Aqbeż għall-kontentut

Melchiorre Gafà

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Melchiorre Gafà
Ħajja
Twelid Birgu, 21 Jannar 1636
Nazzjonalità Malta
Mewt Ruma, 4 Settembru 1667
Familja
Aħwa
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni skultur
Moviment Barokk

Melchiorre Gafà (Jannar 1636 – 4 ta' Settembru 1667), f'Malta magħruf ukoll bħala Gafa, Gaffar or Gafar u fl-Italja bħala Cafà u Caffà,[1] kien skultur Malti li fil-ħajja qasira tiegħu sar famuż f'Ruma għax-xogħol tiegħu fl-istil Barokk.

Melchiorre Gafà: Apoteożi ta' Santa Katerina, Ruma, il-Knisja ta' Santa Katerina ta' Siena, Magnanapoli, Ritratt L. Sapiano

Twieled il-Birgu, Malta, bin Marco Gafà u Veronica, imwielda Spiteri, u kien id-disa' tifel fost għaxar ulied. Tgħammed fil-21 ta' Jannar 1636 u ngħata l-isem Marcello għal ħuh li twieled fl-1634 u kien miet. Milli jidher ma damx ma beda jissejjaħ Melchiorre. Fl-1658 kien baqa' biss ħamsa ħajjin mill-ulied: Giuseppe, Grazio, Gio-Maria, Lorenzo u Melchiorre.

Ma tantx nafu fuq il-ħajja ta' Gafà. Dan li ġej hu bbażat fuq il-ktieb editjat minn K. Sciberras.[2]

Marco Gafà mar joqgħod il-Birgu fl-1610 u żżewweġ fl-1616. Ma nafux x'sengħa kellu imma kien jissejjaħ Maestro; skont Sciberras aktarx kien skarpan.

Hemm storja mhux konfermata (f'traskrizzjoni tas-seklu 19 ta' manuskritt mitluf miktub mill-kapuċċin Patri Pelaġju) li tgħid li ta' xi għaxar snin, Gafà kien lavrant mal-iskultur Dozzinale, il-Birgu. Meta kavallier Spanjol talab lil Dozzinale biex jagħmillu xi statwi għall-villa tiegħu f'Casal Paola u dan ma aċċettax, il-kavallier offra x-xogħol lit-tifel Gafà. Tant għoġbu x-xogħol li ħa t-tifel taħt il-protezzjoni tiegħu.

Milli jidher meta kellu xi sittax-il sena kien lavrant mal-iskulturi Casanova, fosthom Michele, Antonio u Damiano. Dawn kienu jaħdmu fil-ġebla tal-franka u kellhom ħanut il-Birgu. Gafà (Marcello Gaffar) kien imdaħħal magħhom fix-xogħol fil-Kappella Torres fil-Katidral ta' Siracusa fi Sqallija li għalih skolpixxa figuri ta' putti u rjus ta' serafini fuq kolonni.

Ma nafux żgur kif Gafà ħalla Malta għal Ruma u min għenu biex jitlaq. Nistgħu nissuspettaw xi patrunaġġ mill-Kavallieri, ekkleżjatiċi jew nobbli Taljani li kienu Malta. L-iskultur żagħżugħ kien ingħata parir għaqli għax daħal fil-bottega tal-iskultur stabbilit Ercole Ferrata (Pellio Intelvi, 1610 – Ruma, 1686) mill-ewwel meta wasal Ruma. Però, skont Sciberras, x'aktarx ma kienx hemm appoġġ uffiċjali mill-Kavallieri għax meta ġie kkunsidrat għall-ewwel darba għax-xogħol fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann, l-ambaxxatur tagħhom f'Ruma sejjaħlu "un certo Maltese" u żgur li ma kienx jgħid hekk kieku kienu jafuh sewwa. Hemm suġġeriment li kellu l-għajnuna ta' Fabio Chigi, li sar Papa Alessandru VII, li kien delegat Apostoliku bejn l-1634 u l-1639 u kien joqgħod il-Birgu. Suġġeriment ieħor hu li kien megħjun mill-kavallier Fra Giovanni Bichi, li kien dam joqgħod Malta imma dak iż-żmien kien ilu ftit joqgħod Ruma. M'hemm l-ebda konferma għal dawn is-suġġerimenti.

Meta daħal fil-bottega ta' Ferrata, l-ewwel xogħlijiet tiegħu kienu statwi għal knejjes fil-Belt Valletta: il-Madonna tar-Rużarju għall-Knisja tad-Dumnikani (din waslet Malta f'Mejju tal-1661) u San Pawl għall-Knisja tan-Nawfraġju ta' San Pawl (din kienet ordnata mill-familja Testaferrata u mogħtija lill-knisja qabel l-1694). It-tnejn jidher li kienu influwenzati mill-istil tal-iskultur Bolonjiż Alessandro Algardi.

L-ewwel kummissjoni indipendenti importanti tiegħu kienet fl-1660 għall-Knisja prestiġjuża ta' Sant'Agnese in Angone, fi Pjazza Navona. Din kienet għat-titular skolpit tal-altar ta' Sant'Ewstakju u ordnah Camillo Pamphili. Kif jidher mill-abbozzi, Gafà ħadem ħafna fuq il-preparazzjoni għal dan ix-xogħol. Pamphili tant għoġbuh dawn il-buzzetti li fl-1663 tah kummissjoni oħra biex jagħmel statwa li tirrapreżenta l-Karità ta' San Tumas għall-kappella tal-familja tiegħu fil-Knisja ta' Santu Wistin, ukoll fi Pjazza Navona. Pamphili tant kien impressjonat bil-mudell ta' San Tumas li ordna inċiżjoni li saret minn Pietro del Po.

Sadattant l-istil ta' Gafà żviluppa u tbiegħed minn Algardi u resaq iżjed lejn Bernini mingħajr ma waqa' taħt il-ħakma tiegħu. Minkejja s-suċċess tiegħu, Gafà baqa' jaħdem fl-istudju ta' Ferrata u bejn l-1663 u l-1667, hu u Ferrata kienu joqogħdu fl-istess dar. Però jidher li Gafà kellu grupp jaħdem miegħu. Pereżempju, fl-1664 l-iskultur Sqalli Pietro Papaleo kien student tiegħu u l-pittur Michelangelo Mamilla kien jogħqod miegħu.

Il-fama ta' Gafà baqgħet tikber u allavolja kien għadu ma lesta xejn biex jidher fil-pubbliku, fl-1662 daħħluh fl-Akkademja ta' San Luqa u fis-Sodalizio dei Virtuosi al Pantheon. Fl-istess sena kellu ordni għal titular skolpit jirrappreżenta l-Apoteożi ta' Santa Katerina ta' Siena għall-Knisja tad-Dumnikani ta' Santa Caterina a Magnapoli.

Fl-istess żmien, Gafà, li kellu konnessjoni qawwija mal-ordni tad-Dumnikani (forsi minħabba li ħuh Giuseppe kien Dumnikan), kiseb ordni għal statwa ta' Santa Roża ta' Lima biex tintuża fiċ-ċerimonji tal-beatifikazzjoni u wara tittieħed fil-Knisja ta' San Domingo, f'Lima, il-Perù. Ir-rappreżentazzjoni tal-qaddisa qiegħda tmut, li kienet influwenzata minn Bernini u influwenzat lil Bernini, kienet suċċess u saru ħafna kopji tagħha bil-metall. Id-data fuq l-istatwa hi l-1665.

Dik is-sena, waqt li Gafà kien qiegħed jaħdem fuq erba' kummissjonijiet monumentali, ikkuntattjawh il-Kavallieri ta' Malta. Sa dak iż-żmien kellu xogħol biżżejjed u pożizzjoni stabbilita biżżejjed li seta' jgħid lil Gran Mastru Cottoner biex jistenna sa meta jmissu. Wara xi tħassib, Gafà accetta x-xogħol u mar Malta biex jiftiehem fuq il-grupp tal-Magħmudija ta' San Ġwann għall-knisja konventwali fil-Belt Valletta.

Gafà kien Malta minn Jannar sa Mejju 1666 u kellu miegħu lill-pittur Marullo (li waqt li kien Malta pinġa t-titular f'kappella fil-Knisja ta' San Pawl tar-Rabat) u tifel ta' 13-il sena, Antonio Garsin. Matul dan iż-żmien għamel abbozzi għal San Ġwann u kiseb ordnijiet oħra: reredos għall-kappella ta' Franza fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann u ieħor għall-Knisja tal-Erwieħ fil-Belt Valletta, statwa ta' San Pawl għall-Grotta ta' San Pawl, ir-Rabat, u lampier-relikwarju għall-Knisja ta' San Pawl.

Sa nofs l-1667 Santa Roża kienet lesta. Jidher li Ġafà kellu xi interess fil-proġett għall-kolonnata tal-Vatikan. Ħadem ukoll fuq bust tal-Papa Alessandru VII u kellu kummissjoni għal statwa kbira ta' Alessandru III għall-Katidral ta' Siena. Kien wieħed mill-iżjed skulturi mfittxija f'Ruma, imma miet f'daqqa fl-4 ta' Settembu 1667. Indifen fil-Knisja ta' San Biagio della Pagnotta f'Ruma.

Ħafna mill-ordnijiet tlestew minn Ferrata. Kien hemm litigazzjoni bejn l-eredi u l-klijenti ta' Gafà, l-familja Pamphili, li damet għaddejja sentejn. L-Ordni ta' San Ġwann indaħlet ukoll. Xi affarijiet ta' Ġafà, fosthom xi abbozzi ntbagħtu lill-familja tiegħu f'Malta.

L-uniku ritratt tiegħu hu tpinġija li qiegħda Stokkolma. Leone Pascoli[3] jiddiskrivih bħala raġel qasir, ismar, irqiq, imħasseb u buruż. Kellu xbin żgħir, għajnejn suwed fil-ħofra u xagħar qasir iswed bin-nokkli żgħar.

Kellu ħafna kummissjonijiet fil-ħajja qasira tiegħu imma laħaq lesta ftit xogħlijiet importanti minn dawn:

  • Statwa ta' San Pawl fil-Knisja tan-Nawfraġju ta' San Pawl fil-Belt Valletta (għall-ħabta tal-1659).
  • Statwa tal-Madonna tar-Rużarju fil-Knisja tad-Dumnikani, ir-Rabat, Malta (1660-61).
  • Statwa tal-irħam ta' Santa Roża ta' Lima fl-agunija tal-mewt (iffirmata bid-data tal-1665; Lima, Santo Domingo) kienet iċ-ċentru fiċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tal-qaddisa fl-1668 f'Santa Maria sopra Minerva, Ruma u mibgħuta l-Perù immedjatament wara ċ-ċerimonji.
  • Ir-riliev fl-irħam abjad tal-Apoteożi ta' Santa Katarina ta' Siena fil-Knisja ta' Santa Caterina a Magnanapoli, Ruma. M'hemmx data għal din l-opra imma hu ġeneralment aċċettat li lestiha hu stess fl-1667 jew qabel.
  • Bust tal-Papa Alessandru VII: hemm verżjoni tat-terrakotta f'Palazzo Chigi f'Ariccia. Fil-Metropolitan Museum fil-Belt ta' New York, hemm verżjoni tal-bronż iffirmata (bid-data tal-1667) (ritratt hawn) u hemm bronż ieħor fil-Katidral ta' Siena.

Hemm numru ta' statwi tat-terrakotta fil-Mużew tal-Hermitage f'San Pietruburgu (ara hawn), ir-Russja, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti fil-Belt Valletta, fil-Museo di Palazzo Venezia, f'Ruma u f'Palazzo Braschi, Museo di Roma.

Fost ix-xogħlijiet mhux kompluti li komplihom Ercole Ferrata, hemm pereżempju:

  • Il-Martirju ta' Sant'Ewstakju fil-Knisja ta' Sant'Agnese in Agone, Ruma (1660-69).
  • San Tumas ta' Villanova jqassam il-Karità fil-knisja ta' Sant'Agostino, Ruma (1663-69). L-abbozz tat-terrakotta qiegħed fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt Valletta.
  • Statwa tal-irħam tal-Papa Alessandru III fil-Katidral ta' Siena (1665/66).
  • Statwa tal-irħam ta' San Pawl fil-Grotta ta' San Pawl, ir-Rabat, Malta (1666-69).
  1. ^ Fuq l-iskulturi tiegħu hu kiem jiffirma Cafà
  2. ^ Melchiorre Cafà. Maltese Genius of the Roman Baroque, Midsea Books, Valletta 2006 ISBN:978-99932-7-092-X, 978-99932-7-097-O
  3. ^ Le Vite de’ Pittori, Scultori ed Architetti moderni, vol. I, Ruma, 1730

Bibljografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Sante Guido, Giuseppe Mantella, Melchiorre Cafà insigne modellatore. La Natività, l'Adorazione dei pastori e altre opere in cera, Soveria Mannelli (CZ) 2010. (bit-Taljan)
  • Keith Sciberras (Ed.), Melchiorre Cafà. Maltese Genius of the Roman Baroque, Midsea Books, Valletta 2006 ISBN:978-99932-7-092-X, 978-99932-7-097-O (bl-Ingliż u t-Taljan). Rivista tal-ktieb fil-ġurnal Vigilo (31), p. 48. (bl-Ingliż)
  • Gerhard Bissell, f'Allgemeines Künstlerlexikon, vol. 15, 1997, pp. 493-495 (bil-Ġermaniż)
  • Rudolf Preimesberger, fid-Dizionario Biografico degli Italiani, vol. 16, 1973, pp. 230-235 (bit-Taljan).

Ħoloq Esterni

[immodifika | immodifika s-sors]