Alexander Wolszczan
Alexander Wolszczan | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Szczecinek, 29 April 1946 (78 sena) |
Nazzjonalità | Polonja |
Residenza | Stati Uniti tal-Amerka |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Nicolaus Copernicus f'Toruń |
Livell tal-edukazzjoni |
grad ta' professur xjentifiku abilitazzjoni universitarja dottorat |
Studenti dottorali | Maciej Konacki (mul) |
Lingwi | Pollak |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
astrofiżiku professur |
Impjegaturi |
Università ta' Nicolaus Copernicus f'Toruń Università ta' Cornell Università Statali ta' Pennsylvania |
Premjijiet | |
Sħubija |
L-Akkademja Polakka tax-Xjenza Unjoni Astronomika Internazzjonali |
Alexander jew Aleksander Wolszczan [pronunzja: alɛkˈsandɛr ˈvɔlʂt͡ʂan] (twieled fid-29 ta' April 1946) huwa astronomu Pollakk. Huwa skopra ma' ħaddieħor l-ewwel pjaneti barra s-sistema solari u l-ewwel pjaneti pulsar.
Ħajja bikrija u edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Wolszczan twieled fid-29 ta' April 1946 f'Szczecinek li llum tinsab fir-reġjun tal-Punent tal-Pomeranja, il-Polonja; fis-snin 50 tas-seklu 20 il-familja tiegħu marret tgħix f'Szczecin. Missieru, Jerzy Wolszczan, kien jgħallem ix-xjenza ekonomika fl-eks Istitut Politekniku ta' Szczecin (li attwalment sar l-Università tat-Teknoloġija tal-Punent tal-Pomeranja) u ommu, Zofia, kienet taħdem għall-Għaqda tal-Kittieba Pollakki. L-interess bikri tiegħu fl-astronomija ġie ispirat minn missieru li kien jirrakkontalu l-istejjer u l-miti marbuta mal-kostellazzjonijiet tal-istilel. Meta kellu seba' snin diġà kien tgħallem l-affarijiet bażiċi tal-astronomija. Huwa kien josserva s-sema billejl b'teleskopju żgħir li bena hu stess. Huwa ggradwa mill-Iskola Postsekondarja ta' Stefan Czarniecki VI f'Szczecin.[1]
Karriera xjentifika
[immodifika | immodifika s-sors]Wolszczan kiseb Masters fix-Xjenza fl-1969 u Dottorat fl-1975 fl-Università ta' Nicolaus Copernicus f'Toruń, il-Polonja. Bejn l-1969 u l-1973 ħadem fid-Dipartiment tar-Radjoastronomija tal-Istitut tal-Astronomija. Fl-1973, bħala assistent għoli, huwa mar Bonn biex jitħarreġ fl-Istitut ta' Max Planck għar-Radjoastronomija. Mill-1979 sal-1982 huwa ħadem fiċ-Ċentru Astronomiku tal-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi f'Toruń, u fl-1982 huwa mar jgħix fl-Istati Uniti biex jaħdem fl-Università ta' Cornell u ta' Princeton. Iktar 'il quddiem huwa sar professur tal-astronomija fl-Università Statali ta' Pennsylvania. Mill-1994 sal-2008, huwa kien ukoll professur fl-Università ta' Nicolaus Copernicus. Huwa membru tal-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi.
Flimkien ma' Dale Frail, Wolszczan wettaq osservazzjonijiet astronomiċi mill-Osservatorju ta' Arecibo fi Puerto Rico, li wassluhom biex jiskopru l-pulsar PSR B1257+12 fl-1990. Fl-1992 urew li l-pulsar kienet orbitata minn żewġ pjaneti, b'mases li inizjalment ġew ivvalutati 3.4 u 2.8 darbiet il-massa tad-Dinja. Ir-raġġ tal-orbiti tagħha kien 0.36 u 0.47 AU rispettivament. Din kienet l-ewwel skoperta kkonfermata ta' pjaneti 'l barra mis-sistema solari (sat-2 ta' Ġunju 2021, kienu magħrufa 4,401 pjaneta simili).[2] Wolszczan ħabbar is-sejbiet tiegħu fl-1992 matul il-Laqgħa tas-Soċjetà Astronomika Amerikana f'Atlanta. Sentejn wara huwa ppubblika r-riżultati tal-iskoperta tiegħu u ntgħażel mill-ġurnal Nature bħala l-awtur ta' waħda minn 15-il skoperta fundamentali fil-qasam tal-fiżika. Minkejja xi diżgwidi inizjali ma' diversi esperti, illum il-ġurnata l-iskoperta tiegħu titqies bħala kkonfermata għalkollox. L-astronomu Bohdan Paczyński sejħilha "l-ikbar skoperta minn astronomu Pollakk minn żmien Copernicus".[3] Fl-1998, ir-rivista Astronomy inkludiet l-iskoperta tiegħu fost L-Aqwa 25 Skoperta Astronomika ta' Kull Żmien. Fl-Osservatorju ta' Arecibo, Wolszczan ikkollabora wkoll ma' Joseph H. Taylor Jr u wettaq riċerka dwar il-pulsars tal-millisekondi.[4]
Fl-2003, Maciej Konacki u Wolszczan iddeterminaw l-inklinazzjonijiet orbitali taż-żewġ pjaneti pulsar, u wrew li l-mases reali kienu madwar 3.9 u 4.3 darbiet il-massa tad-Dinja rispettivament.
Fl-2007, Wolszczan kien parti wkoll minn tim Pollakk ta' astronomi mmexxi minn Andrzej Niedzielski li sab pjaneta oħra 'l barra mis-sistema solari, HD 17092 b, li kienet qed torbita mal-istilla HD 17092.[5]
Fl-2012, Matthew Route u Wolszczan individwaw tifqigħat ta' radjufrekwenzi emessi minn 2MASS J10475385+2124234 permezz tal-Osservatorju ta' Arecibo. T6.5 għandha temperatura ta' 800-900 K, u b'hekk hija l-iżjed oġġett substellari biered magħruf li jemetti r-radjufrekwenzi.[6] Il-kamp manjetiku tagħha huwa iktar b'saħħtu minn 1.7 kG. Fl-2016, it-tim skopra l-iżjed nanu kannella bl-iktar rotazzjoni rapida, imsejjaħ T6 WISEPC J112254.73+255021.5.[7] Ir-rotazzjoni tiegħu jaf lanqas iddum iktar minn 17-il minuta. Fl-2017, Wolszczan ingħata l-Medalja ta' Bohdan Paczyński mis-Soċjetà Astronomika Pollakka.[8]
Wolszczan huwa membru ta' bosta assoċjazzjonijiet xjentifiċi li jinkludu: l-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi, is-Soċjetà Astronomika Amerikana, l-Assoċjazzjoni Amerikana għall-Avvanz tax-Xjenzi, l-Unjoni Internazzjonali tar-Radjuxjenza, l-Unjoni Astronomika Internazzjonali, u l-Istitut Pollakk tal-Arti u Xjenzi tal-Amerka.
Rikonoxximent
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-Università Statali ta' Pennsylvania, Wolszczan kellu t-titlu ta' Evan Pugh bħala Professur tal-Astronomija u l-Astrofiżika.[9] Malli rtira fl-2024, huwa ngħata t-titlu ta' Atherton bħala Professur.[10]
Fl-1992 Wolszczan rebaħ il-Premju tal-Fondazzjoni Pollakka għax-Xjenza. Fl-1996, huwa ngħata l-Premju Beatrice M. Tinsley mis-Soċjetà Astronomika Amerikana, u fl-1997 il-President Pollakk Aleksander Kwaśniewski tah is-Salib tal-Kmandant tal-Ordni ta' Polonia Restituta għall-kontributi straordinarji għax-xjenzi fil-Polonja. Fl-2002, huwa deher fuq bolla postali Pollakka (bħala parti minn sensiela ta' 16-il bolla, bit-titlu "Millenju Pollakk", li jiġbru fil-qosor l-aħħar 1,000 sena ta' storja, kultura u xjenza fil-Polonja).[11]
Fl-2006, Wolszczan uffiċjalment sar ċittadin onorarju ta' Szczecin. Fl-2007, Jan Sosiński dderieġa film dokumentarju dwar il-ħajja u x-xogħol xjentifiku ta' Wolszczan bit-titlu Gwiazdor - Aleksander Wolszczan.
Huwa ġie elett Membru tal-Legat tas-Soċjetà Astronomika Amerikana fl-2020.
Kontroversja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2008 Gazeta Prawna żvelat li mill-1973 sal-1981 Wolszczan kien spjun (bil-kodiċi "Lange") ta' Służba Bezpieczeństwa fl-era Komunista Pollakka. Huwa kkonferma din l-istqarrija, iżda saħaq li huwa kien qed jgħaddi informazzjoni mhux importanti biss, li normalment kienet magħrufa pubblikament, u li qatt ma għamel ħsara lil ħadd. Dan ħoloq kontroversja sħiħa fil-mezzi tax-xandir Pollakki, u wasslet biex jirriżenja mill-Università ta' Nicolaus Copernicus f'Toruń.[12][13][14]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Program Absolwent UMK". web.archive.org. 2017-11-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-11-07. Miġbur 2024-04-21.
- ^ "NASA Exoplanet Archive". exoplanetarchive.ipac.caltech.edu. Miġbur 2024-04-21.
- ^ "Prominent Poles". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2004-11-21. Miġbur 2024-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "The 25 Greatest Astronomical Findings of All Time | Tomorrow's Professor Postings". web.archive.org. 2017-04-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-04-13. Miġbur 2024-04-21.
- ^ "Prof. Aleksander Wolszczan - Poland.pl". web.archive.org. 2017-10-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-10-06. Miġbur 2024-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Route, M.; Wolszczan, A. (10 March 2012). "The Arecibo Detection of the Coolest Radio-flaring Brown Dwarf". The Astrophysical Journal Letters. 747 (2): L22.
- ^ Route, M.; Wolszczan, A. (20 April 2016). "Radio-flaring from the T6 Dwarf WISEPC J112254.73+255021.5 with A Possible Ultra-short Periodicity". The Astrophysical Journal Letters. 821 (2): L21.
- ^ "Profesor Aleksander Wolszczan laureatem Medalu Bohdana Paczyńskiego". www.pta.edu.pl. 2017-09-12. Miġbur 2024-04-21.
- ^ "Vagabond planets may be drifting in space - UPI Archives". UPI (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-21.
- ^ "Alexander Wolszczan named Atherton Professor | Eberly College of Science". science.psu.edu. Miġbur 2024-04-21.
- ^ "Penn State Eberly College of Science -- Wolszczan Featured on Polish Millennium Stamp Set". web.archive.org. 2008-02-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-02-15. Miġbur 2024-04-21.
- ^ "Rektor UMK przyjął rezygnację prof. Wolszczana". www.gazetaprawna.pl (bil-Pollakk). 2008-10-13. Miġbur 2024-04-21.
- ^ S.A, Wirtualna Polska Media. "Wiadomości z kraju i ze świata – wszystko co ważne – WP". wiadomosci.wp.pl (bil-Pollakk). Miġbur 2024-04-21.
- ^ "Wolszczan agentem kontrwywiadu PRL? - rp.pl". web.archive.org. 2015-07-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-24. Miġbur 2024-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)