Marietta Robusti

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Marietta Robusti (kultant imsejħa la Tintoretta), minn publikazzjoni Franċiża tal-1745

Marietta Robusti (1560? – 1590) kienet pittriċi Venezjana tar-Renaxximent. Kienet waħda mill-ftit artisti nisa magħrufa ta' dak iż-żmien, grupp li fih insibu 'l Sofonisba Anguissola, Lucia Anguissola, Lavinia Fontana, u Diana Scultori Ghisi.

Bijografija[editja]

L-uniku sors primarju magħruf li jagħti xi dettalji fuq il-ħajja ta' Marietta Robusti hu l-ktieb ta' Carlo Ridolfi, Il-ħajja ta' Tintoretto, ippublikat għall-ewwel darba fl-1642, għalkemm kienet diġà msemmija daqsxejn fix-xogħol ta' Raffaelo Borghini Il Riposo della Pitura e della Scultura tal-1584[1]. Dawn iż-żewġ sorsi ma jaqblux fuq is-sena ta' twelidha: skont Borghini, twieldet fl-1555[2], waqt li Carlo Ridolfi jgħid li twieldet fl-1560[3].

Marietta twieldet u għexet Venezja, l-ikbar mill-ulied tal-pittur Jacopo Robusti, li mingħandu wirtet il-laqam la Tintoretta (li tfisser tinturiera ċkejkna minħabba missier Jocopo li kien tintore jew tinturier). Għalhekk hi magħrufa bl-ismijiet Marietta Robusti, Marietta Tintoretto, jew la Tintoretta.

Billi d-drawwiet ta' dak iż-żmien kienu jeħtieġu li l-mara tibqa' dejjem ġo darha u ma jkollhiex x'taqsam mal-bejgħ u l-produzzjoni tal-arti fil-publiku, Marietta u l-kontemporanji tagħha nisa ma setgħux jidħlu fid-dinja tal-arti ħlief permezz ta' missirijiethom u ħuthom[4].

Marietta tħarġet bħala artista fl-ambjent kollaborattiv tal-ħanut tax-xogħol ta' missierha, fejn x'aktarx kienet tgħin fil-pitturi tiegħu billi tpinġi l-isfondi u tlesti l-kontorn tal-figuri skont ma' kien jinqasam ix-xogħol is-soltu fil-ħwienet tal-pittura ta' dak iż-zmien[5]. Sa fejn nafu aħna, mix-xhieda li għandna, Marietta qatt ma kellha ordnijiet għal xogħol reliġjuż importanti bħal titulari tal-artali u tiżjin ieħor għal knejjes, u li kienet primarjament ritrattista[6].

Carlo Ridolfi iddeskriva fit-tul ir-relazzjoni intima li kellha ma' missierha Jacopo. Meta kienet tifla mhux biss kienet tkun miegħu fil-ħanut tax-xogħol, imma kienet tilbes ta' tifel biex tmur kullimkien miegħu. L-Imperatur Massimiljanu u r-re Filippu II ta' Spanja it-tnejn urew interess biex jimpjegawha bħala pittriċi tal-qorti, imma missierha ċaħad din l-istedina f'isimha għax ma felaħx iħalliha titilqu. Fl-1578 irranġalha biex tiżżewweġ ġojjellier Venezjan, Mario Augusta, biex jiżgura li tibqa' qribu. Jacopo ħa ħsieb li Marietta titgħallem tkanta u ddoqq il-klaviċimbalu, il-klavikordu u l-ljutu.

Mietet fl-1590 ma nafux biex, u ndifnet f'Santa Maria dell’Orto, Venezja.

Attribuzzjoni u Valutazzjoni[editja]

Forsi Awtoritrat, Mużew tal-Prado
Sinjura Venezjana, Mużew tal-Prado

L-unika pittura li żgurament nistgħu nattribwuha lil Marietta Robusti hi l-Awtoritratt tagħha (c. 1580; Gallerija tal-Uffizi, Firenze). Dan ir-ritratt juri l-Marietta quddiem klaviċimbalu, iżomm test mużikali li ġie identifikat bħala l-madrigal ta' Philippe Verdelot, "Madonna per voi ardo". Hemm minn hu tal-fehma li dan it-test, li jiftaħ bil-kliem "Sinjura tiegħi, ninħaraq bl-imħabba għalik u int ma temminix", jissuġġerixxi li l-pittura nħolqot għal raġel, aktarx żewġ Marietta Robusti[7].

Fost l-attribuzzjoniet hemm ukoll: Raġel Xiħ u Tifel (c. 1585; Kunsthistorisches Museum, Vjenna); Ritratt ta' Ottavio Strada (c. 1567-68; Stedelijk Museum, Amsterdam); u żewġ pitturi żgħar tal-Madonna bil-Bambin (id-dati mhux magħrufin, Cleveland Museum of Art, Ohio). Jaħsbu li r-Ritratt ta' Żewġt Irġiel (Gemäldegalerie Alte Meister, Dresden), iffirmat "MR", hu l-uniku xogħol iffirmat ta' Marietta Robusti li baqa'[6].

Xogħlijiet[editja]

  • Awtoritratt (1580, Uffizi, Firenze)
  • Ritratt ta' mara (Uffizi, Firenze)
  • Sinjura Venezjana (Mużew tal-Prado, Madrid)
  • Sinjura Venezjana (Mużew tal-Prado, Madrid)
  • Sinjura Venezjana Awtorittrat? (Mużew tal-Prado, Madrid)
  • Sant'Anjeże (1578-79, Santa Maria dell'Orto, Venezja), xogħol iffirmat minn Jacopo Tintoretto, però bl-indħil ċar ta' id oħra, x'aktarx bintu Marietta.
  • Ritratt ta' Ottavio Strada (1567-68, Stedelijkmuseum, Amsterdam)
  • Ritratt ta' Żewġt Irġiel (Gemaldegälerie, Dresden), iffirmata ‹MR
  • Ritratt ta' mara bħala Flora (Gemaldegälerie, Wiesbaden), dubjuż
  • Raġel Xiħ u Tifel (1585, Kunsthistorisches Museum, Vjenna)

Referenzi[editja]

Ritratt ta' Ottavio Strada
  1. ^ Eric Newton, Tintoretto. (Londra: Longmans, Green and Co., 1952), 62.
  2. ^ Ibid.
  3. ^ Carlo Ridolfi, Il-ħajja ta' Tintoretto traduzzjoni għall-Ingliż ta' Catherine u Robert Enggass (University Park, PA: Pennsylvania State University Press, 1984), 99
  4. ^ H.T. Niceley, A Door Ajar: The Professional Position of Women Artists (Bieb imbexxaq: Il-pożizzjoni professjonali tal-artisti nisa), Art Education 45, nru. 2 (Marzu, 1992): 6-13
  5. ^ Newton, Tintoretto, 66
  6. ^ a b Grove Art Online, s.v. Marietta Robusti [1]
  7. ^ Katherine A. McIver, Lavinia Fontana's 'Self-Portrait Making Music' , (L-awtoritratt ta' Lavinia Fontana qiegħda ddoqq), Women's Art Journal 19, nru. 1 (Rebbiegħa-Sajf 1998): 3-8

Ħoloq esterni[editja]

  • [2] Marietta Robusti fl-Artcyclopedia
  • [3] Bijografíja de Marietta Robusti f' Artnet
  • [4] Awtoriratt fuq Scholars Resource
  • [5] Ritratt ta' Ottavio Strada f' Web Gallery of Art