim, li aktar tard sab ruħu fit-Tieni Diviżjoni minħabba xi tibdil mill-Assoċjazzjoni, dam jipparteċipa regolarment fil-M.A.F.A. sa l-istaġun 1969/70 fejn minħabba nuqqas ta’ interess it-tim spiċċa biex miet mewta naturali.

Fl-istaġun 1971/72 xi żgħażagħ dilettanti tal-futbol, din id-darba mill-Każin Santa Marija ħassew in-nuqqas ta’ tim tal-futbol fir-raħal u ddeċidew li jwaqqfu tim huma taħt l-isem ta’ Attard Five Pointed Stars. It-tim mill-ewwel ikkompeta fit-Tielet Diviżjoni tal-M.A.F.A. u propju fl-ewwel staġun kompetettiv tiegħu rebaħ il-promozzjoni meta għeleb lil Valletta Stars 1 – 0 f’decider li ntlagħbet fil-grawnd tal-Marsa nhar is-Sibt, 1 t’April, 1972. Il-ħajja qasira ta’ dan it-tim kienet tassew kontroversjali għaliex filwaqt li fl-ewwel staġun beda’ bir-rebħ ta’ unur, lejn nofs l-istaġun 1973/74 it-tim safa’ mkeċċi mill-assoċċjazzjoni wara li xi partitarji tiegħu f’logħba partikulari tilfu rashom u qalgħu xi ġlied ma dawk tat-tim oppost, tant li l-logħba kella tiġi abbandunata u sussegwentament it-tim ġie mneħħi mill-M.A.F.A.

It-twaqqif ta’ Attard F.C.

Bħal ma jgħid il-Malti “kull deni ħudu b’ġid” u hekk ġara fil-każ tat-twaqqif ta’ Attard Football Club fl-1974. Propju kmieni f’dik is-sena l-M.F.A. kienet ħabbret li mill-istaġun 1974/75 kienet ser terġa torganizza l-kampjonat tar-Raba’ Diviżjoni. Bid-diżappunt tat-tneħħija tal-Attard F.P.S. mill-M.A.F.A. għadu frisk f’moħħ id-dilettanti kollha, din l-aħbar ittieħdet bl-akbar serjeta għaliex beda jinħass li dan kien tassew ċans tajjeb biex fl-aħħar H’Attard ikun rrappreżentat fl-għola assoċċjazzjoni tal-pajjiż jiġifieri dik tal-Malta Football Association. Wara li l-opinjoni tad-dilettanti kienet favur din l-opportunita ġdida li nqalgħet, f’Marzu ta’ l-1974 kienet inżammet laqgħa fil-Każin Santa Marija għal dawk kollha nteressati sew bħala players kif ukoll bħala amministraturi, bil-għan prinċipali li jitwaqqaf tim fuq sisien sodi bl-eventwalita tad-dħul fir-Raba’ Diviżjoni tal-M.F.A. Dawk preżenti qablu ma din l-idea u minnufiħ ġie deċiż li t-tim ikun jismu ATTARD FOOTBALL CLUB, bl-iskop li jkun jirrappreżenta aktar lir-raħal kollu u tinqatgħa kull konnessjoni mall passat. Fl-istess laqgħa kien ġie maħtur l-ewwel kumitat biex iħejji l-ħtiġijiet neċessarji sabiex f’qasir żmien ikun jista japplika għad-dħul fir-Raba’ Diviżjoni. Dan il-kumitat kien kompost hekk: President-Anthony Bonnici; Segretarju-Norman Borg; Kaxxier-Joe Pisani; Viċi-President-Anthony Borg; Ass. Segretarju-Louis Pisani u Ass. Kaxxier-Salvu Muscat. Bħala membri kienu inħatru: Louis Mifsud, Joseph Vella, Martin Zammit, Laurence Cortis u Alessio Zammit.

F’Ġunju ta’ l-1974 Attard F.C. kien ġie aċċettat bħala wieħed mill-membri ġodda fi ħdan il-Malta F.A. biex jifforma parti mir-Raba’ Diviżjoni. Intant l-ewwel logħba uffiċjali tal-klabb kienet intlagħbet il-Ħadd, 13 ta’ Ottubru, 1974 kontra Fgura United, tim ieħor ġdid fl-M.F.A. Il-logħba kienet spiċċat fi draw ta’ 0 – 0. Il-kowċ tat-tim f’dak l-ewwel staġun kien Alessio Zammit u l-kuluri tal-kit kienu flokkijiet ħomor u suwed, shorts suwed u kalzetti ħomor, kif għadhom sa llum. Dak l-ewwel staġun fl-M.F.A. xejn ma kien wieħed feliċi u nkoraġġanti għaliex fi tmiem il-kampjonat it-tim kien spiċċa fl-aħħar post tal-klassifika finali. Dan iżda xejn ma qata’ qalb id-diriġenti u għall-istaġun ta’ wara ppreparaw ħafna aħjar filwaqt li saħħew lit-tim b’xi akkwisti ġodda. Totalment kuntrarju għall-ewwel staġun, fl-1975/76 it-tim kellu staġun verament tajjeb għaliex fil-kampjonat kien spiċċa fit-tieni post ta’ Sezzjoni ‘B’ wara t-tim promoss ta’ Sta. Venera L. Barra minn hekk, kien wasal ukoll l-ewwel unur għal klabb bir-rebħ tan-Knock-Out tar-Raba’ Diviżjoni, fejn Attard F.C. fil-finali kienu rebħu lill-istess Sta. Venera L. bl-iskor ta’ 2 – 1. Fl-ewwel round il-klabb kien għeleb lil Ta’ Xbiex 3 – 2 , fil-kwarti tal-finali lil San Gwann 5 – 4 bil-penalties wara draw ta’ 1 – 1 u fis-semi-finali lill-Mġarr Utd. 3 – 0. F’dak l-istaġun il-Coach tat-tim kien l-ex-player tas-Sliema W. Joe Bonnici.

Sena wara jiġifieri fl-1976/77 il-klabb rebaħ unur ieħor, dak tar-Reserve League tar-Raba’ Diviżjoni. F’dak l-istess staġun il-klabb ipparteċipa għall-ewwel darba fil-Minor League (Under 18). Fl-istaġun 1979/80 l-M.F.A. għamlet tibdiliet kbar f’kull kategorija tal-kompetizzjonijiet tagħha. B’riżultat ta’ dan tneħħiet ir-Raba’ Diviżjoni u t-timijiet tħalltu ma dawk tat-Tielet Diviżjoni biex iffurmaw tliet sezzjonijiet. Fl-ewwel ftit staġuni wara din il-bidla Attard F.C. dejjem żamm postu lejn nofs il-klassifika iżda fis-snin ta’ wara il-klabb għadda minn żmienijiet tassew diffiċli għaliex bejn 1984 u 1988 spiċċa dejjem fl-aħħar post tal-klassifika finali. Dan kien wassal biex fl-1988 il-kumitat ħa passi drastiċi billi neħħa xi players li kienu bdew jikbru fl-eta’ u minn flokhom daħħal oħrajn żgħar, b’aktar ħeġġa u enerġija. Is-sħaba sewda bħal donna bdiet għaddejja minn fuq il-klabb għaliex fl-istaġun ta’ wara it-tim beda jkun aktar kompetettiv, inkisbu riżultati pożittivi u l-futur beda jidher ferm aħjar.

Fl-1988 fuq suġġeriment tal-Kappillan Dun Anton Portelli u bl-inizjattiva tal-President attwali Charlie Caruana (ex-player u ex-coach tal-klabb) li għal xi żmien qabel kien diġa jittrejnja għadd ġmielu ta’ tfal, twaqqfet il-Youth Nursery tal-klabb u ġiet affiljata mal-Youth F.A. Fl-ewwel istaġun (1988/89) il-klabb ħa sehem fl-Under 14 biss fejn inkisbu riżultati sodisfaċenti ħafna. L-istaġun ta’ wara (1989/90) inkoraġġit mill-wirjiet u l-interess fl-Under 14, il-klabb ipparteċipa wkoll fl-Under 16. Fi tmien l-istaġun l-Under 14 ħadu sehem f’Tournement f’Acireale u spiċċaw fit-tieni post. F’Settembru ta’ l-1991 il-klabb kiteb paġna ġdida li kienet tant meħtieġa, meta għall-ewwel darba kellu d-dar indipendenti tiegħu. F’dik is-sena l-klabb ħalla l-Każin Santa Marija, li fih dejjem sab għajnuna kbira u koperazzjoni sħieħa u daħal f’post ġdid, mibni għal dak l-iskop mill-gvern fi Triq Ħal-Warda. Din kienet l-ewwel darba li tim tal-futbol f’Ħ’Attard kellu l-post tiegħu, għaliex fis-snin ta’ qabel dejjem kien isir użu miż-żewġ soċjetajiet tar-raħal – La Stella Levantina jew Santa Marija. Minkejja l-għajnuna li dawn is-soċjetajiet dejjem offrew, in-nuqqas ta’ każin totalment indipendenti kien dejjem jinħass.

Bid-dħul fil-każin il-ġdid f’Settembru ta’ 1991 donnu li r-rota tal-fortuna bdiet iddur bil-mod lejn żmienijiet aħjar u ta’ suċċess. Dan għaliex propju f’dak l-istess staġun jiġifieri 1991/92 sew l-Under 16 kif ukoll l-Under 14 tal-klabb rebħu s-sezzjonijiet rispettivi tagħhom b’punti massimi u s-sena ta’ wara l-Under 16 reġgħu rebħu s-sezzjoni tagħhom, b’disgħa rebħiet u draw, iżda fallew li jaslu sal-finali ta’ l-Inter Section Competition meta fis-semi-finali tilfu kontra Valletta F.C. 2 - 1. Fis-sena 1993 l-Under16 ħadu sehem f’tournement barra minn xtutna fejn ipparteċipaw fil-Vildbjerg Cup fid-Danimarka u spiċċaw bħala Runners-up. F’dak il-perjodu numru ta’ tfal (Under 16 u Under 14) minn Nursery tal-klabb kienu ġew magħżula mill-M.F.A. biex jittrejnjaw fil-kategoriji tagħhom f’Ta’Qali. Xi wħud kienu anke rrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

Bejn l-1994 u l-1996 il-klabb, bi players li telgħu minn Nursery, taħt il-gwida ta’ Charlie Caruana, rebħu għal tliet staġuni konsekuttivi s-sezzjoni tal-Youths (Under 18) tal-M.F.A. F’żewġ okkażjonijiet minnhom iż-żgħażagħ tal-klabb saħansitra waslu sal-finali ta’ l-Inter Section Competition. Sfortunament f’dawn iż-żewġ finali Attard F.C. spiċċaw fuq in-naħa telliefa. Fl-ewwel finali, dik ta’ l-istaġun 1993/94 ġewwa l-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali il-klabb iffaċċja lit-tim prestiġġjuż ta’ Sliema Wanderers (rebbieħa tas-sezzjoni tal-Premier) u wara 120 minuta logħob ir-riżultat baqa’ 1 – 1. Ġimgħa wara, fir-replay fuq ir-ramel ta’ Pace Grasso, iż-żgħażagħ ‘saraċini’ spiċċaw fuq in-naħa telliefa 5 – 4 bil-penalties wara 120 minuta oħra ta’ logħob mingħajr goals. Fit-tieni finali li waslet fl-istaġun 1995/96 Attard F.C. lagħbu kontra l-ġirien fil-Premier Birkirkara Luxol fuq il-ħaxix ta’l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Birkirkara kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5 – 3 wara l-ħin barrani. F’dawn iż-żewġ finali l-prestazzjoni tal-players żgħażagħ kienet veru tajba u minkejja li ma ntrebaħx l-unur prinċipali kien jidher ċar li l-klabb kien miexi fit-triq it-tajba u l-futur deher inkoraġġanti ħafna.

Tasal il-promozzjoni f’għeluq il-25 Anniversarju tal-Klabb

Wara s-suċċessi miksuba fil-kategoriji ż-żgħar (Under 18, Under 16 u Under 14) tliet snin wara t-tim ewlieni jiġifieri dak tat-Tielet Diviżjoni, issa kważi kompost kollu kemm hu minn players żgħażagħ li telgħu min-Nursery, deher li seta’ jagħti sfida qawwija għar-rebħ tal-promozzjoni. Wara li fl-1996/97 it-tim spiċċa fit-tielet post tal-klassifika finali u fis-sena ta’ wara 1997/98 fit-tieni post wara t-tim promoss ta’ Mġarr Utd., wasal l-istaġun 1998/99, li kien jaħbat għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-klabb. Il-Kumitat, flimkien mal-Coach Charlie Caruana, ipprepara bis-sħieħ għal l-isfida prinċipali jiġifieri dik tar-rebħ tal-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni. Xi players tal-klabb li fl-istaġun ta’ qabel kienu mislufin lil timijiet oħra f’diviżjonijiet ogħla rritornaw lura mall-klabb u b’hekk it-tim kien issaħħaħ sewwa u deher lest għall-isfida tal-promozzjoni. Matul l-ewwel parti ta’ l-istaġun it-tim żamm il-pass ma ta’ quddiem u fit-tieni rawnd deher biċ-ċar li l-isfida għar-rebħ ta’ Sezzjoni ‘B’ kienet ser tkun bejn Attard F.C. u Luqa St. Andrews. Sa tliet logħbiet qabel tmien l-istaġun id-differenza bejn iż-żewġ timijiet kienet ta’ tliet punti favur Attard F.C. Fil-logħob li kien imiss Attard F.C. spiċċaw 1 – 1 ma Senglea Ath. filwaqt li Luqa S.A. tilfu 1 – 0 ma Balzan Y. Il-Ħadd, 18 t’April,1999 waslet il-logħba deċisiva għal Attard għaliex b’rebħa kontra t-tim ta’ l-aħħar Msida S.J. kien ifisser li l-klabb ‘saraċin’ jagħmel ċert mill-promozzjoni. Fill-fatt dik il-logħba intrebħet kif kien mistenni minn Attard F.C. bl-iskor ta’ 2 – 0, gowl f’kull taqsima minn Richard Camilleri u Franco Degabriele biex tefgħu lill-players, coach, kumitat u supporters f’dillirju ta’ ferh bl-akkwist ta’ l-ewwel promozzjoni. Kważi xahar wara, propju l-Ħadd, 16 ta’ Mejju, 1999 il-klabb lagħab l-aħħar logħba tal-kampjonat kontra l-istess Luqa S.A., naturalment issa xi ftit demoralizzati u rebaħ 3 – 0 (żewġ goals ta’ Chris. Ciappara u ieħor ta’ Raymond Agius) biex b’hekk temm il-kampjonat bħala rebbieħ ta’ Sezzjoni ‘B’ mingħajr telfa (disa’ rebħiet u tliet draws). Għal din il-logħba attendew numru sabiħ ta’ supporters akkumpanjati mill-banda – grazzi għall-kumitat tas-Soċjeta La Stella Levantina. Wara l-logħba l-captain tal-ġurnata Stefano Cremona ġie ppreżentat bit-tazza tar-rebħ tas-sezzjoni u lura r-raħal il-players, coach u kumitat akkompanjati mill-banda ġew milqugħa mill-kumitati rispettivi fl-erba’ każini tal-lokal fi trieqthom lejn il-każin fi Triq Ħal-Warda. Il-Ħadd ta’ wara, it-23 ta’ Mejju, 1999, intlagħbet id-decider għar-rebħ tal-kampjonat tat-Tielet Diviżjoni kontra l-Melita, rebbiħa ta’ Sezzjoni “A”. Din kienet tassew decider denja ta’ isimha għaliex svolġiet f’logħba sabieħa, akkanita, milgħuba fi spirtu sportiv u li fiha ġew skurjati xejn anqas minn sebgha gowlijiet. Attard F.C. rebħu din id-decider bl-iskor ta’ 4 – 3 wara l-ħin barrani biex spiċċaw l-istaġun bħala Champions tat-Tielet Diviżjoni. Ir-riżultat fi tmiem id-disgħin minuta kien ta’ 3 – 3. Il-goals f’din il-logħba ġew skurjati minn Chris Ciappara tnejn (1 minn penalty), Richard Camilleri u Chris Gauci. B’dawn iż-żewġ goals Chris Ciappara kien spiċċa bħala top-scorer tat-Tielet Diviżjoni b’total ta’ 24 gowl filwaqt li l-klabb kien temm l-istaġun mingħajr ma ġie melgħub. Wara l-logħba il-captain tat-tim Ian Ruggier ġie ppreżentat bit-tazza ta’ Champions tat-Tielet Diviżjoni mill-Viċi-President ta’ l-M.F.A. is-Sur Carmelo Bartolo. Inċidentalment din kienet l-aħħar logħba kompetittiva ta’ l-M.F.A. li ntlagħbet fuq l-art iebsa ta’ Pace Grasso, għaliex mill-istaġun ta’ wara (1999/2000) il-logħob tat-Tieni u t-Tielet Divizjoni beda jintlagħab fuq il-ħaxix sintetiku tas-Centenary Stadium f’Ta’ Qali. B’kumbinazzjoni wkoll l-ewwel logħba tat-Tieni Diviżjoni f’dan l-istadium ġdid kienet dik bejn Attard F.C u Għaxaq li ntemmet fi draw ta’ 1 – 1. Din kienet propju l-magħmudija tan-nar għall-klabb promoss ta’ Attard F.C. Nieqes mill-esperjenza tat-Tieni Diviżjoni l-klabb f’dan l-ewwel staġun tiegħu kellu jitħabgħat mhux ftit biex żamm postu f’din id-diviżjoni, aktar u aktar għaliex f’dak l-istaġun mit-tlettax il-tim li ffurmaw it-Tieni Diviżjoni, tliet timijiet minflok is-solitu tnejn, kellhom jiġu relegati għat-Tielet Diviżjoni. Finalment il-klabb spiċċa l-istaġun b’total ta’ 14 il-punt u fil-raba’ pożizzjoni mill-qiegħ tal-klassifika biex b’hekk żamm il-post li denjatament kien rebaħ l-istaġun ta’ qabel.

Fiż-żewġ staġuni ta’ wara jiġifieri 2000/01 u 2001/02 it-tim reġa’ tħabat biex iżomm postu fit-Tieni Diviżjoni. F’dak ta’ l-ewwel salva b’21 punt minn daqstant partiti filwaqt li s-sena ta’ wara kellu jilgħab decider kontra Sta. Venera L. wara li ż-żewg timijiet spiċċaw l-istaġun bi 22 punt kull wieħed. Attard F.C. rebaħ din il-logħba 1 – 0 li kkonfermat staġun ieħor fit-Tieni Diviżjoni. L-istaġun 2002/03 filwaqt li t-tim tat-Tieni Diviżjoni spiċċa f’nofs il-klassifika bi 30 punt, dak tal-‘Under 18’ rebaħ Sezzjoni ‘C’ b’46 punt iżda mbagħad tilef il-finali tal-Youth ‘B’ Knock-Out Competition 0 - 3 kontra l-Melita. Fis-sentejn ta’ wara 2003/04 u 2004/05 Attard F.C. reġgħu żammew posthom fit-Tieni Diviżjoni meta spiċċaw f’nofs il-klassifika b’35 u 28 punt rispettivament. Fl-istaġun 2005/06 ġiet fi tmiemha din l-ewwel avventura tal-klabb fit-Tieni Diviżjoni meta spiċċa relegat għat-Tielet Diviżjoni b’19 il-punt. F’dak l-istess staġun it-tim tal-‘Under 14’ spiċċa fit-tieni post ta’ Sezzjoni ‘C’ bi 42 punt kontra l-44 tat-tim rebbieħ Kirkop Utd. Lura fit-Tielet Diviżjoni wara sebgħa staġuni l-klabb dam xi ftit biex irkupra mir-relegazzjoni u wara li fl-ewwel staġun (2006/07) spiċċa lejn nofs il-klassifika, s-sena ta’ wara (2007/08) temm l-istaġun fit-tieni post ta’ Sezzjoni ‘A’ bi 33 punt wara r-rebbieħa Żebbug R. ( 42 punt). It-tim kien irnexxielu jasal sal-finali tal-play-offs iżda tilef kontra t-tim mit-Tieni Diviżjoni Mgarr Utd. 1 – 0 wara li fl-ewwel round kien għeleb lil Gzira Utd. 4 – 3 bil-penalties wara draw ta’ 0 – 0.

Fl-istess staġun it-tim ta’ l-Under 16 flimkien ma dak ta’ Pembroke Ath. spiċċa fl-ewwel post fil-klassifika finali ta’ Sezzjoni ‘C’ bi 52 punt kull wieħed iżda mbagħad tilef id-decider ma l-istess tim 2 – 0. Sena wara jiġifieri 2008/09 kienu l-Under 15 li rebħu Sezzjoni ‘C2’ tal-Youth F.A. b’27 punt iżda tilfu fil-kwarti-finali tan-Knock-Out 1 -0 kontra Sliema W. Fl-istaġun 2009/10 kien imiss lit-tim tal-Under 17 li jirbaħ Sezzjoni ‘C3’ tal-Youth F.A. bi 33 punt, iżda mbagħad ġie melgħub bl-iskor ta’ 1 - 0 minn Valletta F.C. fis-semi-finali ta’ l-Under 17 Knock-Out wara li fil-kwarti-finali kien għeleb lil Lija/Iklin 2 – 1.

L-istaġun 2010/11 kien pjuttost tajjeb għal Attard F.C. għaliex it-tim ewlieni, jiġifieri dak tat-Tielet Diviżjoni rega’ kiseb il-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni wara li fil-klassifika finali spiċċa fir-raba’ post b’36 punt wara Siggiewi, Sta. Venera u Gudja. F’dik is-sena l-M.F.A. għamlet xi tibdiliet fl-istruttura tal-kampjonati fosthom dawk tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni u b’riżultat ta’ dan sebgħa timijiet mit-Tielet Diviżjoni kellhom jiġu promossi. It-timijiet klassifikati fir-raba’ post ta’ kull sezzjoni riedu jilgħabu ‘Promotion Decider’ bejniethom u f’din il-logħba Attard F.C. rebaħ lit-tim ta’ Pembroke Ath. 4 – 0 biex reġgħa kiseb il-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni wara nuqqas ta’ 5 snin. Fl-istess staġun l-Under 19 (Youths) tal-klabb rebħu Sezzjoni ‘B’ b’37 punt u fil-finali tal-Youths ‘B’ Knock-Out għelbu lil Qormi F.C. 3 – 1 wara li fir-rounds ta’ qabel kienu rebħu kontra Xgħajra T. (4 – 1), Luqa S.A. (w.o.), Rabat A. (4 – 2) u Marsaxlokk F.C. (1 – 0).

Sfortunatament din it-tieni avventura fit-Tieni Diviżjoni kienet waħda verament qasira għaliex fi tmiem l-istaġun 2011/12 it-tim rega’ sab ruħu relegat wara li spiċċa fit-tielet post mill-aħħar b’total ta’ 25 punt, żewġ punti taħt it-tim ta’ qablu li żamm postu fit-Tieni Diviżjoni. Mill-ewwel deher li l-klabb kien ser ikollu għadma iebsa fit-Tieni Diviżjoni u dan x’aktarx minħabba l-fatt li l-promozzjoni mirbuħa kienet aktar riżultat tar-riorganizzazjoni tal-M.F.A. milli għas-saħħa tat-tim meta wieħed iqis li f’dik is-sena l-klabb kien spiċċa fir-raba’ post minn 11-il tim fil-klassifika finali ta’ Sezzjoni ‘A’ b’distakk ta’ għaxar punti mit-tielet tim. Kien ukoll is-sebgħa u l-aħħar tim promoss.

Fl-istaġun li għadda, jiġifieri 2013/14, il-klabb f’għeluq l-40 anniversarju mit-twaqqif tiegħu kien għoddu reġa’ kiseb il-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni. Mill-erbatax il-tim fit-Tielet Diviżjoni erbgħa timijiet kellhom jiġu promossi. Filwaqt li l-ewwel żewġ klabbs (Sirens u Swieqi U.) aċċertaw ruħhom mill-promozzjoni xi ftit kmieni, il-ġlieda għaż-żewġ postijiet l-oħra baqgħet sat-tmien bejn tliet timijiet, fosthom Attard F.C. It-tielet tim (Għaxaq F.C.) kiseb il-promozzjoni fil-logħba ta’ qabel l-aħħar filwaqt li r-riżultati ta’ l-aħħar ġurnata tal-kampjonat ħallew lil Attard F.C. u Xgħajra T. fir-raba’ pożizzjoni bi 48 punt kull wieħed u żewġ punti taħt Għaxaq F.C. Riżultat ta’ dan kienet meħtieġa decider biex jiġi deċiż ir-raba’ tim promoss. F’din id-decider li ntlagħbet nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Mejju, 2014, it-tim ta’ Xgħajra ħareġ rebbieħ fuq dak ta’ Attard F.C. bl-iskor ta’ 3 – 0 biex aċċerta r-raba’ post u l-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]