Aqbeż għall-kontentut

Sette Giugno

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Ġużeppi Bajada)
Il-monument tas-Sette Giugno, Valetta

Is-7 ta' Ġunju hija waħda mill-ħames Festi Nazzjonali ċċelebrati fil-Gżejjer Maltin għax titfakkar il-qtil ta' 4 Maltin waqt irvellijiet fil-Belt Valletta nhar is-7 ta' Ġunju 1919.

X'wassal għall-irvellijiet tas-Sette Giugno

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Ewwel Gwerra Dinjija damet għaddejja mill-1914 sa l-1918. Din il-gwerra kienet miġġielda prinċiparjament mill-Ingilterra, ir-Russja u Franza fuq naħa (l-Alleati) u l-Ġermanja, l-Imperu Awstrijak u l-Imperu Ottoman fuq in-naħa l-oħra (l-Qawwiet Ċentrali). Diversi pajjiżi ngħaqdu ma’ naħa jew m’oħra u għalhekk hija magħrufa bħala Gwerra Dinjija. F’dan iż-żmien Malta kienet għadha kolonja tal-Imperu Ingliż. Għalhekk l-effetti tal-Ewwel Gwerra Dinjija nħassu fuq Malta ukoll.

F’din il-gwerra Malta ma ġietx attakkata iżda kienet użata bħala Bażi Navali u bħala sptar. Fil-fatt f’din il-gwerra Malta ħadet il-laqam ta’''Nurse of the Mediterranean''. Madwar 30 sptar ġew imwaqqfa f’Malta biex jilqgħu lill-feruti tal-gwerra. Fost dawn l-isptarijiet kien hemm is-Sacra Inferemeria (Dar il-Mediterran), l-isptar ta’ Bighi u dak ta’ St.Andrews.

Dan kollu ġab ħafna xogħol lill-Maltin. Iżda mhux kollox kien ward u żahar. L-Ewwel Gwerra Dinjija ġabet ħafna skarsezzi fost il-Maltin. Għalhekk f’dak iż-żmien kien hawn ħafna għaks u faqar minkejja l-ħafna xogħol. Il-ħobż għola d-doppju. Il-Gvern Ingliż għamel taxxi ġodda minflok id-dazju, li kien naqas minħabba li naqas il-kummerċ. Minflok daħlu taxxi fuq iċ-ċinema u taxxa fuq is-suċċessjoni. Din il-qagħda ħażina wasslet għall-moviment fost il-ħaddiema. Fl-1916 waqfet Union fit-tarzna: Malta Government Workers Union. Wara l-gwerra l-qagħda ħażina kompliet.

7 ta' Ġunju 1919

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi Frar 1919, saret l-ewwel laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali mmexxija minn Filippo Sciberras sabiex ifasslu Kostituzzjoni u jgħadduha lill-Gvern Ingliż biex japprovaha.

Fis-7 ta’ Ġunju 1919 kienet qed issir it-tieni laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali fil-belt Valletta meta folla kbira nġabret il-belt Valletta bħala turija ta’ appoġġ. Il-folla tilfet il-kontroll meta rat li xi ħwienet ħallew il-bandiera Ingliża tittajjar fuq il-bjut. Huma waddbu l-ġebel u attakkaw il-Bibljoteka, l-imħażen ta’ negozjanti tal-qamħ u l-istamperija tal-gazzetta The Daily Malta Chronicle (gazzetta favur l-Ingliżi).

Membri Ingliżi fil-''Union Club'' ipprovokaw lill-Maltin billi waddbu soldi qalb il-folla. Meta l-pulizija Maltija ma setgħetx tikkontrolla l-folla, ssejħu s-suldati Ingliżi li sparaw fuq il-folla.

Hawn inqatlu tliet Maltin, Wenzu Dyer, Ġużeppi Bajada u Manwel Attard.

L-għada l-folla telgħet tpoġġi kuruni fil-post fejn inqatlu l-Maltin. Membri tal-Union Club reġgħu pprovokaw lill-Maltin. Il-folla reġgħet saħnet. Din id-darba ħarġu l-marines u qatlu lil Karmenu Abela.

Manwel Attard kien parrukkier żagħżugħ ta’ 28 sena minn tas-Sliema, intlaqat minn balla ta' azzarin ta' suldat Ingliż f’nofs ġbinu waqt li kien qed jaqsam Strada Forni.

Ġużeppi Bajada minn Għawdex, imgeżwer fil-bandiera Maltija, laqtitu balla f’ġenbu fi sparatura oħra minn suldat ieħor.

Wenzu Dyer, mill-Birgu, bil-bandiera Maltija mdawra m’għonqu u b’kukkarda bajda u ħamra fuq il-berritta seta’ jintgħaraf bla tbatija mis-suldati li sparawlu u wara rawh iserrep sal-Main Guard fejn waqa’ mejjet, faċċata ta’ fejn ftit snin wara kellu jiltaqa’ l-ewwel Parlament Malti fl-1921.

L-għada, inqatel b’daqqa ta’ bajjunetta ġo żaqqu, Karmenu Abela mill-Belt waqt li kien qed jipprova jsejjaħ lil ibnu lura minn mar-rassa li kienet daħlet fil-Palazz ta’ Francia.

Mietu fl-isptar ukoll Ċikku Darmanin u Toni Caruana: il-kont kien ta’ sitta mejtin u madwar ħamsin feruti – li uħud minnhom sabu ruħhom fil-Giovine Malta fejn kienet għaddejja l-laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali.

Effetti tas-Sette Giugno

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kostituzzjoni tal-1921

Wara dan l-avveniment, il-Gvern Ingliż ried jikkalma s-sitwazzjoni. Bagħat Gvernatur ġdid - Lord Plumer - u fl-1921 Malta ngħatat kostituzzjoni ġdida. F’din il-kostituzzjoni l-Maltin kisbu Gvern immexxi mill-Maltin li għall-ewwel darba seta’ jagħmel liġijiet fi ħwejjeġ lokali. Dan jissejjaħ Gvern Responsabbli (responsible self-government). Għall-ewwel darba Malta kellha Prim Ministru u Ministri. L-ewwel Prim Ministru kien Joseph Howard tal-Partit ''Unione Politica Maltese''.

F’din il-kostituzzjoni l-Gvernatur xorta baqa’ fuq il-kostituzzjoni u seta’ jirtiraha meta jħoss il-bżonn. Hekk ġara fl-1933, meta l-Gvern Ingliż ħa l-kostituzzjoni minħabba li ħass li l-PN, li kien fil-Gvern, kien qed jagħmel wisq propoganda favur il-lingwa Taljana. Hekk kif l-Ewropa kienet riesqa lejn it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Italja kienet immexxija minn Mussolini, il-Gvern Ingliż ra li din il-kostituzzjoni kienet tagħti wisq poter lill-Maltin u dan seta’ jkun ta’ periklu għal Malta bħala kolonja Ingliża.