Abu Simbel

Abu Simbel huwa sit arkeoloġiku magħmul minn żewġ tempji mnaqqxin fil-blat fil-villaġġ ta' Abu Simbel (bl-Għarbi: أبو سمبل), fil-Governorat ta' Aswan, fin-Nofsinhar tal-Eġittu ħdejn il-fruntiera mas-Sudan. Dawn iż-żewġ tempji issa jinsabu max-xatt tal-Punent tal-Lag ta' Nasser, madwar 230 kilometru fil-Lbiċ minn Aswan (madwar 300 kilometru bit-triq). Il-kumpless huwa parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO msejjaħ "Monumenti Nubjani"[1], li huwa magħmul minn diversi monumenti bejn Abu Simbel sa Philae (ħdejn Aswan), u jinkludu Amada, Wadi es-Sebua, u siti Nubjani oħra. Iż-żewġ tempji ta' Abu Simbel oriġinarjament ġew imnaqqxin mill-blat fil-muntanja fis-seklu 13 Q.K., matul ir-renju tad-19-il dinastija tal-Faragħun Ramesses II. Dawn it-tempji kienu jservu bħala monument dejjiemi għall-Faragħun Ramesses II. Martu Nefertari u uliedhom jidhru mnaqqxin fi statwi iżgħar ħdejn riġlejh, peress li kienu jitqiesu inqas importanti u ma ngħatawx l-istess pożizzjoni bħala skala. It-tempji jfakkru r-rebħa tal-Faragħun fil-Battalja ta' Kadesh. Il-figuri enormi mnaqqxin fil-blat saru ikoniċi.
Il-kumpless kollu ġie rilokat fl-1968 taħt is-superviżjoni ta' arkeologu Pollakk, Kazimierz Michałowski, miċ-Ċentru Pollakk tal-Arkeoloġija Mediterranja tal-Università ta' Varsavja[2], u tressaq fuq għolja artifiċjali magħmula minn struttura sferika, ferm 'il fuq mill-ġibjun tad-Diga l-Għolja ta' Aswan. Ir-rilokazzjoni tat-tempji kienet meħtieġa għaliex inkella kienu jiġu mgħerrqa bil-ħolqien tal-Lag ta' Nasser, il-ġibjun artifiċjali enormi tal-ilma li fforma wara l-kostruzzjoni tad-Diga l-Għolja ta' Aswan fuq ix-xmara Nil. Il-proġett twettaq bħala parti mill-Kampanja ta' Salvataġġ tal-Monumenti Nubjani tal-UNESCO.[1][2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Kostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Matul ir-renju tiegħu, Ramesses II wettaq programm estensiv ta' kostruzzjoni kullimkien fl-Eġittu u fil-parti ta' Nubja taħt il-kontroll tal-Eġittu. Nubja kienet importanti ħafna għall-Eġizzjani għaliex kienet sors ta' deheb u bosta oġġetti kummerċjali prezzjużi oħra. Għalhekk, il-Faragħun bena diversi tempji grandjużi hemmhekk biex jimpressjona lin-Nubjani s-setgħa tal-Eġittu u biex il-poplu ta' Nubja jiġi Eġizzjanizzat.[3][4] L-iżjed tempji prominenti huma t-tempji mnaqqxin fil-blat ħdejn il-villaġġ modern ta' Abu Simbel, fit-Tieni Ċarċara tan-Nil, il-fruntiera bejn Nubja t'Isfel u Nubja ta' Fuq.[4] Il-kumpless ta' Abu Simbel jinkludi żewġ tempji, it-Tempju l-Kbir, iddedikat lil Ramesses II nnifsu, u t-Tempju ż-Żgħir, iddedikat lill-mara ewlenija tiegħu r-Reġina Nefertari.
Il-kostruzzjoni tal-kumpless tat-tempji beda għall-ħabta tal-1264 Q.K. u dam għal madwar 20 sena, sal-1244 Q.K. Kien magħruf bħala t-"Tempju ta' Ramesses, maħbub minn Amun".
Skoperta mill-ġdid
[immodifika | immodifika s-sors]Bit-trapass taż-żmien, it-tempji ma baqgħux jintużaw u eventwalment tgħattew bir-ramel. Sas-seklu 6 Q.K., ir-ramel kien diġà għatta l-istatwi tat-tempju prinċipali sa rkopptejhom. It-tempju ntesa sal-1813, meta r-riċerkatur Żvizzeru Johann Ludwig Burckhardt sab il-freġju ta' fuq tat-tempju prinċipali. Burckhardt tkellem dwar l-iskoperta tiegħu mal-esploratur Taljan Giovanni Belzoni, li vvjaġġa sas-sit, iżda ma rnexxielux iħaffer daħla għat-tempju. Belzoni rritorna fl-1817, u din id-darba rnexxielu jidħol fil-kumpless. Deskrizzjoni dettaljata tat-tempji, flimkien ma' tpinġijiet kontemporanji, jinstabu fid-Deskrizzjoni tal-Eġittu (bl-Ingliż:Description of Egypt) ta' Edward William Lane (1825-1828).[5]
Rilokazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Fl-1959 bdiet kampanja internazzjonali ta' ġbir tad-donazzjonijiet biex jiġu salvati l-monumenti ta' Nubja: l-iktar relitti tan-Nofsinhar ta' din iċ-ċivilizzazzjoni umana tal-qedem kienu mhedda miż-żieda fil-livell tal-ilma tan-Nil li kienu waslu biex jirriżultaw mill-kostruzzjoni tad-Diga l-Għolja ta' Aswan.
Skema partikolari biex jiġu salvati t-tempji kienet ibbażata fuq idea ta' William MacQuitty li tinbena diga tal-ilma ħelu trasparenti madwar it-tempji, bl-ilma fiha miżmum sal-għoli tan-Nil. Kellu jkun hemm kompartimenti taħt l-ilma biex wieħed ikun jista' jara t-tempji. Fl-1962 l-idea ssarrfet f'proposta mill-arkitetti Jane Drew u Maxwell Fry u mill-inġinier ċivili Ove Arup.[6] Dawn qiesu li l-olzar tat-tempji kien jinjora l-effett tal-erożjoni tal-blat ramli mill-irjieħ tad-deżert. Madankollu, il-proposta, għalkemm ġie rikonoxxut li kienet waħda tassew eleganti, ġiet irrifjutata.
Is-salvataġġ tat-tempji ta' Abu Simbel beda fl-1964 minn tim multinazzjonali ta' arkeologi, inġiniera u operaturi tas-sengħa li kienu kapaċi jaħdmu b'tagħmir tqil. Dawn kollha ġibdu ħabel wieħed taħt il-qafas tal-UNESCO. Il-proġett sewa xi 40 miljun dollaru Amerikan dak iż-żmien (ugwali għal 300 miljun dollaru Amerikan ekwivalenti fl-2017). Bejn l-1964 u l-1968, is-sit kollu ġie ssegat f'blokok kbar (sa 30 tunnellata, b'medja ta' 20 tunnellata kull blokka), żarmat, olzat u assemblat mill-ġdid f'post ġdid xi 65 metru 'l fuq u xi 200 metru lura mix-xmara, f'waħda mill-akbar sfidi tal-inġinerija arkeoloġika fl-istorja.[7] Xi strutturi ġew saħansitra salvati minn taħt l-ilma tal-Lag ta' Nasser. Illum, it-tempji jżuruhom ftit mijiet ta' turisti kuljum. Bosta viżitaturi jaslu wkoll bl-ajruplan f'ajruport li nbena apposta għal min jixtieq iżur it-tempji, jew inkella bit-triq minn Aswan li hi l-eqreb belt.
Il-kumpless jikkonsisti minn żewġ tempji. It-Tempju l-Kbir huwa ddedikat lil Ra-Harakhty, Ptah u Amun, it-tliet allat statali tal-Eġittu dak iż-żmien, u fih erba' statwi kbar ta' Ramesses II mal-faċċata. It-Tempju ż-Żgħir huwa ddedikat lill-alla femminili Hathor, ippersonifikata f'Nefertari, il-mara maħbuba ewlenija ta' Ramesses II fost il-bosta nisa li kellu.[8] It-tempji attwalment huma miftuħin għall-pubbliku.
It-Tempju l-Kbir
[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tempju l-Kbir ta' Abu Simbel, li ħa xi 20 sena biex inbena, tlesta għall-ħabta tal-24 sena tar-renju ta' Ramesses il-Kbir (li tikkorrispondi għall-1265 Q.K.). It-tempju ġie ddedikat lill-allat Amun, Ra-Horakhty, u Ptah, kif ukoll lil Ramesses divinizzat stess.[9] Ġeneralment jiġi kkunsidrat bħala l-iktar tempju grandjuż u sabiħ mit-tempji kkummissjonati matul ir-renju ta' Ramesses II, u wieħed mill-isbaħ fl-Eġittu.
Daħla
[immodifika | immodifika s-sors]Maġenb id-daħla unika tat-tempju hemm erba' statwi kolossali ta' 20 metru, u kull waħda tirrappreżenta lil Ramesses II bilqiegħda fuq tron u liebes il-kuruna doppja tal-Eġittu ta' Fuq u t'Isfel. L-ewwel statwa fuq ix-xellug tad-daħla ġarrbet xi ħsarat minħabba terremot li wassal biex ras u sider l-istatwa jikkrollaw; dawn il-biċċiet li kkrollaw ma ġewx irrestawrati fuq l-istatwa matul ir-rilokazzjoni iżda minflok tqiegħdu qrib saqajn l-istatwa fil-pożizzjonijiet kif kienu nstabu oriġinarjament. Maġenb riġlejn Ramesses II hemm għadd ta' statwi iżgħar oħra; l-ebda waħda minnhom mhi ogħla minn irkopptejn il-faragħun, u juru: il-mara ewlenija tiegħu, Nefertari Meritmut; ir-reġina omm tiegħu Mut-Tuy; l-ewwel żewġ ulied subien tiegħu, Amun-her-khepeshef u Ramesses B; u l-ewwel sitt ulied bniet tiegħu: Bintanath, Baketmut, Nefertari, Meritamen, Nebettawy u Isetnofret.[9]
Il-faċċata wara l-istatwi kolossali hija għolja 33 metru u wiesgħa 38 metru. Għandha freġju bi 22 babbwin iqimu tlugħ ix-xemx b'dirgħajhom mgħollijin u bi stele li tfakkar iż-żwieġ ta' Ramesses II ma' bint ir-Re Ḫattušili III, li ssiġilla l-paċi bejn l-Eġittu u l-Ittiti.[10]
Fuq id-daħla stess hemm immaġnijiet b'bassoriljiev tar-re jqim lil Ra Horakhty b'ras ta' falkun, u hemm statwa tiegħu f'niċċa kbira. Ra jżomm il-user bil-ġeroglifiċi u rixa f'idu l-leminija, b'Maat (l-alla tal-verità u tal-ġustizzja) f'idu x-xellugija; din hija kriptogramma għal isem Ramesses II fuq it-tron, User-Maat-Re.[9]
Ġewwa
[immodifika | immodifika s-sors]Il-parti ta' ġewwa tat-tempju għandha l-istess tqassim triangolari li għandhom il-biċċa l-kbira tat-tempji Eġizzjani antiki, bi kmamar li jiċkienu mid-daħla sas-santwarju. It-tempju għandu struttura kumplessa u pjuttost mhux tas-soltu minħabba li fih bosta kompartimenti fil-ġnub. Is-sala ipostila (li xi kultant tissejjaħ pronaos) hija twila 18-il metru u hija wiesgħa 16.7-il metru; hija mirfuda minn tmien pilastri enormi ta' Osiris b'Ramesses divinizzat u kkollegat mal-alla Osiris, l-alla tal-fertilità, tal-agrikultura, tal-ħajja wara l-mewt, tal-mejtin, tal-qawmien mill-mewt, tal-ħajja u tal-veġetazzjoni, biex tiġi indikata n-natura dejjiema tal-faragħun. L-istatwi kolossali mal-ħajt tan-naħa tax-xellug għandhom il-kuruna l-bajda tal-Eġittu ta' Fuq, filwaqt li dawk fuq in-naħa opposta lebsin il-kuruna doppja tal-Eġittu ta' Fuq u t'Isfel. Il-bassoriljievi fuq il-ħitan tal-pronaos juru xeni ta' battalji fil-kampanji militari li ħa sehem fihom Ramesses II. Il-biċċa l-kbira tal-iskulturi huma ddedikati lill-Battalja ta' Kadesh, fuq ix-xmara Orontes fis-Sirja tal-lum, fejn re Eġizzjan kien iġġieled kontra l-Ittiti. L-iktar riljiev famuż juri re fuq il-karru tiegħu jispara l-vleġeġ kontra l-għedewwa tiegħu huma u jaħarbu, huma u jittieħdu bħala priġunieri. Xeni oħra juru r-rebħiet Eġizzjani fil-Libja u f'Nubja.[10]
Mis-sala ipostila, wieħed jidħol fit-tieni sala bil-pilastri, b'erba' pilastri mżejna b'xeni mill-isbaħ ta' offerti lill-allat. Hemm xeni ta' Ramesses u Nefertari bid-dgħajjes sagri ta' Amun u ta' Ra-Horakhty. Din is-sala tagħti aċċess għal vestibolu trasversali, u fin-nofs tiegħu hemm id-daħla tas-santwarju. Hawnhekk, fuq ħajt iswed, hemm skulturi mnaqqxin fil-blat ta' erba' figuri bilqiegħda: Ra-Horakhty, ir-re divinizzat Ramesses, u l-allat Amun Ra u Ptah. Ra-Horakhty, Amun Ra u Ptah kienu d-divinitajiet prinċipali f'dak il-perjodu u ċ-ċentri tat-twemmin tagħhom kienu jinsabu f'Heliopolis, f'Thebes u f'Memphis rispettivament.[10]
Allinjament max-Xemx
[immodifika | immodifika s-sors]
Jingħad li l-assi tat-tempju ġie ppożizzjonat mill-arkitetti Eġizzjani tal-qedem b'tali mod li fit-22 ta' Ottubru u fit-22 ta' Frar, ir-raġġi tax-xemx jippenetraw is-santwarju u l-iskulturi mal-ħajt ta' wara jiġu jiddu kollha, għajr l-istatwa ta' Ptah, alla kkollegat mal-mejtin u li dejjem kien jibqa' fid-dlam. Diversi nies jinġabru f'Abu Simbel f'dawn il-jiem biex jaraw dan l-avveniment b'għajnejhom.[9]
Allegatament, dawn id-dati huma d-data ta' għeluq snin ir-re u l-jum meta kien inkurunat, rispettivament. Ma hemm l-ebda evidenza diretta li tappoġġa din l-allegazzjoni. Madankollu, huwa loġiku li wieħed jassumi li dawn id-dati kellhom xi rabta ma' avveniment sinifikanti. Fil-fatt, skont il-kalkoli li saru abbażi tat-tlugħ eljakali tal-istilla Sirius (Sothis) u l-iskrizzjonijiet li nstabu mill-arkeologi, din id-data x'aktarx li kienet it-22 ta' Ottubru. Din l-immaġni tar-re ġiet imsaħħa u rivitalizzata mill-enerġija tal-istilla solari, u Ramesses divinizzat il-Kbir seta' b'hekk jieħu postu ħdejn Amun-Ra u Ra-Horakhty.[9]
Minħabba d-deriva akkumulata tat-Tropiku tal-Qabru minħabba l-preċessjoni assjali tad-Dinja f'dawn l-aħħar tliet millenji, id-data tal-avveniment kienet differenti meta nbena t-tempju. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li t-tempju ġie rilokat mill-konfigurazzjoni oriġinali tiegħu, u b'hekk l-allinjament attwali jaf mhuwiex daqshekk preċiż daqs dak oriġinali.[11]
Graffiti bil-Grieg
[immodifika | immodifika s-sors]Graffiti magħruf miktub bil-Grieg fuq ir-riġel tax-xellug tal-istatwa kolossali bilqiegħda ta' Ramesses II, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tad-daħla tat-tempju jgħid hekk:
Meta r-Re Psammetichus (Psamtik II) ġie fuq il-Gżira Elephantine, dan inkiteb minn dawk li baħħru ma' Psammetichus iben Teokle, u waslu lil hinn minn Kerkis sakemm tippermetti x-xmara. Dawk li kienu jitkellmu b'ilsna barranin (il-Griegi u l-Karjani li naqqxu isimhom ukoll fuq il-monument) kienu mmexxija minn Potasimto, u l-Eġizzjani minn Amasis."[12]
Kerkis kienet tinsab ħdejn il-Ħames Ċarċara tan-Nil li kienet parti mir-Renju Kuxita.[13]
It-Tempju ż-Żgħir
[immodifika | immodifika s-sors]
It-tempju ta' Hathor u Nefertari, magħruf ukoll bħala t-Tempju ż-Żgħir, inbena madwar 100 metru fil-Grigal tat-Tempju ta' Ramesses II u ġie ddedikat lill-alla Hathor u lill-mara ewlenija ta' Ramesses II, Nefertari. Din kienet fil-fatt it-tieni darba fl-istorja Eġizzjana tal-qedem li tempju ġie ddedikat lil reġina. L-ewwel darba, Akhenaten iddedika tempju lill-mara rjali tiegħu, Nefertiti. Il-faċċata mnaqqxa fil-blat hija mżejna b'żewġ gruppi ta' statwi kolossali li huma sseparati b'daħla kbira. L-istatwi, kemxejn iktar għoljin minn 10 metri, huma tar-re u tar-reġina tiegħu. Fuq in-naħa l-oħra tal-portal hemm żewġ statwi tar-re, darba liebes il-kuruna l-bajda tal-Eġittu ta' Fuq (l-istatwa kolossali tan-Nofsinhar) u darba liebes il-kuruna doppja (l-istatwa kolossali tat-Tramuntana); maġenbhom hemm statwi tar-reġina.[9]
B'mod notevoli, din hija waħda mill-ftit drabi fl-arti Eġizzjana fejn l-istatwi tar-re u tar-reġina tiegħu għandhom daqs ugwali. Tradizzjonalment, l-istatwi tal-irġejjen kienu jkunu qrib dawk tal-faragħun, iżda qatt ma kienu jkunu itwal minn irkopptejh. Ramesses II mar f'Abu Simbel ma' martu fl-24 sena tar-renju tiegħu. L-istess bħal fit-Tempju l-Kbir tar-re, hemm statwi żgħar tal-prinċepijiet u tal-prinċipessi ħdejn il-ġenituri tagħhom. F'dan il-każ jinsabu ppożizzjonati b'mod simetriku: fuq in-naħa tan-Nofsinhar (fuq ix-xellug kif wieħed iħares lejn id-daħla) hemm, mix-xellug għal-lemin, il-prinċepijiet Meryatum u Meryre, il-prinċipessi Meritamen u Henuttawy, u l-prinċepijiet Pareherwenemef u Amun-her-khepeshef, filwaqt li fuq in-naħa tat-Tramuntana hemm l-istess figuri imma bl-ordni inversa. Il-pjanta tat-Tempju ż-Żgħir hija verżjoni ssimplifikata ta' dik tat-Tempju l-Kbir.[9]

Bħal fit-Tempju l-Kbir iddedikat lir-re, is-sala ipostila fit-Tempju ż-Żgħir hija mirfuda minn sitt pilastri; madankollu, f'dan il-każ, mhumiex pilastri ta' Osiris b'immaġnijiet tar-re, iżda huma mżejna b'xeni mar-reġina ddoqq is-sistri (strument sagru għall-alla Hathor), flimkien mal-allat Horus, Khnum, Khonsu, u Thoth, u mal-allat femminili Hathor, Isis, Maat, Mut ta' Asher, Satis u Taweret; f'xena minnhom Ramesses II jidher jippreżenta xi fjuri jew inċens jaqbad. Il-kapitelli tal-pilastri għandhom wiċċ l-alla Hathor fuqhom; din it-tip ta' kolonna hija magħrufa bħala ta' Hathor. Il-bassoriljievi fis-sala bil-pilastri juru d-divinizzazzjoni tar-re, il-qerda tal-għedewwa tiegħu fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar (f'dawn ix-xeni r-re huwa akkumpanjat minn martu), u r-reġina tagħmel offerti lill-allat femminili Hathor u Mut. Is-sala ipostila hija segwita minn vestibolu, u l-aċċess għalih jingħata permezz ta' tliet bibien kbar. Mal-ħitan tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana ta' dan il-kompartiment hemm żewġ bassoriljievi grazzjużi u poetiċi tar-re u tar-reġina tiegħu jippreżentaw pjanti tal-papiru lil Hathor, li tidher bħala baqra tbaħħar fost il-papiru. Mal-ħajt tal-Punent, Ramesses II u Nefertari jidhru qed jagħmlu offerti lill-alla Horus u lid-divinitajiet tal-Ċarċara — Satis, Anubis u Khnum.[10]
Is-santwarju mnaqqax fil-blat u ż-żewġ kompartiment fil-ġnub huma kkollegati mal-vestibolu trasversali u huma allinjati mal-assi tat-tempju. Il-bassoriljievi mal-ħitan tal-ġnub tas-santwarju ż-żgħir jirrappreżentaw xeni ta' offerti lil diversi allat mill-faragħun jew mir-reġina. Mal-ħajt ta' wara, li jinsab fil-Punent tul l-assi tat-tempju, hemm niċċa li fiha Hathor, b'għamla ta' baqra divina, jidher bħal donnu ħierġa mill-muntanja: l-alla femminili li tidher bħala l-patrun tat-tempju ddedikat lilha u lir-reġina Nefertari, li għandha rabta intima mal-alla femminili.[9]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sistema tal-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen-Geiger tikklassifika l-klima ta' Abu Simbel bħala waħda sħuna ta' deżert (BWh).
Data klimatika għal Abu Simbel | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 23.6
(74.5) |
26
(79) |
30.2
(86.4) |
35.3
(95.5) |
39.1
(102.4) |
40.6
(105.1) |
40.2
(104.4) |
40.2
(104.4) |
38.7
(101.7) |
36
(97) |
29.7
(85.5) |
24.9
(76.8) |
33.7
(92.7) |
Temp. medja kuljum f'°C (°F) | 16.4
(61.5) |
18.2
(64.8) |
22.1
(71.8) |
27
(81) |
31
(88) |
32.7
(90.9) |
32.7
(90.9) |
32.9
(91.2) |
31.4
(88.5) |
28.8
(83.8) |
22.7
(72.9) |
18.1
(64.6) |
26.2
(79.2) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 9.2
(48.6) |
10.4
(50.7) |
14.1
(57.4) |
18.8
(65.8) |
23
(73) |
24.8
(76.6) |
25.3
(77.5) |
25.7
(78.3) |
24.2
(75.6) |
21.6
(70.9) |
15.8
(60.4) |
11.4
(52.5) |
18.7
(65.6) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
Medja ta' jiem bix-xita | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |
Medja ta' sigħat ta' xemx | 10 | 10 | 10 | 10 | 11 | 11 | 11 | 11 | 10 | 10 | 10 | 10 | 10 |
Sors 1: Climate-Data.org[14] | |||||||||||||
Sors 2: Weather to Travel għas-sigħat ta' xemx u għall-jiem bix-xita[15] |
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monumenti Nubjani minn Abu Simbel sa Philae, inkluż iż-żewġ tempji ta' Abu Simbel, ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet" u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Nubian Monuments from Abu Simbel to Philae". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-24.
- ^ a b "Abu Simbel". pcma.uw.edu.pl. Miġbur 2021-11-24.
- ^ Verner, Miroslav. Temple of the Word: Sanctuaries, Cults and Mysteries of Ancient Egypt. (Cairo: The American University in Cairo Press, 2013).
- ^ a b Hawass, Zahi. The Mysteries of Abu Simbel. (Cairo: The American University in Cairo Press, 2000).
- ^ Lane E, "Descriptions of Egypt," American University in Cairo Press. pp. 493-502.
- ^ Fry Drew Knight Creamer, 1978, Londra, Lund Humphries
- ^ Inc, Time. LIFE (bl-Ingliż). Time Inc. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ Fitzgerald, Stephanie (2008). Ramses II: Egyptian Pharaoh, Warrior and Builder. New York: Compass Point Books. ISBN 978-0-7565-3836-1.
- ^ a b ċ d e f ġ g Alberto Siliotti, Egypt: temples, people, gods, 1994.
- ^ a b ċ d Ania Skliar, Grosse kulturen der welt-Ägypten, 2005.
- ^ "NASA" (PDF).
- ^ "King Psammetichus II (Psamtik II) of Egypt's 26th Dynasty". www.touregypt.net. Miġbur 2021-11-24.
- ^ Britannica, p. 756.
- ^ "Abu Simbel climate: Average Temperature, weather by month, Abu Simbel weather averages - Climate-Data.org". en.climate-data.org. Miġbur 2021-11-24.
- ^ Weather2Travel.com. "Holiday Weather Averages & Forecast". Weather2Travel.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-24.