Abbazija ta' Fontenay
L-Abbazija ta' Fontenay hija eks abbazija tal-Ordni Ċisterċensi fil-muniċipalità ta' Marmagne, qrib Montbard, fid-dipartiment ta' Côte-d'Or fi Franza. Ġiet stabbilita minn San Bernard ta' Clairvaux fl-1118, u nbniet bl-istil Rumanesk. L-abbazija hija waħda mill-eqdem abbaziji Ċisterċensi fl-Ewropa u waħda mill-iżjed kompluti, u saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[1] Mill-kumpless oriġinali li jinkludi l-knisja, id-dormitorju, il-binja li tmiss mal-knisja, il-caldarium, ir-refettorju, il-barumbara u l-forġa, il-binjiet kollha għadhom intatti għajr ir-refettorju u kollha jinsabu fi stat tajjeb ta' manutenzjoni. L-Abbazija ta' Fontenay, flimkien ma' abbaziji Ċisterċensi oħra, tikkollega l-arkitettura Rumaneska mal-arkitettura Gotika.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Stabbiliment tal-Ordni
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-aħħar tas-seklu 11, fl-aqwa żmien tal-knisja l-kbira ta' Cluny III (monasteru Benedittin grandjuż fi Cluny, Franza), għalkemm Cluny kellha bosta fidili, San Robert ta' Molesme, il-fundatur sussegwenti tal-Abbazija ta' Cîteaux, mexxa reazzjoni qawwija kontriha. San Robert ħaseb li Cluny kienet kontra l-Ordni ewlenija ta' San Benedittu: ora et labora (talb u xogħol). Minħabba f'hekk, San Robert, flimkien ma' grupp ta' patrijiet li kienu tal-istess fehma tiegħu, inqatgħu minn Cluny.[2]
San Robert stabbilixxa l-Ordni taċ-Ċisterċensi f'Cîteaux, Franza. L-ordni l-ġdida osservat b'mod strett ir-Regola ta' San Benedittu. Bħala parti minn din ir-regola, il-patrijiet kellhom jgħixu fil-faqar u fis-sempliċità. Sabiex ma jiġux distratti mill-ħajja reliġjuża, iċ-Ċisterċensi bnew monasteri awtosuffiċjenti f'żoni iżolati u rrifjutaw li jużaw qaddejja. Il-monasteri Ċisterċensi kienu indipendenti. Kienu differenti minn Cluny peress li l-binjiet kollha kienu taħt il-kontroll dirett tas-superjur tal-patrijiet, u kull monasteru Ċisterċens kellu jieħu ħsieb il-binjiet tiegħu. Kull wieħed mill-monasteri x'aktarx li kien soċjetà individwali indipendenti.
Bernard ta' Clairvaux, superjur tal-patrijiet u l-fundatur primarju tal-Ordni taċ-Ċisterċensi, kellu l-istess twemmin bħal San Robert ta' Molesme. Madankollu, Bernard ħass li l-Abbazija ta' Cîteaux ma kinitx awstera biżżejjed u ma kinitx tirrifletti għalkollox ir-Regola ta' San Benedittu. Għalhekk, fl-1118 stabbilixxa l-Abbazija ta' Fontenay f'wied ta' Bourgogne u implimenta awsterità stretta.
Storja tal-abbazija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-patrijiet Ċisterċensi ttrasferew ruħhom fl-Abbazija ta' Fontenay fl-1130. Disa' snin wara, l-Isqof ta' Norwich ħarab mill-persegwitazzjoni u mar lejn Fontenay, u għen biex jiffinanzja l-kostruzzjoni tal-knisja bil-ġid tiegħu. Il-knisja ġiet ikkonsagrata fl-1147 mill-Papa Ewġenju III.
Sal-1200 il-kumpless monastiku tlesta u seta' jilqa' saħansitra 300 patri. Fl-1259, id-devot Re Lwiġi eżenta lill-Abbazija ta' Fontenay minn kull taxxa, u peress li kienet għall-qalb ir-re, għaxar snin wara saret abbazija rjali.
Fl-1359, l-Abbazija ta' Fontenay insterqet mill-armati tar-Re Dwardu III tal-Ingilterra matul il-Gwerra tal-Mitt Sena. Ġarrbet ħsarat ulterjuri matul il-Gwerer tar-Reliġjon fl-aħħar tas-seklu 16. Fl-1745 ir-refettorju nqered. Mal-bidu tar-Rivoluzzjoni Franċiża fl-1789, il-patrijiet kollha suċċessivament telqu mill-abbazija minħabba d-de-Kristjanizzazzjoni matul ir-rivoluzzjoni u fl-1791 is-sit inbidel f'impjant tal-produzzjoni tal-karta, immexxi mill-aħwa Montgolfier.
Fl-1906, Edouard Aynard, bankier minn Lyon li kien iħobb l-arti, xtara l-abbazija u beda r-restawr tagħha li tlesta fl-1911. Id-dixxendenti ta' Edouard komplew jaħdmu fuq l-abbazija u għadha proprjetà tal-familja Aynard sa llum il-ġurnata.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Abbazija Ċisterċensi ta' Fontenay ġiet iddeżinjata Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla wieħed tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Sfond
[immodifika | immodifika s-sors]Il-knejjes Ċisterċensi kollha għandhom l-istess mudell u jixbhu lil xulxin; pereżempju, il-knisja tal-Abbazija ta' Graiguenamanagh, li nbniet fl-Irlanda fl-1204, għandha pjanta simili għal dik tal-Abbazija ta' Fontenay. L-ispirtu tal-arkitettura Ċisterċensi huwa sempliċi, konservattiv u utilitarju. Il-knejjes tal-monasteri Ċisterċensi jkollhom arkitettura Rumaneska, inkluż pjanta simetrika, ħitan kbar, pjattaforma b'saħħitha bil-pilastri, volti b'għamla ta' btieti doppji, ħnejjiet tondi, u navata ċentrali twila. Fl-Ewropa Medjevali, l-etika Ċisterċensi tax-xogħol bl-idejn saret "il-forza prinċipali tad-diffużjoni teknoloġika" f'bosta oqsma, inkluż il-metallurġija.[3]
Binjiet
[immodifika | immodifika s-sors]L-abbazija primarjament kienet tinbena bil-ġebel mill-inħawi lokali.[4] Il-knisja tal-abbazija għandha arkitettura Ċisterċensi tipika bi stil Rumanesk. Għandha għamla ta' salib Latin, b'navata twila 66 metru u wiesgħa tmien metri, żewġ korsiji laterali, u transett ta' 19-il metru. B'kuntrast ma' knejjes iktar bikrin, il-knisja tal-abbazija għandha apsida ċċattjata u żewġ kappelli rettangolari (minflok semiċirkolari) fuq kull naħa tat-transett. Il-kjostru huwa 36 metru bi 38 metru. Il-binja li tmiss mal-knisja għandha l-volti b'riffieda b'saħħithom. Hemm dormitorju kbir li reġa' ġie msaqqaf fis-seklu 15 b'saqaf bl-arkati tal-injam tal-qastan.
Għajr għar-refettorju li ġġarraf, l-abbazija għad għandha kważi l-binjiet oriġinali kollha tagħha: il-knisja, id-dormitorju, il-kjostru, il-binja li tmiss mal-knisja, il-caldarium jew "il-kamra tat-tisħin", il-barumbara u l-forġa, kollha mibnija bi stil Rumanesk. Il-binja residenzjali tas-superjur tal-patrijiet u l-infermerija nbnew iktar 'il quddiem. Illum il-ġurnata l-binjiet tal-abbazija huma stabbiliti f'artijiet moderni puliti bil-ħaxix u biż-żrar.
Fil-binjiet oriġinali kollha, ma hemmx tiżjin la minn barra u lanqas minn ġewwa. Għalkemm Bernard ta' Clairvaux ma ppruvax jiċħad l-arti jew is-sbuħija, huwa qagħad lura minn "dawk il-manifestazzjonijiet ta' sbuħija li jbiegħdu l-għajnejn tal-moħħ mix-xbieha ta' Alla favur l-imagines mundi (ix-xbihat tad-dinja)".[5] Għalkemm ma hemmx fjuri fil-kapitelli, l-ebda motiv dekorattiv u l-ebda xbieha mkien, l-abbazija xorta waħda hija opra tal-arti straordinarja.
Il-knisja u l-kjostru, iċ-ċentru tal-ħajja għall-patrijiet, inbnew fi spazji distribwiti b'mod loġiku. B'antiċipazzjoni għall-espansjoni futura tal-monasteru, minflok inħolqot struttura kkonfinata u magħluqa, il-knisja u l-kjostru nħolqu b'mod parallel jew perpendikolari ma' xulxin bi truf miftuħa. B'dan il-mod, matul l-espansjoni, il-kjostru u l-knisja eżistenti ma kinux jiġu influwenzati.
Ma hemm l-ebda torri tal-kampnar fl-abbazija, għaliex Bernard ta' Clairvaux ħass li kien inaqqas mill-awsterità inġenerali. Bħala alternattiva, tpoġġew qniepen żgħar fil-ħajt maġenb il-bieb tal-knisja biex meta jindaqqu l-patrijiet jinġabru flimkien.
Fuq ġewwa tal-knisja, pilastri enormi b'għamla ta' salib jirfdu volti kbar b'għamla ta' btieti, li jikkonsistu minn ħnejjiet ippuntati u ħnejjiet ippuntati trasversali. Hemm ukoll ħnejjiet ippuntati b'għamla ta' dijaframma. L-użu abbundanti tal-ħnejjiet ippuntati ntgħażel peress li "l-ħnejja ppuntata tixħet il-piż fuq il-pilastri jew il-kolonni riffieda b'angolu wieqaf", u b'hekk jirfdu minnhom infushom binja twila għal eluf ta' snin.
Bernard ta' Clairvaux, li rrestrinġa t-tiżjin, kien jemmen li d-dawl biss għandu jidħol fil-knisja. Għal żmien twil, it-twemmin kien li l-proporzjonijiet perfetti setgħu jinkisbu permezz tal-mużika. B'hekk, meta ġew iddisinjati t-twieqi tal-ħġieġ, ġew applikati proporzjonijiet numeriċi li jikkorrispondu mal-mużika. Pereżempju, is-seba' twieqi fil-Punent fuq ġewwa kienu distribwiti skont proporzjon mużikali ta' 3/4.
Il-kjostru ta' sitta u tletin metru li jinsab fuq wara tal-knisja huwa maqsum f'galleriji żgħar permezz ta' pilastri. F'kull gallerija, pilastri b'kolonni doppji b'kapitelli b'għamla tal-ponta ta' lanza jirfdu volta bil-ħnejjiet doppji. Dan il-kjostru kien post importanti għall-patrijiet biex iqattgħu l-ħin liberu tagħhom jaqraw, jaħdmu u jitolbu.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Cistercian Abbey of Fontenay". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-16.
- ^ Terryl N. Kinder, Cistercian Europe (Cambridge: Wm. B. Eerdmans, 2002), 27.
- ^ Roger Stalley, The Cistercian Monasteries of Ireland (London: Yale University Press, 1987), 73.
- ^ "Fontenay Abbey France travel and tourism, attractions and sightseeing and Fontenay Abbey reviews". www.francethisway.com. Miġbur 2022-08-16.
- ^ Kinder, Cistercian Europe, 15.