Ġemma Portelli

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ġemma Portelli
Ħajja
Twelid Valletta, 30 Settembru 1932
Nazzjonalità Malta
Mewt Valletta, 22 Frar 2008
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni attur tal-palk

Ġemma Portelli (twieldet fit-30 ta' Settembru 1932 – mietet fil-21 ta' Frar 2008) kienet attriċi Maltija u veterana tal-palk. Hi kienet fost l-iktar figuri deskrittivi tat-teatru Malti.

Ġemma bdiet fix-xandir f'età tenera permezz tar-Rediffusion. Fl-1957, hi ngħaqdet mar-Radju Muskittieri flimkien ma' Charles Clews u Johnny Catania. Fis-sittinijiet waqfet kumpanija flimkien mar-raġel tagħha, bl-isem ta' Blue Birds, biex tipproduċi programm dedikat għat-tfal.

Lejn tmiem is-snin sebgħin, Portelli kienet il-protagonista tas-serje fuq ir-radju "F'Baħar Wieħed" fejn ingħatat il-karattru ta' Ġoma; karattru li taha spinta 'l quddiem fix-xena tad-drama. F'din il-parti naraw lil Ġemma taħdem bħala mara sindikajra iżda fl-istess ħin kienet tħobb tkun ta' ġid lil ħaddieħor għalkemm ma tantx kien jirnexxielha. Fost diversi produzzjonijiet televiżivi, Ġemma tibqa' famuża għas-sensiela ta' programmi umoristiċi taħt it-titlu "Fuq Tlieta toqgħod il-Borma".

Però, il-karattru li baqa' jispikka qalb il-karriera mżewqa ta' Ġemma kienet dik ta' Ġoma fis-sensiela "F'Baħar Wieħed", oriġinarjament prodott minn Television Malta minkejja li f'dawn l-aħħar snin Net TV iddeċidew li jerġgħu jagħmlu s-serje.

Fis-sena 2000 ingħatat il-Midalja ghall-Qadi tar-Repubblika, waqt li fl-2007 ġiet onorata bl-unur ta' Charles Arrigo Lifetime Achievement Award matul il-GO Malta Television Awards. Minkejja n-nuqqas ta' produzzjonijiet f'dawn l-aħħar snin, hi xorta pparteċipat fil-produzzjoni "Ta' Ħorrox Borrox" li kienet l-aħħar sensiela li Ġemma ħadmet.

Il-mewt tagħha ħasdet mhux biss lil dawk li għandhom għal qalbhom it-teatru Malti, iżda wkoll għall-Maltin kollha. Ġemma mietet f'età ta' 75 sena nhar il-Ħamis filgħaxija fit-22 ta' Frar 2008.[1] Il-funeral sar fil-Knisja Parrokkjali tal-Imsida nhar l-24 ta' Frar 2008 fost folla kbira ta' nies li ħanqu l-knisja biex jagħtu l-aħħar tislima lil Ġemma.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Actress Gemma Portelli passes away on Thursday" (bl-Ingliż). MaltaMedia.com. 2008-02-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-02-27. Miġbur 2008-09-22.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]