Aqbeż għall-kontentut

Çatalhöyük

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Çatalhöyük

Çatalhöyük (pronunzja bit-Tork: [tʃaˈtaɫhœjyc]; miktuba wkoll Çatal Höyük u Çatal Hüyük; çatal + höyük bit-Tork tfisser "tumbata mifruqa fi tnejn") kien insedjament ta' protobelt Neolitika u Kalkolitika kbira ħafna fin-Nofsinhar tal-Anatolja, li kien jeżisti għall-ħabta tas-7500 Q.K. sas-6400 Q.K., u li ffjorixxa għall-ħabta tas-7000 Q.K.[1] F'Lulju 2012, is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Çatalhöyük jinsab 'il fuq mill-Pjanura ta' Konya, fix-Xlokk tal-belt ta' Konya (li fil-qedem kienet magħrufa bħala Iconium) fit-Turkija, madwar 140 kilometru mill-vulkan b'żewġ koni ta' Hasan. L-insedjament tal-Lvant jifforma tumbata li x'aktarx li kienet titla' sa 20 metru 'l fuq mill-pjanura fi żmien l-aħħar okkupazzjoni Neolitika. Hemm ukoll tumbata ta' insedjament iżgħar lejn il-Punent kif ukoll insedjament Biżantin ftit mijiet ta' metri iktar lil hinn lejn il-Lvant. It-tumbati tal-insedjamenti preistoriċi ġew abbandunati qabel Żmien il-Bronż. Kanal tax-xmara Çarşamba fl-imgħoddi kien inixxi bejn iż-żewġ tumbati, u l-insedjament kien mibni fuq saff tat-tafal qrib ix-xmara li x'aktarx li kien għammiel ħafna għall-agrikoltura bikrija.

Mudell tal-insedjamenti ta' Çatalhöyük

Is-sit ġie skavat għall-ewwel darba minn James Mellaart fl-1958. Iktar 'il quddiem huwa mexxa tim li kompla jiskava hemmhekk għal erba' staġuni bejn l-1961 u l-1965.[3][4][5][6] Dawn l-iskavi żvelaw din is-sezzjoni tal-Anatolja bħala ċentru ta' kultura avvanzata fin-Neolitiku.[7] L-iskavi żvelaw 18-il saff suċċessiv ta' binjiet li jirrappreżentaw diversi stadji tal-insedjament u eri tal-istorja. Is-saff tal-qiegħ tal-binjiet imur lura saħansitra sas-7100 Q.K. filwaqt li s-saff ta' fuq nett imur lura għall-5600 Q.K.[8]

Mellaart ġie pprojbit milli jerġa' jidħol fit-Turkija wara l-involviment tiegħu fil-kwistjoni ta' Dorak fejn ippubblika tpinġijiet ta' artefatti allegatament importanti ta' Żmien il-Bronż li iktar 'il quddiem għebu.[9] Wara dan l-iskandlu, is-sit baqa' kif kien sal-1993, meta bdew l-investigazzjonijiet taħt it-tmexxija ta' Ian Hodder, li dak iż-żmien kien jaħdem mal-Università ta' Cambridge.[10][11][12][13][14] L-iskavi mmexxija minn Hodder tlestew fl-2018. Hodder, li kien eks student ta' Mellaart, għażel is-sit bħala l-ewwel test "fid-dinja reali" għat-teorija tiegħu tal-arkeoloġija postproċesswali, li dak iż-żmien kienet kontroversjali.[15] Is-sit dejjem kellu enfasi qawwija fuq ir-riċerka bl-involviment ta' metodoloġiji diġitali, immexxija mill-qafas metodoloġiku sperimentali u riflessiv tal-Proġett tar-Riċerka dwar Çatalhöyük ta' Hodder.[16] Skont Mickel, dan il-proġett kien stabbilixxa ruħu bħala sit għal metodoloġiji progressivi, f'termini ta' reġistrazzjoni adattabbli u demokratizzata, l-integrazzjoni ta' teknoloġiji kompjuterizzati, l-istrateġiji tat-teħid tal-kampjuni, u l-involviment tal-komunità".[17]

Skavi ġodda qed jiġu mmexxija minn Ali Umut Türkcan mill-Università ta' Anadolu.

Filmat ta' rikostruzzjoni ta' Çatalhöyük

Çatalhöyük kien magħmul għalkollox minn binjiet domestiċi, bl-ebda binja pubblika apparenti. Filwaqt li wħud mill-binjiet il-kbar għandhom tpittir pjuttost rikk mal-ħitan, l-iskop ta' wħud mill-kmamar għadu mhux ċar.[7]

Ġie stmat li l-popolazzjoni tat-tumbata tal-Lvant kienet ta' madwar 10,000 ruħ, iżda l-popolazzjoni x'aktarx li varjat tul l-istorja tal-komunità. Popolazzjoni medja ta' bejn 5,000 u 7,000 ruħ hija stima raġonevoli. Is-siti kienu stabbiliti bħala għadd kbir ta' binjiet raggruppati flimkien. L-unitajiet domestiċi kienu jduru fuq il-ġirien tagħhom għall-għajnuna, għall-kummerċ u possibbilment għaż-żwieġ ta' uliedhom.[18] L-abitatanti kienu jgħixu ġo djar tal-brikks tat-tajn li kienu miġbura flimkien fi struttura aggregata. Bejn l-abitazzjonijiet raggruppati flimkien bħal f'labirint b'għamla ta' xehda, ma kienx hemm mogħdijiet tal-mixi jew toroq. Il-biċċa l-kbira minnhom kienu jiġu aċċessati minn toqob fis-saqaf u bibien fuq il-ġnub tad-djar, b'bibien li wieħed kien jasal għalihom permezz ta' sellum jew taraġ. Il-bjut effettivament kienu qishom toroq. Il-fetħiet fis-soqfa kienu jservu wkoll bħala l-unika sors ta' ventilazzjoni, u b'hekk id-duħħan tan-nugrufun mill-fuklari, mill-fran u mill-ħuġġiġiet miftuħa tad-djar setgħu joħroġ minnhom. Id-djar kienu miksijin bil-ġibs fuq ġewwa kkaratterizzati minn slielem kwadri tal-injam jew turġien weqfin. Is-soltu dawn kienu jkunu mal-ħajt tan-Nofsinhar tal-kamra, bħalma kienu l-fuklari u l-fran tas-sajran. Il-kmamar prinċipali kien fihom pjattaformi olzati li x'aktarx li kienu jintużaw għal firxa ta' attivitajiet domestiċi. Id-djar tipiċi kellhom żewġt ikmamar għall-attivitajiet ta' kuljum, bħat-tisjir u l-artiġjanat.[18] Il-ħitan u l-pjattaformi kollha fuq ġewwa kienu miksijin bil-ġibs b'wiċċ lixx. Il-kmamar sekondarji kienu jintużaw għall-ħżin, u kienu jiġu aċċessati permezz ta' fetħiet baxxi mill-kmamar prinċipali.[7]

Il-kmamar kollha kienu jinżammu tassew nodfa. L-arkeologi ma identifikaw kważi l-ebda skart fil-binjiet, filwaqt li sabu munzelli ta' skart 'il barra mill-fdalijiet, bi skart tal-ikel u tad-dranaġġ, kif ukoll ammonti sinifikanti ta' rmied minn injam maħruq, qasab u demel tal-annimali.[19] Fil-bnazzi, bosta attivitajiet ta' kuljum setgħu jsiru fuq il-bjut, li setgħu ffurmaw qisha pjazza. Iktar 'il quddiem, milli jidher inbnew fran komunali kbar fuq dawn il-bjut. Maż-żmien, id-djar ġew rinnovati bit-tiġrif parzjali u bil-bini mill-ġdid fuq sisien tal-ġebel, li kien il-mod kif it-tumbata gradwalment għoliet. Ġew żvelati saħansitra tmintax-il livell ta' insedjamenti.[2]

Bħala parti mir-ritwali tagħhom, in-nies ta' Çatalhöyük kienu jidfnu l-mejtin tagħhom fi ħdan il-villaġġ. Instabu fdalijiet umani f'fosos taħt l-art tal-abitazzjonijiet, u speċjalment taħt il-fuklari, il-pjattaformi fi ħdan il-kmamar prinċipali, u taħt is-sodod. Il-katavri kienu jiġu mpoġġija f'pożizzjoni fetali qabel id-dfin u spiss kienu jitqiegħdu fi qfief jew jitkebbu f'biċċiet tal-qasab. Xi għadam diżartikolat li nstab f'xi oqbra jissuġġerixxi li l-katavri jaf kienu ġew esposti fil-beraħ għal xi żmien qabel ma l-għadam kien jerġa' jinġabar u jindifen. F'xi każijiet, l-oqbra kienu jiġu disturbati, u l-kranju tal-mejjet kien jitneħħa mill-bqija tal-iskeletru. Dawn l-irjus jaf kienu jintużaw f'xi ritwali, peress li wħud instabu f'żoni oħra tal-komunità. F'qabar ta' mara nstabu spirali tal-insiġ u f'qabar ta' raġel instabu mnanar tal-ġebel. Xi kranji nksew bil-ġibs u ġew impittrin bl-okra biex jerġa' jitpinġa l-wiċċ, drawwa li kienet iktar karatteristika tas-siti Neolitiċi fis-Sirja u f'Ġeriko Neolitika iktar milli fis-siti iktar fil-qrib.[18]

Ħitan impittrin u figurini nstabu mal-insedjament kollu, mal-ħitan fuq ġewwa kif ukoll fuq barra. Figurini distintivi tat-tafal ta' nisa, b'mod partikolari tal-Mara Bilqiegħda ta' Çatalhöyük, instabu fis-saffi ta' fuq tas-sit.[20] Għalkemm ma nstab l-ebda tempju identifikabbli, l-oqbra, il-ħitan impittrin, u l-figurini jissuġġerixxu li n-nies ta' Çatalhöyük kellhom reliġjon rikka bis-simboli. Il-kmamar b'konċentrazzjonijiet ta' dawn l-oġġetti setgħu kienu santwarji jew żoni pubbliċi fejn in-nies kienu jiltaqgħu. Immaġnijiet predominanti jinkludu rġiel b'pene erett, xeni tal-kaċċa, immaġnijiet ħomor ta' bhejjem li issa huma estinti (bhejjem tal-ifrat selvaġġi) u ta' ċrievi maskili bir-renni, kif ukoll ta' avvultuni jittajru fuq figuri bla ras. Fuq il-ħitan hemm ukoll riljievi mnaqqxin, bħal pereżempju ta' ljuni femminili jħarsu lejn xulxin.[7]

L-irjus tal-annimali, speċjalment tal-bhejjem tal-ifrat, kienu jitpoġġew fuq il-ħitan. Pittura tal-villaġġ, b'żewġ qċaċet tal-muntanja Hasan fl-isfond[21], spiss titqies bħala l-iżjed mappa antika fid-dinja, u l-ewwel pittura ta' pajsaġġ.[22] Madankollu, xi arkeologi jiddubitaw din l-interpretazzjoni. Stephanie Meece, pereżempju, targumenta li x'aktarx din il-pittura hija iktar pittura tal-pil ta' leopard milli ta' vulkan, jew disinn ġeometriku dekorattiv iktar milli mappa.[23]

Pittura preistorika li issa tinstab fil-Mużew taċ-Ċivilizzazzjonijiet tal-Anatolja f'Ankara

Karatteristika li tispikka f'Çatalhöyük huma l-figurini femmininili tiegħu. Mellaart, l-iskavatur oriġinali, kien tal-fehma li dawn kienu figurini ffurmati sew u magħmula bir-reqqa, imnaqqxa u mogħtija l-forma mill-irħam, mill-ġebla tal-ġir kaħlanija u kannella, mill-iskist, mill-kalċit, mill-bażalt, mill-alabastru, u mit-tafal, li kienu jirrappreżentaw divinità femminili. Għalkemm divinità maskili kienet teżisti wkoll, "l-istatwi ta' divinità femminili jisbqu bil-bosta dawk ta' divinità maskili, li barra minn hekk, ma baqax jiġi rrappreżentat iktar wara s-Saff VI".[24] Sa llum il-ġurnata, ġew identifikati tmintax-il saff. Dawn il-figurini mirquma b'mod artistiku nstabu primarjament f'żoni li skont Mellaart kienu santwarji. L-alla femminili bilqiegħda fuq tron u maġenbha żewġ iljuni femminili nstabet f'kontenitur tal-qmuħ, li Mellaart jissuġġerixxi li seta' kien mezz li bih jiġi żgurat il-ħsad jew tiġi protetta l-provvista tal-ikel.[25]

Filwaqt li Mellaart skava kważi mitejn binja f'erba' staġuni, l-iskavatur attwali, Ian Hodder, qatta' staġun sħiħ jiskava binja waħda.[26] Hodder u t-tim tiegħu, fl-2004 u fl-2005, bdew jaħsbu li x-xejriet issuġġeriti minn Mellaart kienu żbaljati. Instabet statwetta waħda simili, iżda l-maġġoranza l-kbira ma kinux jimitaw l-istil l-alla femminili tal-fertilità li Mellaart kien issuġġerixxa. Minflok il-kultura ta' alla femminili tal-fertilità, Hodder jisħaq li s-sit jagħti ftit indikazzjoni ta' matrijarkija jew patrijarkija.[27]

"Hemm isdra sħaħ li fuqhom iserrħu l-idejn, u ż-żaqq hija estiża fil-parti ċentrali. Hemm toqba fil-parti ta' fuq għar-ras li hija nieqsa. Malli wieħed idawwar il-figurina jinduna li d-dirgħajn huma rqaq ħafna, u mbagħad fuq in-naħa ta' wara tal-figurina wieħed jara x-xbieha ta' skeletru jew l-għadam ta' bniedem irqiq ħafna u magħdur. Il-kustilji u l-irkiekel tas-sinsla huma ċari, l-istess bħall-iskapuli u l-għadmiet pelviċi prinċipali. Il-figurina tista' tiġi interpretata b'diversi modi – bħala mara li qed tittrasforma ruħha f'antenat, bħala mara assoċjata mal-mewt, jew bħall-mewt u l-ħajja f'daqqa. Huwa possibbli li l-linja madwar il-ġisem jirrappreżentaw it-tqartis minflok il-kustilji. Hi x'inhi l-interpretazzjoni speċifika, din hija opra unika li jaf tobbligana nibdlu l-fehmiet tagħha fir-rigward tas-soċjetà u tal-immaġnijiet ta' Çatalhöyük. Forsi l-importanza tal-immaġnijiet femminili kienet marbuta ma' xi rwol speċjali tal-mara b'rabta mal-mewt bl-istess mod bħar-rwoli tagħha ta' omm u ta' indukratur".[28]

F'artiklu fit-Turkish Daily News, Hodder ġie rrapportat li jiċħad li Çatalhöyük kien soċjetà matrijarkali u jiġi kkwotat li stqarr "Meta nħarsu lejn x'kienu jieklu u jixorbu u lejn l-istatwi soċjali tagħhom, naraw li l-irġiel u n-nisa kellhom l-istess status soċjali. Kien hemm bilanċ tal-poter. Eżempju ieħor huma l-kranji li nstabu. Li kieku wieħed mill-ġeneri kellu status soċjali ta' importanza kbira f'Çatalhöyük, il-ġisem u r-ras ta' wieħed minnhom kien jiġi sseparat iktar wara l-mewt. Mentri l-għadd ta' kranji tan-nisa u tal-irġiel huwa kważi ndaqs".[29] F'artiklu ieħor fil-Hurriyet Daily News, Hodder ġie rrapportat li qal "Sirna nafu li l-irġiel u n-nisa kienu meqjusa ndaqs".[30] F'rapport ta' Settembru 2009 dwar l-iskoperta ta' madwar 2,000 figurina, Hodder ġie kkwotat li qal:

Çatalhöyük ġie skavat fis-snin 60 tas-seklu 20 b'mod metodiku, iżda ma ntużatx il-medda sħiħa ta' tekniki tax-xjenza naturali disponibbli għalina llum il-ġurnata. Sir James Mellaart li skava s-sit fis-snin 60 tas-seklu 20 ħareġ b'kull xorta ta' ideat dwar il-mod kif kien organizzat is-sit u kif kienu jgħixu fih, eċċ. ... Issa bdejna naħdmu fis-sit minn nofs is-snin 90 tas-seklu 20 u ħriġna b'ideat differenti ferm dwar is-sit. Wieħed mill-iktar eżempji ovvji hu li Çatalhöyük x'aktarx huwa magħruf l-iktar għall-idea tal-alla femminili tal-fertilità. Iżda mix-xogħol tagħna iktar reċenti x-xejra kienet li fil-fatt ma tantx hemm wisq evidenza ta' din l-alla femminili tal-fertilità u ma tantx hemm evidenza ta' xi forma ta' matrijarkija bbażata fuq in-nisa. Dan huwa biss wieħed mill-bosta miti li l-ħidma xjentifika moderna qed timmina.[31]

L-alla femminili bilqiegħda b'żewġ iljuni femminili maġenbha

Il-Professur Lynn Meskell spjega li filwaqt li fl-iskavi oriġinali kienu nstabu 200 figurin biss, l-iskavi l-ġodda żvelaw 2,000 figurin u l-biċċa l-kbir minnhom kienu annimali, u inqas minn 5 % minnhom kienu figurini nisa.[31]

Il-folklorist Estonjan Uku Masing issuġġerixxa saħansitra fl-1976, li Çatalhöyük x'aktarx kien parti minn reliġjon ta' ġabra tal-kaċċaturi u li l-figurin tal-alla femminili tal-fertilità ma kienx jirrappreżenta divinità femminili. Huwa implika li x'aktarx kien meħtieġ iktar żmien biex jiġu żviluppati s-simboli għar-riti agrikoli.[32] It-teorija tiegħu ġiet żviluppata fis-saġġ Xi rimarki dwar il-mitoloġija tal-poplu ta' Catal Hüyük.[33]

Çatalhöyük għandu evidenza qawwija ta' soċjetà egalitarja, peress li s'issa ma nstabet l-ebda dar b'karatteristiċi distintivi (pereżempju ta' xi ġerarkija rjali jew reliġjuża). L-iżjed investigazzjonijiet reċenti jiżvelaw ukoll ftit distinzjoni soċjali abbażi tal-ġeneru, u l-irġiel u n-nisa kienu jingħataw nutrizzjoni ndaqs u kellhom l-istess status soċjali, xi ħaġa tipika tal-kulturi Paleolitiċi.[34][35] It-tfal kienu josservaw iż-żoni domestiċi. Kienu jitgħallmu kif iwettqu r-ritwali u kif jibnu jew isewwu d-djar billi joqogħdu jaraw lill-adulti jagħmlu l-istatwi, iż-żibeġ u oġġetti oħra. Il-konfigurazzjoni tal-ispazju ta' Çatalhöyük jaf hija dovuta għar-relazzjonijiet mill-qrib li kellhom in-nies dak iż-żmien bejn il-membri tal-istess familja jew nisel. Mill-konfigurazzjoni tal-insedjament, wieħed jista' josserva kif in-nies kienu "maqsuma f'żewġ gruppi li kienu jgħixu fuq naħat opposti tal-insedjament, isseparati minn gandott jew foss". Barra minn hekk, minħabba li ma nstab l-ebda insedjament ieħor fil-qrib ma' min setgħu jitħalltu u jiżżewġu n-nies ta' Çatalhöyük, "din is-separazzjoni spazjali x'aktarx li kienet tirrappreżenta żewġ gruppi tal-istess nisel li kienu jiżżewġu ma' xulxin". Dan kieku jgħin biex jiġi spjegat kif insedjament daqstant bikri seta' jsir tant kbir.[36]

Waħda mit-tined protettivi tas-sit ta' Çatalhöyük

Fil-livelli ta' fuq tas-sit, huwa ċar li n-nies ta' Çatalhöyük kulma jmur kienu qed jiksbu ħiliet fl-agrikoltura u fl-immansar tal-annimali. Instabu figurini femminili f'kontenituri li kienu jintużaw għall-ħżin taċ-ċereali, bħall-qamħirrum u x-xgħir, u huwa maħsub li l-figurini huma ta' divinità li kienet tħares il-qmuħ. Kienu jitkabbru wkoll il-piżelli, u l-lewż, il-pistaċċi u l-frott kienu jinħasdu mis-siġar fl-għoljiet tal-madwar. In-nagħaġ ġie ddomestikat u l-evidenza tissuġġerixxi li bdiet ukoll id-domestikazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat. Madankollu, il-kaċċa kompliet tkun sors ewlieni ta' ikel għall-komunità. Il-bċejjeċ tal-fuħħar u l-għodod tal-ossidjana kienu industriji ewlenin; l-għodod tal-ossidjana x'aktarx li kienu jintużaw u kienu jiġu skambjati ma' oġġetti bħall-qxur tal-Baħar Mediterran u ż-żnied mis-Sirja. Hemm evidenza wkoll li l-insedjament kien wieħed mill-ewwel postijiet fid-dinja fejn kienu jsiru l-estrazzjoni u t-tidwib tal-metall fil-forma ta' ċomb. Hu u jinnota n-nuqqas ta' ġerarkija u inugwaljanza ekonomika, l-istoriku u l-awtur antikapitalist Murray Bookchin argumenta li Çatalhöyük kien eżempju bikri ta' anarko-komuniżmu.[37]

Min-naħa l-oħra, saġġ tal-2014 jargumenta li Çatalhöyük huwa iktar kumpless u li filwaqt li milli jidher kien hemm distribuzzjoni egalitarja ta' għodod tat-tisjir u xi għodod tal-ġebel, l-imtieħen tal-idejn tal-ġebel għat-tħin tal-qamħ unbroken u l-unitajiet tal-ħżin kienu distribwiti b'mod inqas ugwali, u dan jindika li kien hemm xi forma ta' inugwaljanza soċjali. Il-proprjetà privata kienet teżisti iżda kienu jeżistu wkoll l-għodod kondiviżi. Ġie ssuġġerit ukoll li Çatalhöyük bil-mod il-mod kien qed isir inqas egalitarju, b'trażmissjoni ikbar ta' ġid ġenerazzjonali, iżda jaf kien hemm xi sforzi biex dan ma jibqax ikun il-każ.[38]

  1. Renfrew, Colin. "Inception of agriculture and rearing in the Middle East". Comptes Rendus Palevol. CLIMATS-CULTURES-SOCIETES aux temps préhistoriques, de l'apparition des Hominidés jusqu'au Néolothique (bl-Ingliż). 5 (1): 395–404.
  2. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Neolithic Site of Çatalhöyük". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-29.
  3. J. Mellaart, Excavations at Çatal Hüyük, first preliminary report: 1961. Anatolian Studies, vol. 12, pp. 41–65, 1962.
  4. J. Mellaart, Excavations at Çatal Hüyük, second preliminary report: 1962. Anatolian Studies, vol. 13, pp. 43–103, 1963.
  5. J. Mellaart, Excavations at Çatal Hüyük, third preliminary report: 1963. Anatolian Studies, vol. 14, pp. 39–119, 1964.
  6. J. Mellaart, Excavations at Çatal Hüyük, fourth preliminary report: at 1965. Anatolian Studies, vol. 16, pp. 15–191, 1966.
  7. 1 2 3 4 Kleiner, Fred S.; Mamiya, Christin J. (2006). Gardner's Art Through the Ages: The Western Perspective: Volume 1 (Twelfth ed.). Belmont, California: Wadsworth Publishing. pp. 12–4. ISBN 978-0-495-00479-0.
  8. Orton, David; Anvari, Jana; Gibson, Catriona; Last, Jonathan; Bogaard, Amy (2018). "A tale of two tells: dating the Çatalhöyük West Mound". Antiquity (bl-Ingliż). 92 (363): 620–639.
  9. Kenneth Pearson and Patricia Connor, The Dorak affair, New York, Atheneum, 1968.
  10. Kenneth Pearson and Patricia Connor, The Dorak affair, New York, Atheneum, 1968.
  11. I. Hodder, Getting to the Bottom of Thing: Çatalhöyük 1999, Anatolian Archaeology, vol. 5, pp. 4–7, 1999.
  12. I. Hodder, Getting to the Bottom of Thing: Çatalhöyük 1999, Anatolian Archaeology, vol. 5, pp. 4–7, 1999.
  13. I. Hodder, A New Phase of Excavation at Çatalhöyük, Anatolian Archaeology, vol. 9, pp. 9–11, 2003.
  14. "Çatalhöyük: Excavations of a Neolithic Anatolian Höyük – Çatalhöyük Archive Report 2008" (PDF).
  15. "Analog to Digital: Transitions in Theory and Practice in Archaeological Photography at Çatalhöyük" (PDF).
  16. Taylor, James; University; Issavi, Justine; Berggren, Åsa; Lukas, Dominik; Mazzucato, Camilla; Tung, Burcu; Dell'Unto, Nicoló (2018). "'The Rise of the Machine': the impact of digital tablet recording in the field at Çatalhöyük". Internet Archaeology (47).
  17. Taylor, James; University; Issavi, Justine; Berggren, Åsa; Lukas, Dominik; Mazzucato, Camilla; Tung, Burcu; Dell'Unto, Nicoló (2018). "'The Rise of the Machine': the impact of digital tablet recording in the field at Çatalhöyük". Internet Archaeology (47).
  18. 1 2 3 Maynes, Mary Jo; Waltner, Ann (2012). The Family: A World History. New York City: Oxford University Press. ISBN 978-0-19-530476-3.
  19. Shillito, Lisa-Marie; Matthews, Wendy; Almond, Matthew; Bull, Ian D. (2011). "The microstratigraphy of middens: capturing daily routine in rubbish at Neolithic Çatalhöyük, Turkey". Antiquity. 85 (329): 1024–1038.
  20. Newitz, Annalee (2016-09-16). "Incredible discovery of intact female figurine from neolithic era in Turkey". Ars Technica (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-29.
  21. "Noah Wiener (1 November 2013). "Çatalhöyük mural". Bible History Daily. Biblical Archaeology Society". web.archive.org. 2013-11-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-11-05. Miġbur 2022-03-29.
  22. "Les tendances sociétés". Cartographic images (bil-Franċiż). Miġbur 2022-03-29.
  23. Meece, Stephanie (2006). "A bird's eye view - of a leopard's spots. The Çatalhöyük 'map' and the development of cartographic representation in prehistory" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  24. Mellaart, James (1967). Catal Huyuk: A Neolithic Town in Anatolia. McGraw-Hill. p. 181.
  25. Mellaart (1967), 180.
  26. Balter, Michael (2005). The Goddess and the Bull. New York: Free Press. p. 127. ISBN 978-0-7432-4360-5.
  27. "Çatalhöyük 2005 Archive Report - Introduction". www.catalhoyuk.com. Miġbur 2022-03-29.
  28. "Çatalhöyük 2005 Archive Report - Introduction". www.catalhoyuk.com. Miġbur 2022-03-29.
  29. Hodder, Ian (l-1 ta' Jannar 2008). "A Journey to 9000 years ago".
  30. "Çatalhöyük excavations reveal gender equality in ancient settled life". Hürriyet Daily News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-29.
  31. 1 2 O'brien, Jeremy. "New techniques undermine 'mother goddess' role in ancient community". The Irish Times (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-29.
  32. Masing, Uku (2011). Aarded Tellistes. Tartu, Estonia: Ilmamaa. pp. 209–227. ISBN 978-9985-77-351-2.
  33. Oriental Studies 3. Acta et Commentationes Universitatis Tartuensis 392 / Tartu Riikliku Ülikooli Toimetised 392. Tartu 1976, 75–92.
  34. Leften Stavros Stavrianos (1991). A Global History from Prehistory to the Present. New Jersey, USA: Prentice Hall. ISBN 978-0-13-357005-2. pp. 9-13.
  35. R Dale Gutrie (2005). The Nature of Paleolithic art. Chicago: University of Chicago Press. ISBN 978-0-226-31126-5. pp. 420-422.
  36. Maynes, Mary Jo; Waltner, Ann (2012). The Family: A World History. New York City: Oxford University Press. p. 8. ISBN 978-0-19-530476-3.
  37. Bookchin, Murray. The Rise of Urbanisation and Decline of Citizenship. pp. 18–22.
  38. Wright, Katherine I. Karen. "Domestication and inequality? Households, corporate groups and food processing tools at Neolithic Çatalhöyük." Journal of Anthropological Archaeology 33 (2014): 1–33.