Sofonisba Anguissola

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Awtoritratt, 1556, Mużew Lancut, il-Polonja

Sofonisba Anguissola (miktuba wkoll bħala Anguisciola; Cremona, c.1532Palermo, 16 ta' Novembru 1625) kienet pittriċi Taljana tar-Rinaxximent. Kienet waħda mill-ftit artisti nisa magħrufa ta' dak iż-żmien, grupp li fih insibu 'l oħtha Lucia Anguissola, u 'l Marietta Robusti, Lavinia Fontana, u Diana Scultori Ghisi.

Il-familja Anguissola[editja]

Ritratt tal-familja, Minerva, Amilcare u Asdrubale Anguissola, 1557

Sofonisba Anguissola twieldet Cremona, fil-Lombardija madwar l-1532, il-kbira fost seba' wlied, li sitta minnhom kienu bniet. Missierha, Amilcare Anguissola, kien membru tan-nobbiltà minuri ta' Ġenova. Omm Sofonisba, Bianca Ponzone, kienet ġejja minn familja għanja ta' razza nobbli.

Għal erba' ġenerazzjonijiet, il-familja Anguissola kellhom rabta qawwija mal-istorja Kartaġiniża u għalhekk l-ewwel tifla tagħhom semmewha għal figura traġika Kartaġiniża Sofonisba.

Amilcare Anguissola is-sitt uliedu bniet (Sofonisba, Elena, Lucia, Europa, Minerva and Anna Maria) ħajjarhom irawmu u jipperfezzjonaw it-talenti tagħhom. Erbgħa minnhom (Elena, Lucia, Europa and Anna Maria) saru pittriċi, imma Sofonisba kienet ħafna ìżjed tas-sengħa u magħrufa. Elena daħlet soru (Sofonisba pinġiet ritratt tagħha) u għalhekk kellha tħalli l-pittura. Anna Maria u Europa t-tnejn waqfu jpinġu meta żżewġu, waqt li Lucia Anguissola, l-aħjar pittriċi minn ħut Sofonisba mietet żgħira. Oħta l-oħra Minerva, saret kittieba u studjuża tal-Latin. Asdrubale, ħu Sofonisba, studja l-mużika u l-Latin imma ma studjax il-pittura.

Missierha, bniedem aristokratiku, żgura li Sofonisba u ħuta l-bniet jirċievu edukazzjoni kompluta li inkludiet il-belle arti. Anguissola kellha erbatax-il sena meta missierha bagħatha ma' oħta Elena tistudja ma' Bernardino Campi, pittur irrispettat ta' ritratti u opri reliġjużi tal-iskola tal-Lombardija, li bħalha kien minn Cremona. Meta Campi mar joqgħod belt oħra kompliet tistudja mal-pittur Bernardino Gatti (magħruf bħala "Il Sojaro"). L-apprentistat ta' Sofonisba ma' pitturi lokali waqqaf preċedent għan-nisa li jiġi aċċettati bħala studenti tal-arti[1] [2].

Ix-xogħol bikri l-iżjed importanti ta' Sofonisba hu Bernardino Campi jpinġi 'l Sofonisba Anguissola (c 1550 Pinacoteca Nazionale, Sjena). Ir-ritratt doppju juri l-għalliem tagħha waqt li jpinġi ritratt tagħha.

Id-dati m'humiex ċerti, Anguissola x'aktarx kompliet l-istudji tagħha taħt Gatti għal xi tliet snin (1551-1553).

Lucia, Minerva u Europa Anguissola jilgħabu l-iskakki, 1555. Mużew Navrodwe, Poznan, il-Polonja

Fl-1554, fl-età ta' erbgħa u għoxrin sena, Sofonisba marret Ruma, fejn għaddiet il-ħin kollu tagħha tpinġi kull xorta ta' xeni u nies. Waqt li kienet hemm iltaqgħet ma' Michelangelo bl-għajnuna ta' pittur ieħor li kien jaf sewwa ix-xogħol tagħha. Li tiltaqa' ma' Michelangelo kien unur kbir għal Sofonisba minn barra li kellha x-xorti li titħarreġ b'mod informali minn dan l-artista kbir.

Meta talabha tpinġilu tifel jibki, Sofonisba pinġiet 'Tifel migdum minn granċ' u bagħtet id-disinn lil Michelangelo, li minnufih għaraf it-talent tagħha (dan l-iskizz kellu jibqa' jiġi diskuss u kkupjat għal ħamsin sena wara mill-artisti u n-nobbiltà).

Michelangelo wara ta 'l Anguissola xi skizzi tiegħu biex tpinġihom fl-istil tagħha u offrielha parir fuq li kienet għamlet. Għal mill-inqas sentejn Sofonisba kompliet dan l-istudju informali, immexxija minn Michelangelo.

Il-kbir storiku tal-arti Giorgio Vasari kiteb hekk dwar Sofonisba: Anguissola wriet applikazzjoni ikbar u iżjed grazzja minn kull mara oħra ta' żmienna fl-isforzi tagħha fit-tpinġija, hekk irnexxiet mhux biss li tpinġi, tiżbogħ u tpitter min-natura, u tikkopja b'mod eċċellenti minn oħrajn, imma li waħida toħloq pitturi rari u verament sbieħ.

L-esperjenzi ta' pittriċi[editja]

Bernardino Campi jpinġi 'l Sofonisba Anguissola, c. tard fl-1550ijiet

Minkejja li Sofonisba gawdiet ħafna iżjed inkuraġġament u appoġġ minn nisa ordinarji ta' żmienha, madankollu l-klassi soċjali tagħha xorta ma ppermettilitiex li taħrab il-kostrizzjoniet tas-sess tagħha. Mingħajr il-possibbiltà li tistudja l-anatomija jew tpinġi mill-ħajja (ma kienx aċcettabbli li mara tara nies għarwenin), ma setgħetx tieħu f'idejha il-kompożizzjonijiet komplessi b'ħafna figuri meħtieġa għal pitturi reliġjużi jew storiċi fuq skala kbira. Minflok fittxet l-possibbiltà ta' stil ġdid għar-ritratti, fejn is-suġġetti jippożaw b'manjieri informali. Hi nfisha u l-membri tal-familja tagħha kienu s-suġġetti li pinġiet l-iżjed sikwit, kif naraw fl-Awtoritratt (1554, Kunsthistoriches Museum, Vjenna), Il-logħba tal-iskakki (1555, Mużew Narowe, Poznan), li juri 'l tliet ħuta bniet Lucia, Minerva u Europa, u Ritratt ta' Amilcare, Minerva u Asdrubale Anguissola (c. 1557-1558, Nivaagaards Malerisambling, Niva, Danemarka).

Fil-Qorti Spanjola[editja]

Meta kienet diġà magħrufa sewwa, Anguissola marret Milan xi żmien matul l-1558, fejn pinġiet id-Duka ta' Alba li hu mbagħad irrakkomandaha lir-re Spanjol, Filippu II. Is-sena ta' wara, Sofonisba ġiet mistiedna tagħmel parti mill-Qorti Spanjola, u dan ġab bidla importanti fil-karriera tagħha.

Ritratt tar-Reġina Eliżabetta ta' Spanja b' zibellino.
Ritratt fil-Prado ta' Filippu II li kien maħsub li tpinġa minn Coello imma issa rikonoxxut bħala x-xogħol ta' Anguissola

Sofonisba Anguissola kellha madwar 27 sena meta ħalliet l-Italja biex tidħol fil-Qorti Spanjola. Fix-xitwa tal-1559-1560 waslet Madrid biex isservi bħala pittriċi tal-qorti u dama għar-reġina l-ġdida, Eliżabetta ta' Valois, it-tielet mara ta' Filippu II, li kienet pittriċi tar-ritratti dilettanta hi stess. Sofonisba kienet impjegata l-iktar biex tgħallem lir-reġina, xogħol li għamlet b'suċċess konsiderevoli, skont kortiġjan Franċiz li kiteb hekk lil Katerina de' Medici, omm Eliżabetta[3]:

Tal-għaġeb kemm, wara li tgħallmet ftit minn waħda mid-dami Taljani tagħha li taha r-re, ġiet il-quddiem fil-pittura.

Sofonisba malajr kisbet il-qima u l-fiduċja tar-Reġina żagħżuha u għaddiet is-snin ta' wara tpinġi ħafna ritratti uffiċjali għall-qorti, fosthom ta' Juana, oħt Filippu II u ta' ibnu, Don Carlos.

Dan ix-xogħol kien ħafna iżjed eżiġenti mir-ritratti informali li Anguissola kienet ibbażat il-fama tagħha fuqhom, billi biex tpinġi d-disinji intrikati tad-drapijiet fini u l-ġojjellerija elaborata meħtieġa fir-ritratti ta' persunaġġi rjali, kien jiħdilha ammont tal-biżgħa ta' żmien u enerġija. Madankollu minkejja l-isfida, ir-ritratti li pinġiet Sofonisba ta' Eliżabetta ta' Valois (u iktar tard, ta' Anna tal-Awstrija, ir-raba' mara ta' Filippu II) huma vibranti u mimlijin ħajja.

Waqt li kienet fis-servizz ta' Eliżabetta ta' Valois, Anguissola kienet taħdem fil-qrib ma' Alonso Sanchez Coello. Tant fil-qrib infatti, li l-pittura famuża tar-re Filippu II fl-età tan-nofs kien għal żmien twil attribwit lil Coello jew Pantoja. Kien biss dan l-aħħar li Anguissola intgħarfet bħala l-ħallieqa ta' din il-pittura[4].

Ħajja privata[editja]

Awtoritratt, 1554

Fl-1570, Anguissola kellha 38 u kienet għadha ma żżewġitx. Wara l-mewt ta' Eliżabetta ta' Valois, Filippu II beda jieħu ħsieb iżjed il-futur ta' Sofonisba u rranġalha biex tiżżewweġ. Madwar l-1571, iżżewġet lil Don Francisco de Moncada, bin il-prinċep ta' Paterno, viċire ta' Sqallija. It-tieġ kien iċcelebrat b'pompa kbira, u rċiviet dota minn għand ir-re ta' Spanja. Wara t-tieġ il-koppja vvjaġġaw biex iżuru l-familja tagħha, kif ukoll l-artijiet ta' żewġha fl-Italja imma fl-aħħar marru lura lejn Spanja. Wara 18-il sena fil-qorti Spanjola, Sofonisba u żewġha fl-aħħar telqu minn Spanja bil-permess tar-re matul l-1578. Marru Palermo fejn żewġ Sofonisba miet fl-1579.

Fl-età ta' 47 sena, hija u sejra d-dar f'Cremona, Sofonisba iltagħet ma' Orazio Lomellino, li kien iżgħar minnha sewwa, il-kaptan tal-vapur li kienet qegħda tivvjaġġa fuqu. Iżżewġu ftit wara f'Jannar tal-1580, fil-belt ta' Pisa.

Orazio għaraf it-talent tagħha u appoġġaha fix-xogħol artistiku tagħha u kellhom żwieġ twil u hieni. Marru joqgħod Genova, fejn il-familja ta' żewġha kienu jgħixu f'dar kbira. Lil Anguissola tawha kwartier fid-dar għaliha li kien fih studju u kellha ħafna ħin għall-pittura.

Tard fil-ħajja[editja]

Bil-fortuna ta' Orazio flimkien mal-pensjoni ġeneruża li rċeviet minn Filippu II, Sofonisba kellha ħajja komda u setgħet tpinġi bla xkiel. Issa li kienet saret famuża, kienu jiġu ħafna kollegi jżuruha biex jiddiskutu l-arti magħha. Bosta minn dawn kienu pitturi żagħżagħ li xtaqu jitgħallmu u jimitaw l-istil karatteristiku ta' Anguissola.

Tard f'ħajjitha, Anguissola ma pinġietx ritratti biss imma wkoll pitturi reliġjużi, kif kienet tagħmel f'żogħżitha, (sfortunatament, ħafna mill-pitturi reliġjużi tagħha ntilfu). Kienet ir-ritrattista prinċipali ta' Ġenova sakemm marret toqgħod Palermo fl-aħħar ta' ħajjitha. Pinġiet l-aħħar awtoritratt fl-1620.

Fl-1623, lil Anguissola żarha il-pittur Fjamming Anton Van Dyck, li kien pinġiha bosta drabi kmieni fis-1600ijiet, u fl-album li kien iżomm kellu skizzi minn kull darba li żarha. Anton Van Dyck innota li għalkemm għajnejn Sofonisba kienu iddgħajfu, moħħha kien għadu tajjeb. Għadhom jeżistu estratti tal-pariri li tagħtu fuq il-pittura waqt din iż-żjara li matulha Van Dyck pinġiha għal darba oħra; dan kien l-aħħar ritratt ta' Sofonisba. Is-sena ta' wara marret toqgħod Sqallija.

Kontra li sostnew xi bijografi, qatt ma għamit għal kollox, imma forsi kellha l-katarretti. Meta l-vista tagħha marret lura, Sofonisba saret patruna għanja tal-arti. Mietet ta' 93 sena, f'Palermo fl-1625. Matul ħajjitha kollha kienet dejjem irrispettata u kellha fama internazzjonali.

Seba' snin wara, fl-għeluq il-mitt sena tagħha kieku baqgħet ħajja, żewġha qiegħed iskrizzjoni fuq qabarha li parti minnha kienet tgħid hekk:

Lil Sofonisba, marti ... li hi mniżżla fost in-nisa illustri tad-dinja, eċċezzjonali fit-tpinġija tar-ritratti tal-bnedmin ... Orazio Lomellino, fin-niket tat-telf tal-maħbuba kbira tiegħu, fl-1632, iddedika dan l-omaġġ żgħir lil din il-mara tant kbira.

Stil[editja]

Sofonisba Anguissola, Awtoritratt, 1610.

L-influwenza ta' Campi, li r-reputazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq ir-ritratti, tidher ċara fix-xogħol bikri ta' Sofonisba, bħal fl-Awtoritratt (Firenze, Uffizi). Xogħlha hu assoċjat mat-tradizzjoni modana ta' Cremona, influwenzata ħafna mill-arti ta' Parma u Mantova, li anki fix-xogħlijiet reliġjużi hi permeata b'delikatezza u grazzja kbira. Minn Gatti tidher li assorbiet elementi li jfakkru f'Correggio, u bdiet moda li saret iżjed aċċentwata fil-pittura ta' Cremona tal-aħħar tas-seklu 16. Din id-direzzjoni ġdida narawha f' Lucia, Minerva u Europa Anguissola jilgħabu l-iskakki (1555; Poznan, Muż. N.) fejn l-arti tar-ritratti titħallat f'xena kważi-ġeneru, karatteristika tal-mudelli minn Brescia.

Il-parti l-kbira tax-xogħol bikri ta' Anguissola jikkonsisti f'awtoritratti (l-għadd ta' awtoritratti juri l-fatt li minħabba l-fama tagħha dawn kienu sikwit mitluba) u ritratti tal-familja tagħha. Barra minn hekk, ma kellhiex bżonn li dejjem toqgħod fuq il-pittura għall-għajxien tagħha. L-awtoritratti u r-ritratti tal-familja huma meqjusa minn ħafna nies bħala l-isbaħ xogħlijiet tagħha.

Xi 50 pittura huma magħrufa bħala żgur minn idejn Sofonisba. Ix-xogħlijiet tagħha nistgħu narawhom fil-galleriji tal-arti f'Bergamo, Budapest, Madrid (Museo del Prado), Napli, Sjena, u Firenze (Uffizi).

Sinjifikat storiku[editja]

Il-ħidma ta' Sofonisba Anguissola kellha influwenza li damet fuq il-ġenerazzjonijet ta' artistiti ta' wara. Ir-ritratt li pinġiet tar-Reġina Eliżabetta ta' Valois biż-zibellino (il-pil ta' marta b'ras u saqajn tad-deheb imżejjen bil-ġojjelli) kien ir-ritratt l-iżjed ikkupjat fi Spanja. Fost dawk li kkupjawh kien hemm bosta mill-aħjar artisti ta' dak iż-żmien, bħal Peter Paul Rubens.

Sofonisba hi importanti wkoll għall-istoriċi tal-arti feministi. Minkejja li qatt ma kien hemm perjodu fl-istorja tal-punent li matulu in-nisa ma dehru xejn fl-arti viżwali, is-suċċess kbir ta' Anguissola fetaħ il-bieb biex għadd ikbar ta' nisa jsegwu karriera ta' artisti. Fost is-suċċessuri famużi tal-eżempju tagħha insibu 'l Lavinia Fontana, Barbara Longhi, Fede Galizia u Artemisia Gentileschi.

Sophonisba darba qalet, "Il-ħajja mimlija sorpriżi, jien nipprova naqbad dawn il-mumenti prezzjużi b'għajneja miftuħin beraq."

Referenzi[editja]

  1. ^ Greer Germaine, The Obstacle Race: The Fortunes of Women Painters and Their Work (It-tellieqa bl-ostakli: X'ġara mill-pittriċi u xogħlhom), Farrar, New York, 1978
  2. ^ Glenn Sharlee Mullins, Sofonisba Anguissola: History's Forgotten Prodigy, (Sofonisba Anguissola: Il-prodiġja minsija mill-istorja), Women's Studies, Vol 18, Ħarġa 2/3, p. 296, 1990
  3. ^ Campbell, Lorne, Renaissance Portraits, European Portrait-Painting in the 14th, 15th and 16th Centuries, (Ritratti tar-Rinaxximent, Il-Pittura Ewropea tar-Ritratti fis-sekli 14, 15 u 16) p. 151, 1990, Yale, ISBN 0-300-04675-8
  4. ^ Museo del Prado, Catálogo de las pinturas, (Mużew tal-Prado, Katalgu tal-Pitturi), 1996, p.7 , Ministerio de Educación y Cultura, Madrid, ISBN 84-87317-53-7

Bibljografija[editja]

  • Ilya Sandra Perlingieri, Sofonisba Anguissola, Rizzoli International, 1992 ISBN 0-8478-1544-7
  • Chadwick, Whitney, Women, Art, and Society, (In-nisa, l-arti u-soċjetà), Thames and Hudson, Londra, 1990 ISBN 0-500-20354-7
  • Harris, Anne Sutherland and Linda Nochlin, Women Artists: 1550-1950, (Artisti nisa: 1550-1950), Los Angeles County Museum of Art, Knopf, New York, 1976 ISBN 0-394-41169-2
  • Sylvia Ferino-Pagden, Maria Kusche, Sofonisba Anguissola: A Renaissance Woman, (Sofonisba Anguissola: Mara tar-Rinaxximent), National Museum of Women in the Arts, 1995 ISBN 0-940979-31-4
  • Pizzagalli, Daniela La signora della pittura : vita di Sofonisba Anguissola, gentildonna e artista nel Rinascimento, Milan 2003 ISBN 88-17-99509-6
  • Sofonisba Anguissola e le sue sorelle, (Sofonisba Anguissola u ż-żewġ ħuta), katalgu tal-wirja ta' M. Gregori, Ruma 1994.
  • Orietta Pinessi, Sofonisba Anguissola, Edizzjoni SELENE 2008.
  • Sofonisba Anguissola Moncada Lomellini [fi:] "Carlo Dolci e il Cristo Ecce Homo", (Carlo Dolci u l-Kristu Ecce Homo) ta' Alberto Macchi, prefazju ta' Maurizio Marini, Colosseo Editore, Ruma 2006.
  • Slatkin, Wendy, Women Artists in History From Antiquity to the Present, (Artisti nisa fl-istorja mill-qedem għal llum). Ir-raba' edizzjoni (New Jersey: Prentice Hall, 2001)

Ħoloq esterni[editja]