Aqbeż għall-kontentut

Żona Protetta ta' Jungfrau-Aletsch

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta ta' Finsteraarhorn

Iż-Żona Protetta ta' Jungfrau-Aletsch (magħrufa uffiċjalment bħala l-Alpi Żvizzeri ta' Jungfrau-Aletsch) tinsab fil-Lbiċ tal-Iżvizzera bejn il-kantons ta' Bern u Valais. Hija reġjun muntanjuż fin-naħa l-iktar fil-Lvant tal-Alpi ta' Bern, li fih il-parti tat-Tramuntana ta' Jungfrau u ta' Eiger, u l-iżgħar żona glaċjali fil-Punent tal-Ewrasja, li tinkludi l-Glaċier ta' Aletsch. Iż-Żona Protetta ta' Jungfrau-Aletsch hija l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji Naturali tal-UNESCO fl-Alpi u tniżżel fil-lista fl-2001.[1][2]

Geografija u klima

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-rifuġji tal-muntanji tal-wied tal-Glaċier ta' Unteraar

Ir-rifuġji tal-muntanji fil-wied tal-Glaċier ta' Unteraar

Iż-Żona Protetta ta' Jungfrau-Aletsch tinsab fl-Alpi Żvizzeri bejn l-Oberland ta' Bern u l-Grigal ta' Valais, madwar 25 kilometru fin-Nofsinhar ta' Interlaken u 20 kilometru fit-Tramuntana ta' Brig. Is-sit ikopri l-katina muntanjuża kollha ta' Aar mill-Oeschinensee fil-Punent sal-Grimselsee (mhux inkluża) fil-Lvant, inkluż il-baċiri tal-glaċieri Aletsch, Fiescher, Aar u Grindelwald.

L-iktar punt punt għoli huwa l-Finsteraarhorn li b'għoli ta' 4,270 metru, hija wkoll l-ogħla muntanja fl-Alpi ta' Bern. Tmien qċaċet oħra 'l fuq minn 4,000 metru jinsabu fiż-żona: Aletschhorn, Jungfrau, Mönch, Schreckhorn, Gross Fiescherhorn, Hinter Fiescherhorn, Grünhorn u Lauteraarhorn.

Il-Glaċier ta' Aletsch

Il-medda ta' xifer il-qċaċet li tissepara l-kantons ta' Valais u ta' Bern hija l-medda ta' xifer il-qċaċet ewlenija fl-Ewropa. Il-widien prinċipali fuq in-naħa tat-Tramuntana jinżlu fid-direzzjoni tat-Tramuntana taħt in-naħa ta' Jungfrau, ta' Mönch u ta' Eiger għal 20 kilometru, u mbagħad taħt in-naħa ta' Aar, tributarju tar-Renu li jibqa' għaddej sal-Baħar tat-Tramuntana. Il-widien tan-Nofsinhar jiskulaw fil-wied tal-Lbiċ tar-Rhone li jibqa' għaddej sal-Baħar Mediterran.[3]

Il-klima tar-reġjun hija influwenzata b'mod qawwi mill-għoli tal-muntanji. Dawn jagħmluha ta' barriera bejn il-klima sottooċeanika bil-preċipitazzjoni tat-Tramuntana u l-klima iktar niexfa tal-muntanji u l-għoljiet ta' Valais li jħarsu lejn in-Nofsinhar. Fuq in-naħa tat-Tramuntana, ix-xita taqbeż l-2,200 millimetru, u l-biċċa l-kbira tagħha tinżel fis-sajf, iżda fuq in-naħa tan-Nofsinhar, ix-xita tlaħħaq biss l-1,000 millimetru, u tinżel l-iktar fix-xitwa. Valais tesperjenza klima sottokontinentali f'altitudnijiet baxxi u medji u hija semiarida ferm. It-temperaturi annwali medji jvarjaw bejn -8.5 °C f'Jungfraujoch (3,500 metru) u 9.1 °C fi Brig (700 metru).[4]

Karatteristiċi fiżiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żona Protetta ta' Jungfrau-Aletsch hija kważi mhux mimsusa, għajr għal xi mogħdijiet u għorfiet fil-muntanji. Hija glaċjata ferm. Madwar nofs iż-żona tinsab f'għoli ta' iktar minn 2,600 metru, ftit mijiet ta' metri inqas mil-limitu bejn l-akkumulazzjoni tal-glaċieri u ż-żoni tal-ablazzjoni. L-erja totali koperta mill-glaċier tammonta għal 35,000 ettaru, u din hija l-ikbar żona kontinwa ta' silġ fl-Alpi. L-ikbar u l-itwal glaċier fl-Alpi, il-Glaċier ta' Aletsch huwa twil 23 kilometru u għandu ħxuna massima ta' 900 metru f'Konkordiaplatz.

Is-sit protett ikopri erja ta' 82,388 ettaru, li tinkludi t-53,888 ettaru eżistenti tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kif ukoll estensjonijiet fuq iż-żewġ truf li jammontaw għal total ta' 28,500 ettaru ieħor. 56 % tas-sit jinsab fil-Kanton ta' Valais, filwaqt li 44 % tas-sit jinsab fil-Kanton ta' Bern.

Flora u fawna

[immodifika | immodifika s-sors]
Mogħża Alpina tal-barr

Il-glaċieri u l-blat jikkostitwixxu 80 % taż-żona; 6 % hija art forestali, 5.2 % hija mergħa Alpina, u 8 % hija art xagħrija. L-altitudni hija l-iktar fattur b'saħħtu li jinfluwenza d-distribuzzjoni u d-diversità tal-veġetazzjoni. Fi ħdan iż-żona protetta hemm 1,800 speċi ta' pjanti vaskolari u 700 muski. Il-perjodu tat-tkabbir jonqos iktar ma tiżdied l-altitudni, iżda hemm 529 speċi ta' fanerogami u pteridofiti 'l fuq mil-linja tas-siġar. Il-foresti muntanjużi b'siġar b'weraq wesgħin jestendu minn 900 metru sa 1,300 metru fuq ix-xaqlibiet li jħarsu lejn it-Tramuntana. Fuq ix-xaqlibiet li jħarsu lejn in-Nofsinhar, l-istess żona hija bejn wieħed u ieħor 200 metru ogħla. Iż-żona sottoalpina tinsab bejn 1,300 metru sa 2,000 metru, bejn iż-żona alpina u dik tas-siġar bil-weraq wesgħin. Xi speċijiet karatteristiċi huma s-siġar taż-żnuber Żvizzeri (Pinus Cembra) u s-siġar tal-abit tan-Norveġja (Picea abies) fuq in-naħat tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar rispettivament. Eżempju ta' foresta ta' Pinus cembra hija l-Foresta ta' Aletsch 'il fuq mill-Glaċier ta' Aletsch u qrib il-linja tas-siġar. Din żviluppat fuq il-morena tal-glaċier wara l-estensjoni massima tagħha fl-1850. Iż-żona direttament 'il fuq mil-linja tas-siġar tifforma roqgħa ta' veġetazzjoni f'moxa mgħaddra u bur Alpin bil-ħaxix.[1]

Fis-sit ġew irreġistrati 1,250 speċi ta' fawna, fosthom 271 vertebrat: 42 mammiferu, 99 għasfur, tmien rettili, erba' anfibji u seba' speċijiet ta' ħut, kif ukoll bosta invertebrati, inkluż 97 mollusk u 979 insett. L-istess bħall-kumplament tal-Alpi, xi speċijiet komuni huma l-kamoxx (Rupicapra rupicapra), il-mogħża Alpina tal-barr (Capra ibex), u ċ-ċerva ħamra (Cervus elaphus). Mammiferi iżgħar jinkludu l-liebru tal-muntanji (Lepus timidus), il-volpi (Vulpes vulpes), l-ermellin (Mustela erminea), il-far il-ġebel (Marmota marmota) u l-linċi (Felis lynx) li ġiet introdotta mill-ġdid.[1]

Il-linja tas-siġar tal-Foresta ta' Aletsch u ċ-ċentru ta' Pro Natura

Ir-reġjuni tal-Oberland ta' Bern u ta' Valais ilhom destinazzjonijiet turistiċi popolari mis-seklu 19. It-tixbit sal-quċċata tal-Jungfrau beda fl-1811 u fuq il-Finsteraarhorn fl-1812. L-ewwel turisti kienu jiġu l-iktar fis-sajf, iżda fis-snin 30 tas-seklu 20, l-isports tax-xitwa saru popolari wkoll.

Fuq in-naħa tat-Tramuntana, il-viżitaturi jistgħu jżuru s-sit biss permezz tal-linja ferrovjarja ta' Jungfrau li twassal sa Jungfraujoch. Il-linja ferrovjarja biddlet is-sit minn wiċċ tal-muntanja inaċċessibbli għal sit aċċessibbli ħafna u li jżuruh popolazzjonijiet kbar tal-madwar. Il-linja ferrovjarja ta' Jungfrau nbniet bejn l-1870 u l-1912, u tieħu lill-viżitaturi minn Kleine Scheidegg (2,061 metru) sa Jungfraujoch (3,454 metry), il-biċċa bejn Mönch u Jungfrau.

Fuq in-naħa tan-Nofsinhar, iż-żona ta' Riederalp-Bettmeralp tospita l-biċċa l-kbira tal-viżitaturi. Reġjuni abitati oħra fil-marġni huma Kandersteg u Lötschental. In-network ta' mogħdijiet għall-mixi huwa żviluppat sew madwar is-sit iżda mhux eżistenti fil-qalba tiegħu u għalhekk mhux aċċessibbli għall-mixi. Is-sit jista' jiġi aċċessat biss minn xabbata tal-muntanji bl-esperjenza u hemm sensiela ta' 37 xelter u ħames rifuġji tal-muntanji b'total ta' 1,582 sodda, ġestiti mill-Klabb Alpin Żvizzeru. Iċ-ċentru ekoloġiku ta' Aletsch f'Riederalp li huwa ġestit minn Pro Natura jiffunzjona bħala ċentru għall-viżitaturi.

  • 1933: il-protezzjoni tal-foresta ta' Aletsch tiġi ġestita mill-kanton ta' Valais
  • 1960: il-kanton ta' Bern jieħu ħsieb il-protezzjoni tal-Wied superjuri ta' Lauterbrunnen
  • 1983: l-Alpi ta' Bern jiġu inklużi fl-Inventarju Federali tal-Pajsaġġi u tal-Monumenti Naturali, b'reviżjoni taż-żona fl-1998
  • 2001: iż-żona titniżżel fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bl-isem ta' Jungfrau-Aletsch-Bietschhorn
  • 2007: is-sit jiġi estiż u l-isem uffiċjali jsir l-Alpi Żvizzeri ta' Jungfrau-Aletsch

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta ta' Schilthorn u l-Alpi ta' Bern

Iż-Żona Protetta ta' Jungfrau-Aletsch, magħrufa uffiċjalment fil-lista bħala l-Alpi Żvizzeri ta' Jungfrau-Aletsch, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001 u s-sit ġie estiż fl-2007.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; u l-kriterji (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[1]

  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Swiss Alps Jungfrau-Aletsch". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-03.
  2. ^ "DETEC - Approval of site extension and management plan for Jungfrau-Aletsch-Bietschhorn World Natural Heritage". web.archive.org. 2011-06-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-06-14. Miġbur 2021-08-03.
  3. ^ UNEP. "Swiss Alps Jungfrau-Aletsch, United Nation Environment Programme" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2010-08-02. Miġbur 2021-08-03.
  4. ^ Europe, Jungfraujoch-Top of. "Weather". Jungfraujoch-Top of Europe (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-03.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]