Melchiorre Gafà

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Melchiorre Gafà (Jannar 1636 – 4 ta’ Settembru 1667), f’Malta magħruf ukoll bħala Gafa, Gaffar or Gafar u fl-Italja bħala Cafà u Caffà,[1] kien skultur Malti li fil-ħajja qasira tiegħu sar famuż Ruma għax-xogħol tiegħu fl-istil Barokk.

Melchiorre Gafà: Apoteożi ta’ Santa Katerina, Ruma, Knisja ta’ Santa Katerina minn Siena, Magnanapoli, Ritratt L. Sapiano

Bijografija[editja]

Twieled il-Birgu, Malta, lil Marco Gafà u Veronica, mwielda Spiteri, id-disa' tifel fost għaxart ulied. Tgħammed fit-21 ta' Jannar, 1636 u ngħata l-isem Marcello għal ħuh li twieled fl-1634 u kien miet. Jidher li ma damx ma beda jissejjaħ Melchiorre. Fl-1658 kien baqa' biss ħamsa ħajjin mill-ulied: Giuseppe, Grazio, Gio-Maria, Lorenzo u Melchiorre.

Ma tantx nafu fuq il-ħajja ta’ Gafà. Dan li ġej hu bbażat fuq il-ktieb editjat minn K. Sciberras [2]

Marco Gafà mar joqgħod il-Birgu fl-1610 u żżewweġ fl-1616. Ma nafux x'sengħa kellu imma kien jissejjaħ Maestro; skond Sciberras aktarx kien skarpan.

Hemm storja mhux konfermata (f'traskrizzjoni tas-seklu 19 ta' manuskritt mitluf miktub mill-kapuċċin Patri Pelaġju) li tgħid li ta' xi għaxar snin Gafà kien lavrant mal-iskultur Dozzinale, il-Birgu. Meta kavalier Spanjol talab lil Dozzinale biex jagħmillu xi statwi għall-villa tiegħu f'Casal Paola u dan m'aċċettax, il-kavalier offra x-xogħol lit-tifel Gafà. Tant għoġbu x-xogħol li ħa t-tifel taħt il-protezzjoni tiegħu.

Jidher li meta kellu xi sittax-il sena kien lavrant mal-iskulturi Casanova, fosthom Michele, Antonio u Damiano. Dawn kienu jaħdmu fil-ġebla franka u kellhom ħanut il-Birgu. Gafà (Marcello Gaffar) kien imdaħħal magħhom fix-xogħol fil-Cappella Torres fil-Kattedral ta’ Siracusa fi Sqallija li għalih skolpixxa figuri ta’ putti u rjus ta’ serafini fuq kolonni.

Ma nafux żgur kif Gafà ħalla Malta għal Ruma u min għenu biex jitlaq. Nistgħu nissusspettaw xi patrunaġġ mill-Kavalieri, ekkleżjatiċi jew nobbli Taljani li kienu Malta. L-iskultur żagħżugħ kien ingħata parir għaqli għax daħal fil bottega tal-iskultur stabbilit, Ercole Ferrata (Pellio Intelvi, 1610 – Ruma, 1686) mill-ewwel meta wasal Ruma. Però, kif jgħid Sciberras, x’aktarx ma’ kienx hemm appoġġ uffiċjali mill-Kavalieri għax meta ġie kkunsidrat għall-ewwel darba għax-xogħol f’San Ġwann, l-ambaxxatur tagħhom f’Ruma sejjaħlu ‚"un certo Maltese" u żgur li ma kienx jgħid hekk kieku kienu jafuh sewwa. Hemm suġġeriment li kellu l-għajnuna ta’ Fabio Chigi, li sar Papa Alessandru VII, li kien delegat Apostoliku bejn l-1634 u l-1639 u kien joqgħod il-Birgu. Suġġeriment ieħor hu li kien megħjun mill-kavalier Fra Giovanni Bichi, li kien dam joqgħod Malta imma dak iż-żmien kien ilu ftit joqgħod Ruma. M’hemm l-ebda konferma għal dawn is-suġġerimenti.

Meta daħal fil-bottega ta’ Ferrata, l-ewwel xogħlijiet tiegħu kienu statwi għal knejjes fil-belt, Valletta: Il-Madonna tar-Rużarju għal knisja tad-Dumnikani (din waslet Malta f’Mejju tal-1661) u San Pawl għall-knisja tan-Nawfraġju ta’ San Pawl (din kienet ordnata mill-familja Testaferrata u mogħtija lill-knisja qabel 1694). It-tnejn jidhru li kienu influwenzati mill-istil tal-iskultur Bolonjiż Alessandro Algardi.

L-ewwel kummissjoni indipendenti importanti tiegħu kienet fl-1660 għall-knisja prestiġjuża ta’ Sant'Agnese in Angone, f’Piazza Navona. Din kienet għat-titular skolpit tal-altar ta’ Sant'Ewstakju u ordnah Camillo Pamphili. Kif jidher mill-abbozzi Gafà ħadem ħafna fuq il-preparazzjoni għal dan ix-xogħol. Pamphili tant għoġbuh dawn il-buzzetti li fl-1663 tah kummissjoni oħra biex jagħmel statwa li tirrapreżenta l-Karità ta’ San Tumas għall-kappella tal-familja tiegħu fil-knisja ta’ Santu Wistin, ukoll f’Piazza Navona. Pamphili tant kien impressjonat bil-mudell ta’ San Tumas li ordna inċiżjoni li saret minn Pietro del Po.

Sadattant l-istil ta’ Gafà żviluppa u tbiegħed minn Algardi u resaq iżjed lejn Bernini mingħajr ma waqa’ taħt il-ħakma tiegħu. Minkejja s-suċċess tiegħu, Gafà baqa’ jaħdem fl-istudju ta’ Ferrata u bejn l-1663 u l-1667, hu u Ferrata kienu joqgħodu fl-istess dar. Però jidher li Gafà kellu grupp jaħdem miegħu. Per eżempju, fl-1664 l-iskultur Sqalli Pietro Papaleo kien student tiegħu u l-pittur Michelangelo Mamilla kien jogħqod miegħu.

Il-fama ta’ Gafà baqgħet tikber u allavolja kien għadu ma lesta xejn biex jidher fil-publiku, fl-1662 daħħluh fl-Akademja ta’ San Luqa u fis-Sodalizio dei Virtuosi al Pantheon. Fl-istess sena kellu ordni għal titular skolpit jirrapreżenta l-Apoteożi ta’ Santa Katerina ta’ Siena għall-knisja tad-Dumnikani ta’ Santa Caterina a Magnapoli.

Fl-istess żmien, Gafà, li kellu konnessjoni qawwija mal-ordni tad-Dumnikani (forsi minħabba li ħuh Giuseppe kien Dumnikan), kiseb ordni għal statwa ta’ Santa Roża ta’ Lima biex tintuża fiċ-ċeremonji tal-beatifikazzjoni u wara titieħed fil-knisja ta’ San Domingo, f’Lima, il-Peru. Ir-rappreżentazzjoni tal-qaddisa qiegħda tmut, li kienet influwenzata minn Bernini u influwenzat 'l Bernini, kienet suċċess u saru ħafna kopji tagħha fil-metal. Id-data fuq l-istatwa hi 1665.

Dik is-sena, waqt li Gafà kien qiegħed jaħdem fuq erba’ kummissjonijiet monumentali, ikkuntattjawh il-Kavalieri ta’ Malta. Sa dak iż-żmien kellu xogħol biż-żejjed u pożizzjoni stabilita biż-żejjed li seta’ jgħid ‘l Gran Mastru Cottoner biex jistenna sa meta jmissu. Wara xi tħassib Gafà accetta x-xogħol u mar Malta biex jiftiehem fuq il-grupp tal-Magħmudija ta’ San Ġwann għall-knisja konventwali fil-belt Valletta.

Gafà kien Malta minn Jannar sa Mejju tal-1666 u kellu miegħu il-pittur Marullo ( li waqt li kien Malta pinġa t-titular f’kappella fil-knisja ta’ San Pawl tar-Rabat) u tifel ta’ 13-il sena Antonio Garsin. Matul dan iż-żmien għamel abbozzi għal San Ġwann u kiseb ordnijiet oħra: reredos għall-kappella ta’ Franza f’San Ġwann u ieħor għall-Knisja tal-Erwieħ, il-belt Valletta, statwa ta’ San Pawl għall-grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat u lampier-relikwarju għall-knisja ta’ San Pawl.

Sa nofs l-1667 Santa Roża kienet lesta. Jidher li Ġafà kellu xi interess fil-proġett għall-kolonata tal-Vatikan. Ħadem ukoll fuq bust tal-papa Alessandru VII u kellu kummissjoni għal statwa kbira ta’ Alessandru III għad-Duomo ta’ Siena. Kien wieħed mill-iżjed skulturi mfittxa f’Ruma, imma miet f’daqqa fl-4 ta’ Settembu 1667. Indiefen fil-knisja ta’ San Biagio della Pagnotta f’Ruma.

Ħafna mill-ordnijiet tlestew minn Ferrata. Kien hemm litigazzjoni bejn l-eredi u l-klijenti ta’ Gafà, l-familja Pamphili, li damet sentejn. L-Ordni ta’ San Ġwann indaħlet ukoll. Xi affarijiet ta’ Ġafà, fosthom xi abbozzi ntbagħtu ‘l familja tiegħu Malta.

L-uniku ritratt tiegħu hu tpinġija li qiegħda Stokkolma. Leone Pascoli [3] jiddiskrivieh bħala raġel qasir, ismar, irqieq, imħasseb u buruż. Kellu ġbin żgħir, għajnejn suwed fil-ħofra u xagħar qasir iswed bin-nokkli żgħar.

Xogħlijiet[editja]

Kellu ħafna kummissjonijiet fil-ħajja qasira tiegħu imma laħaq lesta ftit xogħlijiet importanti minn dawn:

  • Statwa ta’ San Pawl fil-knisja tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fil-belt Valletta (ċa. 1659).
  • Statwa tal-Madonna tar-Rużarju fil-Knisja tad-Dumnikani, ir-Rabat, Malta (1660-61).
  • Statwa tal-irħam ta’ Santa Roża ta’ Lima fl-agunija tal-mewt (iffirmata bid-data 1665; Lima, Santo Domingo) kienet iċ-ċentru fiċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tal-qaddisa fl-1668 f’Santa Maria sopra Minerva, Ruma u mibgħuta l- Peru immedjatament wara ċ-ċerimonji.
  • Ir-reliev fl-irħam abjad tal- Apoteożi ta’ Santa Katarina ta’ Siena fil-knisja ta’ Santa Caterina a Magnanapoli, Ruma. M’hemmx data għal din l-opra imma hu ġeneralment aċċettat li lestiha hu stess fl-1667 jew qabel.
  • Bust tal-papa Alessandru VII: Hemm verżjoni tat-terracotta f’Palazzo Chigi f’Ariccia. Fil-Metropolitan Museum, New York hemm verżjoni tal-bronż iffirmata (bid-data 1667) (ritratt hawn) u hemm bronż ieħor fid-Duomo ta’ Siena.

Hemm numru ta’ statwi tat-terracotta fil-Mużew Èrmitaž f’San Pietruburgu (ara hawn), ir-Russja, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-belt Valletta, fil-Museo di Palazzo Venezia, Ruma u f’Palazzo Braschi, Museo di Roma.

Xogħlijiet mhux spiċċati li komplihom Ercole Ferrata, p. eż.:

  • Il-Martirju ta’ Sant’Ewstakju fil-knisja ta’ Sant'Agnese in Agone, Ruma (1660-69).
  • San Tumas ta’ Villanova jqassam il-Karità fil-knisja ta’ Sant'Agostino, Ruma (1663-69). L-abbozz tat-terracotta qiegħed fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-belt Valletta.
  • Statwa tal-irħam tal-Papa Alessandru III fid-Duomo ta’ Siena (1665/66).
  • Statwa tal-irħam ta’ San Pawl fil-grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat, Malta (1666-69).

Noti[editja]

  1. ^ Fuq l-iskulturi tiegħu hu kiem jiffirma Cafà
  2. ^ Melchiorre Cafà. Maltese Genius of the Roman Baroque, Midsea Books, Valletta 2006 ISBN:978-99932-7-092-X, 978-99932-7-097-O
  3. ^ Le Vite de’ Pittori, Scultori ed Architetti moderni, vol. I, Ruma, 1730

Bibljografija[editja]

  • Sante Guido, Giuseppe Mantella, Melchiorre Cafà insigne modellatore. La Natività, l'Adorazione dei pastori e altre opere in cera, Soveria Mannelli (CZ) 2010. (bit-Taljan)
  • Keith Sciberras (Ed.), Melchiorre Cafà. Maltese Genius of the Roman Baroque, Midsea Books, Valletta 2006 ISBN:978-99932-7-092-X, 978-99932-7-097-O (bl-Ingliż u t-Taljan). Revista tal-ktieb fil-ġurnal vigilo (31), p.48. (bl-Ingliż)
  • Gerhard Bissell, f’ Allgemeines Künstlerlexikon, vol. 15, 1997, pp. 493-495 (bil-Ġermaniż)
  • Rudolf Preimesberger, fid-Dizionario Biografico degli Italiani, vol. 16, 1973, pp. 230-235 (bit-Taljan)

Ħoloq Esterni[editja]