Aqbeż għall-kontentut

Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Iż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix tirrappreżenta waħda mill-aħħar ekosistemi ta' arċipelagi oċeaniċi tal-qroll li għadhom intatti, bi skolli tal-qroll li x'aktarx għadhom l-istess kif kienu xi elf sena ilu.

Iż-Żona Protetta tal-Gżejjer (bl-Ingliż: Phoenix Islands Protected Area (PIPA)) tinsab fir-Repubblika tal-Kiribati, nazzjon oċeaniku fil-Paċifiku ċentrali, bejn wieħed u ieħor nofs triq bejn l-Awstralja u Hawaii. Iż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix tikkostitwixxi 11.34 % taż-żona ekonomika esklużiva tal-Kiribati, u b'daqs ta' 408,250 km2 (157,630 mil kwadru), hija waħda mill-ikbar żoni tal-baħar protetti u waħda mill-ikbar żoni protetti ta' kull tip (art jew baħar) fid-Dinja.[1] Iż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix ġiet iddeżinjata wkoll bħala l-ikbar u l-iżjed Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-fond fl-2010.[2][3]

Iż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix tikkonserva waħda mill-ikbar ekosistemi ta' arċipelagi oċeaniċi tal-qroll li għadhom intatti fid-Dinja, u tinkludi 14-il muntanja ta' taħt il-baħar (li x'aktarx huma vulkani estinti) u ħabitat oħra tal-baħar fond. Iż-żona fiha madwar 800 speċi magħrufa ta' fawna, inkluż madwar 200 speċi ta' qroll, 500 speċi ta' ħut, 18-il mammiferu tal-baħar u 44 speċi ta' għasafar.[4] B'kollox hija ekwivalenti għad-daqs tal-istat ta' California fl-Istati Uniti, għalkemm l-erja totali tal-art hija biss ta' 25 km2 (9.7 mili kwadri).[5] Lejn it-Tramuntana taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix hemm il-Monument Nazzjonali tal-Baħar tal-Gżejjer Remoti tal-Paċifiku, amministrat mill-Istati Uniti, li attwalment huwa l-ikbar żona protetta tal-baħar fid-Dinja.

Storja u amministrazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-konfini taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix.

Ir-Repubblika tal-Kiribati, bi sħubija mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi tal-konservazzjoni Conservation International u the New England Aquarium, iffurmat il-Fond Fiduċjarju taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix.[6] Fl-2018, in-New England Aquarium irriżenja mis-sħubija u minflok ingħaqad l-Aquarium of the Pacific.

Ir-rekwiżiti tal-ġestjoni u tal-protezzjoni meħtieġa biex jinżammu l-valuri ta' din iż-żona protetta tal-baħar huma riflessi kemm fil-miżuri attwali tal-ġestjoni temporanja kif ukoll fil-pjan ta' ġestjoni li ġie approvat dan l-aħħar. Dawn jinkludu, iżda mhumiex limitati għalihom:

  • it-tqassim f'żoni;
  • l-għoti tal-permessi.

L-amministraturi tar-riżerva kienu ġew ikkritikati għall-ammont ta' sajd li kienu jippermettu qabel l-għeluq għalkollox fl-1 ta' Jannar 2015.[7] Mill-1 ta' Jannar 2015, l-attivitajiet kummerċjali kollha tal-estrazzjoni (inkluż is-sajd għat-tonn) huma pprojbiti fiż-żona protetta tal-baħar. Żona żgħira ta' użu sostenibbli madwar il-Gżira ta' Canton biss tippermetti attivitajiet limitati ta' sostenn għall-popolazzjoni residenti. Fil-Pjan ta' Ġestjoni taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix tal-2015–2020, li ġie implimentat wara deċiżjoni tal-gvern tal-Kiribati f'Jannar 2014, hemm projbizzjoni totali tas-sajd kummerċjali fi ħdan il-konfini taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix, il-baħar territorjali (sa 12-il mil nawtiku) u l-laguni kollha tat-tmien gżejjer taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix (Kanton, Manra, Rawaki, Birnie, Mckean, Enderbury, Nikumaroro u Orona) sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impat fuq l-ispeċijiet tal-baħar u tal-art, inkluż il-ħabitats.

F'Novembru 2021 ġie mħabbar li l-gvern tal-Kiribati kien se jtemm iż-żona protetta biex jixpruna s-sajd għat-tonn.[8]

Wirt naturali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-qroll tal-Gżira ta' Enderbury.

Hemm tliet gżejjer tal-qroll b'laguni u bi skolli tal-qroll assoċjati fil-perimetru taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix (Orona (Hull), Nikumaroro (Gardner), u Kanton (Aba-Riringa)), u ħames gżejjer baxxi mdawra bi skolli mifruqa tal-qroll (Manra (Sydney), Rawaki (Phoenix), McKean, Birnie u Enderbury), kif ukoll żewġ skolli tal-qroll taħt il-baħar (Winslow u Carondelet). Iż-żona fiha seba' ħabitats prinċipali: gżejjer, laguni, skolli tal-qroll, skolli tal-qroll tal-baħar fond, muntanji tal-baħar, benthos tal-baħar fond, u oċean miftuħ, u kollha huma rrappreżentati fi ħdan iż-żona protetta.

L-istħarriġiet tas-sena 2000 (Obura, et al.) fil-Gżejjer Phoenix (Orona (Hull), Nikumaroro (Gardner), u Kanton (Aba-Riringa)), ħames gżejjer tal-qroll baxxi mdawra bi skolli tal-qroll (Manra (Sydney), Rawaki (Phoenix), McKean u Enderbury), jidentifikaw li meta saru dawn l-istħarriġiet, l-iskolli tal-qroll kienu fi stat ta' saħħa eċċellenti, u kienu ħielsa mit-tbajjid li fena l-iskolli tal-qroll f'partijiet oħra tal-Paċifiku, bl-ebda evidenza ta' xi mard tal-qroll.[9]

Iż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix hija arċipelagu tal-gżejjer tal-qroll, fil-biċċa l-kbira diżabitati, li tinsab fi ħdan żona importanti bijoloġikament imsejħa l-hotspot tal-Polineżja u tal-Mikroneżja.

L-iskolli tal-qroll tal-Gżejjer Phoenix kienu notevoli għal-livell moderat ta' Kopertura bil-Qroll Ħaj ta' 20-40 % u għall-evidenza ta' ksur fiżiku kbir tal-qroll bl-enerġija tal-mewġ fl-iskolli tal-qroll tan-Nofsinhar, tal-Lvant u tat-Tramuntana tal-gżejjer, li joħloq fdalijiet tal-qroll fil-laguni u fil-bażi tal-iskolli tal-qroll. Il-materjal dominanti fil-qiegħ tal-laguni kien qroll iebes (36.0 %), segwit minn algi tal-qroll (algi ħomor; 18.0 %), fdalijiet tal-qroll (16.7 %), ħażiż u algi konsistenti (11.6 %) u makroalgi ħodor Halimeda (10.4 %). Id-dominanza tal-qroll u tal-algi tal-qroll tindika li l-ekosistemi tal-iskolli tal-qroll huma f'saħħithom u huma ddominati minn organiżmi kalċifikanti u minn tkabbir attiv tal-qafas tal-iskolli tal-qroll. L-effett tal-espożizzjoni għall-maltempati huwa indikat mix-xejriet dominanti b'forom tal-qroll reżistenti għall-maltempati fis-siti fejn jaqblu l-irjieħ, b'inqas abbundanza fis-siti għall-kenn mill-irjieħ, u żieda korrispondenti ta' forom iktar delikati ta' mal-plakek tal-art, u d-dominanza tat-tipi ta' qroll iktar fraġli b'għamla ta' mwejjedi fis-siti protetti tal-laguni. Id-diversità fl-ispeċijiet tal-qroll hija ikbar fil-gżejjer il-kbar ta' Nikumaroro, Kanton u Orona, u dan jindika l-importanza tal-kobor tal-iskoll tal-qroll fuq dawn il-gżejjer biex isostnu l-bijodiversità. Il-qroll artab tal-qiegħ (Sinularia u Lobophytum) instabu fil-qiegħ tal-laguni ta' Kanton u ta' Orona, li huma l-unika laguni reali fil-Gżejjer Phoenix.

Gandoffli ġganteski Tridacna fil-laguna ta' Orona.

L-istilel tal-baħar (Acanthaster planci), rotob u predaturi oħra tal-qroll, bħall-bebbux li jiekol il-qroll Drupella spp., jinsabu fuq l-iskolli tal-qroll tal-Gżejjer Phoenix, għalkemm ma kienx hemm indikazzjoni ta' xi tifqigħat qerrieda ta' dawk il-predaturi fl-iskolli tal-qroll.

L-ispeċijiet tal-gandoffli ġganteski (Tridacna) jokkorru b'għadd żgħir: Tridacna squamosa; Tridacna maxima; iżda mhux Tridacna gigas.

Acropora cytherea.

Żewġ skolli tal-qroll taħt il-baħar, Winslow u Carondelet, u mill-inqas 14-il muntanja tal-baħar magħrufa, flimkien ma' ħabitats tal-oċean miftuħ u tal-baħar fond, huma parti integrali miż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix. In-New England Aquarium (NEAq), l-Università ta' Boston, l-Istituzzjoni Oċeanografika ta' Woods Hole, l-Assoċjazzjoni tal-Edukazzjoni dwar il-Baħar, u l-Istitut Oċeaniku ta' Schmidt wettqu spedizzjonijiet tar-riċerka xjentifika fir-rigward ta' dawn il-ħabitats tal-muntanji tal-baħar, li ġew identifikati bħala rikki fil-bijodiversità u fil-qroll tal-baħar fond, u jsostnu varjetà ta' speċijiet pelaġiċi oċeaniċi. Iż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix ġiet identifikata bħala sit importanti tal-alimentazzjoni u tar-riproduzzjoni tal-ispeċijiet tat-tonn. Il-grupp tassonomiku dominanti fil-baħar fond ta' kull tip kien l-oktoqroll, segwit mill-antipatarjani, l-iskleraktinjani u mbagħad iż-żoantarjani.[10]

Impatt tat-tlissija tal-ħadid min-nawfraġji u mill-ankri

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix hija reġjun naturali mingħajr rikkezza ta' ħadid. L-introduzzjoni tal-ħadid f'dan l-ambjent min-nawfraġji tal-bastimenti u mill-ankri, hija marbuta mal-proliferazzjoni tal-ħażiż, tal-algi u ta' komunitajiet batteriċi bentiċi, u mal-iskolli tal-qroll "suwed" degradati. Mis-sena 2000 sal-2015 ġew immonitorjati l-iskolli tal-qroll suwed li oriġinaw min-nawfraġju tal-1929 tal-SS Norwich City f'Nikumaroro sat-Tramuntana tas-sit sa kilometu (0.6 mili) 'il bogħod. L-ispedizzjoni tal-2015 fiż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix irreġistrat il-preżenza ta' skolli tal-qroll suwed f'ħames gżejjer tal-qroll (Enderbury, Kanton, Nikumaroro, McKean, Rawaki) u fuq il-muntanja tal-baħar ta' Carondelet, li kienet assoċjata mal-fdalijiet tan-nawfraġju. L-ebda rkupru ma ġie ddokumentat fl-iskolli tal-qroll suwed li ġew osservati bejn l-2005 u l-2015.[11][12][13]

Irpiljar tal-gżira u programm ta' bijosigurtà

[immodifika | immodifika s-sors]
Favites pentagona.

Ħamsa mit-tmien gżejjer fiż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix attwalment huma ddeżinjati bħala Żoni Importanti tal-Għasafar minn Birdlife International. Illum il-ġurnata hemm 19-il speċi ta' għasafar tal-baħar li jgħixu fil-gżejjer. Bosta għasafar tal-baħar oħra jpassu miż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix, fosthom iċ-ċief u l-kanġu mill-Awstralja u minn New Zealand. Speċijiet prominenti jinkudu l-kanġu tal-Gżejjer Phoenix li huwa endemiku u fil-periklu ta' estinzjoni.

Uħud mill-impatti negattivi tal-introduzzjoni ta' pjanti u annimali mhux nattivi u invażivi jinkludu l-eliminazzjoni ta' għasafar tal-baħar u pjanti nattivi, b'mod partikolari permezz tal-qerda tal-bajd u tal-frieħ, u l-pjanti introdotti li jieħdu post forom oħra ta' pjanti u b'hekk jimmodifikaw l-ekosistema naturali tal-gżejjer. Fost il-pjanti u l-annimali li ġew introdotti tul iż-żmien hemm il-firien tal-Paċifiku u tal-Asja, il-fniek, il-qtates, in-nemel, il-ħnieżer, il-klieb u l-lantana.

Sal-istabbiliment taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix, l-aħħar stħarriġiet komprensivi tal-fawna tal-Gżejjer Phoenix saru fis-snin 60 tas-seklu 20. Fl-2006 sar stħarriġ ġdid biex jiġi ddeterminat il-livell tal-invażjonijiet tal-ispeċijiet mhux nattivi fuq kull gżira u l-fattibbiltà ta' programm ta' rpiljar. Minn dan ix-xogħol ġie ddeterminat li dawn l-organiżmi qerrieda, speċjalment il-fniek selvaġġi fil-Gżira ta' Rawaki u l-firien fil-Gżira ta' McKean, kellhom jitneħħew mill-Gżejjer Phoenix.

Fost l-għanijiet ta' rpiljar taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix hemm il-qerda tal-qtates mhux nattivi mill-Gżira ta' Orona li qed jeqirdu l-popolazzjonijiet tal-għasafar.

Għall-ħabta tal-2002, il-firien Asjatiċi kkolonizzaw il-Gżira ta' McKean, milli jidher meta bastiment tas-sajd tat-tkarkir inkalja mal-iskolli tal-qroll tal-gżira. L-istħarriġ tal-2006 sab li l-firien predaturi prattikament qerdu l-popolazzjonijiet tal-kanġu, taċ-ċiefa u tas-sula blu fost l-oħrajn. Il-fniek tal-Gżira ta' Rawaki kienu qed jikkompetu u ġeneralment jeqirdu r-riżorsi meħtieġa mill-għasafar, apparti li kienu qed ikissrulhom il-bejtiet.

Bħala l-ewwel pass lejn l-irkupru tal-bijodiversità fil-gżejjer taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix, f'nofs l-2008 il-firien u l-fniek ġew eliminati fil-gżejjer ta' McKean u Rawaki. F'kontroll li sar f'Novembru–Diċembru 2009 f'dawn il-gżejjer minn tim xjentifiku, ħareġ li l-programm tal-qerda kien irnexxa. Ir-risponsi mill-pjanti u mill-għasafar kienu spettakolari, u t-tim sab li l-għasafar tal-baħar kienu qed jerġgħu jbejtu f'McKean għall-ewwel darba f'kważi għaxar snin. Min-naħa l-oħra, f'Rawaki l-irkupru tal-veġetazzjoni wassal biex għasafar bħas-sula blu jsibu siti adattati għall-bejtiet madwar il-gżira kollha. Saħansitra l-fregati kienu qed ibejtu fuq il-pjanti rkuprati. Permezz ta' dawn l-isforzi ta' rpiljar, il-popolazzjonijiet tal-kanġu tal-Gżejjer Phoenix, tal-kanġu ta' sidru abjad, u ta' għasafar tal-baħar importanti oħra jistgħu jirkupraw fiż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix. F'Lulju 2011 saret spedizzjoni oħra ta' eradikazzjoni tal-organiżmi invażivi li rnexxiet f'żewġ gżejjer oħra taż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix, Enderbury u Birnie. Iż-żewġ gżejjer kellhom popolazzjonijiet tal-firien mhux nattivi tal-Paċifiku.[14]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix ġiet innominata biex xi darba ssir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-30 ta' Jannar 2009 mir-Repubblika tal-Kiribati. Din kienet l-ewwel darba li r-Repubblika tal-Kiribati ressqet nominazzjoni mir-ratifika tal-Konvenzjoni fis-sena 2000. Fl-1 ta' Awwissu 2010, fl-34 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Brażilja, il-Brażil, iż-Żona Protetta tal-Gżejjer Phoenix ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u saret l-ikbar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u l-iktar wieħed fond fid-Dinja.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (xi) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[2]

  1. Rotjan, Randi (2014). Establishment, management, and maintenance of the Phoenix Islands Protected Area. In: Advances in Marine Biology. Elsevier, Oxford Press. ISBN 978-0-12-800214-8.
  2. 1 2 3 "Phoenix Islands Protected Area - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-23.
  3. "Asia-Pacific". www.conservation.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-23.
  4. Pierce, R.J. (2008). ""Phoenix Islands Restoration Project" (PDF). NZAID – PIPA" (PDF).
  5. "Ocean wilderness is size of California | COSMOS magazine". web.archive.org. 2014-02-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-02-10. Miġbur 2024-12-23.
  6. "Phoenix Islands Protected Area (PIPA)". web.archive.org. 2015-02-19. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-02-19. Miġbur 2024-12-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. PALA, CHRISTOPHER (2013-09-01). "Massive marine protected area is an even bigger sham". Salon (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-23.
  8. "Kiribati Terminates Giant Marine Protected Area to Boost Tuna Fishing". The Maritime Executive (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-23.
  9. Obura, D. O., Stone, G., Mangubhai, S., Bailey, S., Yoshinaga, A., and Barrel, R. (2011). "Baseline marine biological surveys of the Phoenix Islands". Atoll Research Bulletin. 589: 1–61. doi:10.5479/si.00775630.589.1.
  10. Steven R. Auscavitch, Mary C. Deere, Abigail G. Keller, Randi D. Rotjan, Timothy M. Shank and Erik E. Cordes (13 February 2020). "Oceanographic Drivers of Deep-Sea Coral Species Distribution and Community Assembly on Seamounts, Islands, Atolls, and Reefs Within the Phoenix Islands Protected Area". Frontiers in Marine Science. 7. doi:10.3389/fmars.2020.00042. hdl:1912/25560.
  11. Obura, D. O., Mangubhai, S. (1 November 2018). "Silent killer: black reefs in the Phoenix Islands Protected Area". Pacific Conservation Biology. 25 (2): 213–214. doi:10.1071/PC18048. S2CID 92277240.
  12. Kelly, L. W., Barott, K. I., Dinsdale, E., Friedlander, A. M., Nosrat, B., Obura, D., Sala, E., Sandin, S. A., Smith, J. E., Vermeij, M. J., Williams, G. J., Willner, D., and Rohwer, F. (2012). "Black reefs: iron-induced phase shifts on coral reefs". The ISME Journal. 6 (3): 638–649. doi:10.1038/ISMEJ.2011.114. PMC 3280131. PMID 21881615.
  13. Obura, D. O., Mangubhai, S. (2011). "Coral mortality associated with thermal fluctuations in the Phoenix Islands, 2002–2005". Coral Reefs. 30 (3): 607–619. Bibcode:2011CorRe..30..607O. doi:10.1007/S00338-011-0741-7. S2CID 34350055.
  14. "Pierce, R.J., and D. Brown. Phoenix Islands Restoration Project" (PDF).