André Citroën

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
André Citroën
André Citroën 1932.jpg
President

Ħajja
Twelid disa’ arrondissement ta’ Pariġi, 5 Frar 1878
Nazzjonalità Franza
Mewt Pariġi, 3 Lulju 1935
Post tad-dfin Ċimiterju ta' Montparnasse
Manjiera tal-mewt kawżi naturali (kanċer fl-istonku)
Familja
Missier Lévie Citroen
Omm Amelia Kleinmann
Konjuga/i Georgina Bingen
Ulied
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Lycée Condorcet
Lycée Louis-le-Grand
Skola Politeknika
Lingwi Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni imprenditur
industrijalista
inġinier
Premjijiet
List
Servizz militari
Grad kaptan
Iġġieldu L-Ewwel Gwerra Dinjija

André-Gustave Citroën ([ɑ̃dʁe ɡystav sitʁɔɛn]; twieled fil-5 ta’ Frar 1878 – miet fit-3 ta’ Lulju 1935) jew sempliċement André Citroen, kien industrijalista Franċiż u l-fundatur tal-kumpanija Franċiża li tipproduċi l-karozzi Citroën. Huwa baqa’ magħruf l-iktar għad-ditta tal-karozzi Citroën, iżda wkoll għall-applikazzjoni ta’ gerijiet bi spirali doppja.

Ħajja u karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa twieled f’Pariġi, Franza, fl-1878. André-Gustave Citroen kien il-ħames u l-aħħar wild tal-ġenituri Lhud tiegħu[1][2], il-merkant tad-djamanti Levie Citroen u martu Masza Amelia Kleinman. Kuġinuh kien il-filosofu Brittaniku Sir A. J. Ayer (l-unika iben taz-zija tiegħu Reine).

Il-familja Citroen marret tgħix f’Pariġi fl-1873. Malli waslu, il-kunjom Olandiż ġie mibdul f’wieħed Franċiż permezz taż-żewġ tikek fuq il-vokali e (djareżi) x’aktarx minn wieħed mill-għalliema ta’ André. Il-kunjom Olandiż Citroen oriġina minn nannu fin-Netherlands li kien bejjiegħ tal-merċa u tal-frott tropikali, u li kien adotta l-kunjom Limoenman, jiġifieri “il-bejjiegħ tal-ixkomp”. Madankollu, ibnu biddel il-kunjom għal Citroen, li bl-Olandiż tfisser “lumija”.

Missieru wettaq suwiċidju meta André kellu sitt snin (x’aktarx wara l-falliment ta’ negozju li kellu f’minjiera tad-djamanti fl-Afrika t’Isfel). Jingħad li meta kien żgħir, André Citroën kien ispirat mix-xogħlijiet ta’ Jules Verne u wara li kien ra l-kostruzzjoni tat-Torri Eiffel għall-Wirja Dinjija xtaq isir inġinier.

Citroën studja fl-École Polytechnique fl-1900. Dik is-sena huwa żar il-Polonja, art twelid ommu, li kienet għadha kemm mietet. Matul dik il-btala, huwa ra mastrudaxxa jaħdem fuq sett ta’ gerijiet bi struttura qisha dik tax-xewk tal-ħut. Dawn il-gerijiet kien jagħmlu inqas storbju u kienu iktar effiċjenti.

Gerijiet b’sinjali qishom V doppja bil-maqlub li x’aktarx ispirat il-logo tad-ditta Citroën.

Citroën xtara l-privattiva tagħhom bi ftit flus, u dawn wasslu għall-invenzjoni ta’ Citroën: il-gerijiet bi spirali doppja. Jingħad ukoll li dawn ispiraw ukoll il-logo tad-ditta Citroën. Fl-1908 huwa sar il-President tal-kumpanija tal-karozzi Mors, fejn kellu suċċess kbir.[3]

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, huwa kien responsabbli għall-produzzjoni tal-massa tal-armamenti. Citroën kiseb reputazzjoni internazzjonali matul il-gwerra, u iktar bħala l-espert ewlieni tal-produzzjoni fi Franza. L-attivitajiet tiegħu kienu estensivi b’rabta mal-fabbrika tar-Renault, li impjegat 35,000 raġel fil-manifattura tal-munizzjonijiet matul il-gwerra.

F’nofs l-1919, Citroën kien wieħed mid-diretturi tas-Société Française Doble, f’Pariġi, li bdiet tipproduċi l-karozzi li jaħdmu bl-istim fi Franza. Xi diretturi oħra tal-kumpanija kienu Paul Sicault, tal-kumpanija Renault; M. Mery, tat-Turcat-Mery Co.; u M. Delage, disinjatur tal-karozzi. Id-disinn ma kienx fattibbli u Citroën dar fuq proġetti oħra.

Citroën waqqaf il-kumpanija tal-karozzi Citroën fl-1919, u wassalha biex tkun ir-raba’ l-ikbar manifattur tal-karozzi fid-dinja sal-bidu tas-snin 30 tas-seklu 20 (speċifikament fl-1932). Il-kostijiet tal-iżvilupp tal-karrozzerija avvanzata Traction Avant b’ingranaġġ fuq ir-roti ta’ quddiem u tal-iżvilupp mill-ġdid tal-fabbrika għall-produzzjoni fl-istess ħin, wasslu għall-falliment fl-1934. Il-kumpanija ttieħdet mill-kreditur prinċipali Michelin, li kien il-fornitur tat-tajers. It-teknoloġija tat-Traction Avant wara xi problemi inizjali tejbet il-bejgħ għall-kumpanija, u kienet suċċess kbir, tant li baqgħet tiġi prodotta sal-1957, għajr għall-perjodu matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Huwa miet f’Pariġi, Franza, fl-1935 minħabba kanċer fl-istonku, u ġie midfun fiċ-Ċimiterju ta’ Montparnasse. Il-funeral tiegħu ġie ċċelebrat mir-Rabbi Ewlieni ta’ Pariġi.

Rikonoxximent wara l-mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Il-qabar ta’ André Citroen

Fid-9 ta’ Ottubru 1958, matul il-fiera tal-karozzi, il-belt ta’ Pariġi bidlet isem il-Quai de Javel għal "Quai André-Citroën," bħala rikonoxximent għat-trasformazzjoni li seħħet minn mindu l-15-il arrondissement (kwartier) tal-belt, li żewġ ġenerazzjonijiet qabel kien magħruf għall-bejgħ tal-fjuri u x-xtieli fis-suq, kien intgħażel minn Citroën bħala l-post għall-ewwel fabbrika tal-produzzjoni tal-massa tal-karozzi fl-Ewropa.[4]

Dan kien it-tieni isem ta’ xi ħadd famuż li ngħata lit-triq peress li fl-1843 kienet issemmiet "Quai de Javel," bħala rikonoxximent għall-fabbrika tas-sustanzi kimiċi li kienet ġiet stabbilita għall-produzzjoni ta’ firxa ta’ aċidi industrijali, u li iktar ’il quddiem wasslet għall-produzzjoni tal-"Eau de Javel" (bliċ/spirtu tal-melħ) fost il-prodotti tagħha.

Fl-1992, il-ġnien pubbliku Parc André Citroën f’Pariġi ssemma għalih ukoll. Dan inbena fil-post fejn kien hemm il-fabbrika tal-produzzjoni tal-karozzi Citroën, li operat sal-għeluq tagħha fis-snin 70 tas-seklu 20, u li twaqqgħet f’perjodu ta’ tmien snin, bejn l-1976 u l-1984.[5] Fl-1998, André-Citroën tniżżel fl-Automotive Hall of Fame f’Dearborn, Michigan, l-Istati Uniti.[6]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Reynolds, John (1997). Andre Citroen: The Man and the Motor Cars. Basingstoke: Palgrave Macmillan. ISBN 978-031-216-505-5.
  2. ^ A travel guide to Jewish Europe. Ben G. Frank.
  3. ^ "Brighton-Early : Mors". web.archive.org. 2004-12-09. Miġbur 2021-07-03.
  4. ^ "Automobilia". Toutes les voitures françaises 1959 (salon Paris Oct 1958). Paris: Histoire & collections. Nr. 21: 27. 2002.
  5. ^ Pringle-Harris, Ann (1997-11-02). "The 15th, a World of Its Own" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-03.
  6. ^ "Andre Citroen | Automotive Hall of Fame". web.archive.org. 2016-03-16. Miġbur 2021-07-03.