Maja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Il-Maja kien poplu Indjan-Amerikan li żviluppa ċiviltà meraviljuża fl-Amerika Ċentrali u fin-nofsinhar tal-Messiku. Iċ-ċiviltà tal-Maja laħqet l-aqwa tagħha madwar is-sena 250 W.K. u kompliet tiżviluppa għal aktar minnn 600 sena. Il-Maja pproduċew arkitettura, pittura, xogħol tal-fuħħar u skultura mill-aqwa. Għamlu avvanzi ta’ l-għaġeb fl-astronomija u fil-matematika u żviluppaw kalendarju annwali preċiż. Kien fost l-ewwel popli fl-Emisfera tal-Punent b’forma ta’ kitba avvanzata.

Piramida lil Kukulkan f’Chichen Itza

Il-Maja kienu jgħixu f’territorju ta’ madwar 311,000 kilometru kwadru. Illum dan it-territorju huwa maqsum bejn il-Messiku u pajjiżi oħra ta’ l-Amerika Ċentrali. Huwa magħmul mill-istati Messikani ta’ Campeche, Yucatán u Quintana Roo u parti mill-istati ta’ Tabasco u Chiapas. Jinkludi ukoll Beliże, il-parti l-kbira tal-Gwatemala u parti minn El Salvador u mill-Ħonduras. Il-qalba taċ-ċiviltà tal-Maja kienet fil-foresta tropikali fl-artijiet il-baxxi tat-Tramuntana tal-Gwatemala. Ħafna mill-ibliet il-kbar tal-Maja, bħal Piedras Negras, Tikal u Uaxactún żviluppaw f’dan ir-reġjun. Sa madwar is-sena 900 W.K., iċ-ċiviltà tal-Maja nbidlet f’ħafna modi. Eżempju, in-nies ta’ l-artijiet il-baxxi tan-Nofsinhar abbandunaw l-ibliet u fl-aħħar mill-aħħar ir-reġjun kollu. L-istudjużi għadhom qegħdin ifittxu għaliex is-soċjetà tal-Maja waqgħet. Huma jeżaminaw il-kitbiet li fadal u jfittxu għal xi ħjiel fost il-fdalijiet ta’ l-ibliet tal-Maja. Bidliet kbar seħħew ukoll fit-Tramuntana ta’ l-artijiet il-baxxi iżda l-Maja komplew jgħixu hawnhekk. Illum id-dixxendenti tal-Maja jgħixu fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali. Dawn in-nies jitkellmu l-ilsna tal-Maja u baqgħu jżommu xi drawwiet reliġjużi ta’ l-antenati tagħhom.

Stil ta’ ħajja[editja]

Reliġjon[editja]

Il-Maja kienu jqimu ħafna allat. Manuskritt tal-Maja jsemmi aktar minn 160 alla. Eżempju, l-Maja kienu jqimu alla tal-qamħirrun: Ah Mun, alla tax-xita: Chac, alla tax-xemx: Kinich Ahau u alla tal-qamar: Ix Chel. Kull alla kien jinfluwenza xi parti mill-ħajja tal-Maja. Ix Chel, eżempju, kienet l-alla tal-mediċina u t-tinsiġ.

Ir-reliġjon kellu parti importanti fil-ħajja ta’ kuljum tal-Maja. Kull jum fis-sena tal-Maja kellu tifsira reliġjuza speċjali u festi reliġjużi f’ġieħ xi alla partikolari kienu jsiru matul is-sena. Il-Maja kienu jħarsu lejn l-allat tagħhom kemm bħala għajnuna kif ukoll bħala ħsara. Biex jieħdu l-għajnuna mingħand l-allat, il-Maja kienu jsumu, jitolbu, joffru sagrifiċċji u kienu jagħmlu ħafna ċerimonji reliġjużi. Ċriev, klieb u dundjani kienu jiġu ssagrifikati biex jitimgħu lill-allat. Ta’ spiss il-Maja kienu joffru demmhom stess, li kienu jxerrdu fuq biċċiet tal-qxur tas-siġar. Il-Maja kienu jagħmlu s-sagrifiċċji umani. Ġieli kienu jitfgħu dawn il-vittmi f’bjar fondi jew kienu joqtluhom waqt il-funerali ta’ mexxejja kbar.

Fl-ibliet il-Maja bnew piramidi tal-franka għoljin u fuq nett kien ikun hemm tempji żgħar. Il-qassisin kienu jitligħu t-taraġ tal-piramidi u jagħmlu ċ-ċerimonji fit-tempji. Ħafna mill-festi reliġjużi bħal dik tas-sena l-ġdida tal-Maja u għal kull xahar tal-Maja, kienu jsiru fl-ibliet.

Il-Maja kellhom ċerimonji speċjali meta jidfnu l-mejtin tagħhom. Il-kadavri kienu jinżebgħu bl-aħmar u wara jgeżwruhom fi twapet tat-tiben flimkien ma’ xi oġġetti personali tagħhom. Huma kienu jindifnu taħt id-dar fejn kienu għexu. Mexxejja tal-Maja u persuni importanti oħra kienu jindifnu bl-aqwa ilbies tagħhom fil-piramidi. Is-sefturi kienu jinqatlu u jindifnu magħhom, flimkien ma’ ġojjelli u għodda, biex jintużaw fid-dinja l-oħra.

Il-familja u l-ħajja soċjali[editja]

Il-familja tal-Maja, kienet tinkludi aktar minn ġenerazzjoni waħda: il-ġenituri, l-ulied u n-nanniet, kienu jgħixu taħt saqaf wieħed. Kulħadd fid-dar kien jgħin fix-xogħol. L-irġiel u s-subien il-kbar kienu jagħmlu ħafna mix-xogħol tal-bdiewa, bħal jaqilgħu l-ħaxix ħażin mill-għelieqi u jiżirgħu l-ħxejjex. Kienu ukoll jikkaċjaw u jistadu. In-nisa u l-bniet il-kbar kienu jħitu l-ħwejjeġ, jippreparaw l-ikel, irabbu t-tfal iż-żgħar u jġibu l-injam u l-ilma għad-dar. Il-Maja ma kellhomx skejjel. It-tfal kienu jitgħallmu l-ħiliet differenti billi josservaw l-adulti u jgħinuhom.

Fdalijiet tal-Maja fil-Gwatemala

Il-festi reliġjużi kienu uħud mill-iktar modi ta’ rikreazzjoni favoriti mal-Maja. Dawn il-festi kienu jsiru f’jiem speċjali matul is-sena. Waqt dawn il-festi kien ikun hemm żfin u ikel. Ukoll, il-Maja kellhom logħba qaddisa li kienet tixbah lill-baskitbol u kienet tintlagħab fi grawnds iddisinjati għal ta’ l-apposta. Dawk li jilgħabu riedu jgħaddu ballun tal-lastiku minn ċirku tal-ġebel b’minkbejhom jew ġenbhom.

Ikel, ilbies u kenn[editja]

Il-bdiewa tal-Maja kienu jkabbru l-aktar fażola, qamħirrun u qargħa. Il-qamħirrun kien l-ikel prinċipali tal-Maja u n-nisa kienu jippreparawh f’diversi modi. Kienu jagħmlu torti ċatti tal-qamħirrun, li llum isejjħulhom tortillas, bħala tip ta’ ħobż. Il-Maja kienu jużaw il-qamħirrun biex jagħmlu xarba alkoħolika msejjħa balche, li kienu jagħmluh ħelu bl-għasel u jħawruh bil-qoxra tas-siġra. Ħxejjex oħra mkabbra mil-Maja kienu l-avokado, t-tadam u l-bżar aħmar. Il-bdiewa kienu jiżvojtaw l-għelieqi tagħhom billi jqaċċtu s-siġar b’mannari tal-ġebel. Huma kienu jaħarqu s-siġar u z-zkuk u mbagħad jużaw bsaten biex jiżirgħu ż-żerriegħa fl-irmied. Meta l-ħamrija tispiċċa min-nutrijenti, l-bdiewa kienu jiżvojtaw art oħra u jbiddlu l-post ta’ l-għelieqi tagħhom.

Il-klieb kienu l-uniċi annimali mansi tal-Maja imma dawn in-nies kienu jkabbru ukoll id-dundjani u n-naħal fl-għelieqi tagħhom. Il-Maja kienu jikkaċjaw iċ-ċriev, fniek, annimal qisu ħanżir imsejjaħ peccaries u annimali slavaġġ oħra. Kienu jistadu u jiġbru l-frott tal-baħar mix-xmajjar u l-baħar. Il-Maja kienu ukoll jaqtgħu l-frott u l-ħxejjex mill-kampanja.

Il-ħwejjeġ tal-Maja kienu jħalluhom komdi f’dik il-klima sħuna tropikali. L-irġiel kienu jilbsu biċċa drapp imdawwra mal-ġenbejn u mgħoddija minn bejn is-saqajn. In-nisa kienu jilbsu lbiesi wiesgħa li kienu jwasslu sa l-għarqub. In-nies kienu jinsġu dawn il-ħwejjeġ mill-qoton jew ħjut oħra. Il-klassijiet għolja kien ikollhom dawn il-ħwejjeġ imżejjna bil-bizzilla u tiżjin ieħor. Kellhom ilbies għar-ras mill-isbaħ magħmul mir-rix kollu lwien tal-għasafar tal-ġungla. L-għonja kienu jilbsu ħafna ġojjelli, li ħafna minnhom kien ikun imnaqqax mill-ġada ta’ lewn aħdar jew imħar ikkulurit.

Il-bdiewa tal-Maja kienu jgħixu fi rziezet jew f’irħula żgħar qrib l-għelieqi tagħhom. Kienu jibnu d-djar tagħhom minn arbli marbutin ma’ xulxin u jużaw weraq tal-palm jew ħaxix biex jagħmlu s-soqfa. L-ibliet tal-Maja kienu jservu bħala ċentri għal kampanja tal-madwar. Il-poplu kien jiltaqgħa f’dawn iċ-ċentri għall-avvenimenti importanti bħas-swieq u festi reliġjużi. L-istudjużi ma jqablux jekk dawn l-ibliet kellhomx ħafna jew ftit residenti permanenti. Il-qassisin u mexxejja oħra tal-Maja setgħu għexu fl-ibliet għal żmien qasir qabel xi ċerimonji importanti u wara kienu jmorru lura fid-djar permanenti tagħhom.

Kummerċ u trasport[editja]

Il-Maja kienu jieħdu sehem f’xibka ta’ kummerċ li kienet tgħaqqad gruppi differenti fl-Amerika Ċentrali. Il-popli tal-Maja ta’ l-artijiet il-baxxi kienu jesportaw ħafna oġġetti fosthom xogħol ta’ l-idejn, prodotti tal-foresti u l-baħar u l-ġilda tal-ġagwar. Kienu jimpurtaw il-ġada, ħġieġ vulkaniku u r-rix ta’ għasfur imsejjaħ quetzal mill-għoljiet tal-Gwatemala fejn popli oħra li jitkellmu l-Maja kienu jgħixu.

Il-Maja tal-Yucatán kienu jibgħatu l-melħ u qoton imżejjen bir-reqqa lejn il-Ħonduras. Minflok kienu jirċievu ż-żerriegħa tal-kawkaw li kienu jużawha biex jagħmlu ċ-ċikkulata. Il-Maja kienu jittrasportaw il-merkanzija sa postijiet bħal Wied ta’ Oaxaca fil-Messiku u l-belt ta’ Teotihuacán, qrib ta’ fejn illum hemm il-Belt tal-Messiku. Kienu jġorru ħafna mill-merkanzija fuq darahom jew fuq l-ixmajjar f’kenuri mħaffrin. Il-Maja ma kellhomx ir-rota jew bhejjem għal-ġarr bħaż-żwiemel jew gniedes.

Gvern[editja]

L-istoriċi ftit li xejn jafu fuq il-gvernijiet tal-Maja. Kull belt tal-Maja kienet tiggverna l-art ta’ madwarha, u l-ibliet il-kbar seta’ kellhom xi kontrol fuq aktar bliet iżgħar. Il-mexxejja probabilment kienu jkunu kemm il-kapijiet kif ukoll il-qassisin. Xi kap suprem, li kellu setgħat reliġjużi u politiċi, seta’ mexxa kull belt. Il-Maja qatt ma ngħaqdu taħt gvern wieħed ċentrali. Imma lejn l-aħħar żminijiet tal-Maja, il-mexxejja ta’ xi bliet bħal Chichen Itzá u Mayapán kienu jikkontrollaw parti kbira mill-popolazzjoni.

Komunikazzjoni u tagħlim[editja]

Il-Maja żviluppaw mod ta’ kitba avvanzat li kienet tikkonsisti f’ħafna simboli. Dawn is-simboli kienu jirrapreżentaw ġabra ta’ ħsejjes jew idea sħiħa u kienu jiffurmaw tip ta’ kitba ġeroglifika.

Il-Maja kienu jżommu l-kitbiet tagħhom fuq monumenti kbar tal-ġebel msejjħa stele, kif ukoll fuq xi bini u għodda tad-dar. Kienu jużaw l-istele biex ifakkru dati importanti u biex iżommu tifkira t’avvenimenti kbar fil-ħajja tal-mexxejja tagħhom u tal-qraba tal-mexxejja. Il-Maja kienu jagħmlu ukoll kotba tal-karti magħmula mill-qoxra tas-siġra tat-tin. Għadhom jeżistu ħafna kotba tas-seklu 12 sas-seklu 16. Dawn fihom tabelli astronomiċi, informazzjoni fuq ċerimonji reliġjużi u kalendarji li juru jiem fortunati għal attivitajiet bħall-biedja u l-kaċċa.

Avvanzi oħra kulturali tal-Maja jinkludu l-iżvilupp tal-matematika u l-astronomija. Il-Maja kienu jużaw sistema matematika bbażata fuq in-numru 20, minflok l-10 kif inhi s-sistema deċimali użata llum. Tikek u linji kienu jirrapreżentaw in-numri, u simbolu speċjali kien jirrapreżenta ż-żero. Il-Matematiċi jqisu l-invenzjoni taż-żero bħal waħda mill-ikbar invenzjonijiet tad-dinja. Il-qassisin tal-Maja żviluppaw tagħrif astronomiku billi kienu josservaw il-pożiżżjonijiet tax-xemx, tal-qamar u ta’ l-istilel. Huma għamlu tabelli li jbassru l-eklissi u l-orbità tal-pjaneta Venere.

Il-qassisin kienu jużaw ukoll il-matematika u l-astronomija biex joħolqu żewġ tipi ta’ kalendarji. Wieħed kien almanakk qaddis ta’ 260 jum. Kull jum kien imsemmi b’wieħed mill-20 isem tal-ġurnata u numru minn 1 sa 13. Kull wieħed mill-20 isem tal-ġurnata kellu xi alla assoċjat miegħu. Il-qassisin kienu jbassru r-risq it-tajjeb jew ħażin billi jistudjaw il-kombinazzjoni ta’ l-allat man-numri. Il-Maja kellhom ukoll kalendarju b’365 jum, ibbażat fuq l-orbità tad-dinja madwar ix-xemx. Dawn il-jiem kienu maqsuma fi 18-il xahar ta’ 20 jum il-wieħed, u ħames jiem oħra fl-aħħar tas-sena. Il-Maja kienu jqisu dawn l-aħħar ħames t’ijiem bħala ta’ xorti ħażina ħafna. Waqt dan iż-żmienu kienu jsumu, jagħmlu s-sagrifiċċju u jevitaw xogħol mhux meħtieġ.

Il-Maja kienu jużaw ħxejjex u l-maġija biex ifejjqu l-mard. Iżda l-istudjużi ftit jafu dwar it-tagħrif tal-Maja tal-mediċina.

Arti u snajja[editja]

Il-Maja ipproduċew arkitettura, pittura, xogħol tal-fuħħar u skultura mill-aqwa. Arkitetti tas-sengħa bnew piramidi tal-franka għoljin, b’tempji żgħar fuqnett. Huma ħolqu tip ta’ ħnejja billi bnew il-ġenb ta’ żewġ ħitan dejjem aktar qrib iktar ma’ titla l-fuq. Il-vojt bejn iż-żewġ ħitan kien jiġi mgħaqqad b’sensiela ta’ ġebel ċatt. Il-Maja bnew ukoll bini kbir u baxx fejn il-kapijiet u l-qassisin probabilment kienu jgħixu qabel xi ċerimonja importanti. Ħafna mill-bini tal-Maja kellhom tiżjin ċatt imsejjaħ moxt tal-bejt, li kien joħroġ mill-għola ponta tas-saqaf. Dawn il-moxtijiet tal-bjut, bħal kampnari tal-knejjes, kienu jagħtu lil bini d-dehra ta’ għoli kbir.

Tpinġijiet fuq il-fuħħar fil-wied ta’ Chama

L-artisti tal-Maja kienu jżejnu l-ħitan b’murali ikkuluriti li kienu juru figuri b’daqs reali qed jieħdu sehem f’battalji u festi. L-artisti kienu jagħmlu d-dawra minn barra tal-figuri u mbagħad jimlewhom bil-kulur. Rari kienu jagħmlu shading tal-kulur. Pittura tixbah lil din tinsab fuq il-fuħħar tal-Maja.

Il-Maja kienu jagħmlu skulturi żgħar tat-tafal u oħrajn kbar mill-ġebel. Ħafna mill-iskulturi ż-żgħar kienu figuri ta’ rġiel u nisa. L-iskulturi l-kbar, li xi wħud minnhom kienu għoljin aktar minn 9 metri, kienu mnaqqxa b’figuri ta’ allat u persunaġġi importanti f’poża riġida.

Storja[editja]

Fil-bidu[editja]

Il-qalba taċ-ċiviltà tal-Maja żviluppat f’dak li llum huwa d-dipartiment (stat) ta’ El Petén, fil-Gwatemala. L-ewwel bdiewa setgħu qagħdu f’dan ir-reġjun sa mill-2500 Q.K. bit-tama li jsibu art fertili għall-ħxejjex tagħhom. Dawn in-nies kienu jgħixu f’irħula żgħar u kienu jieħdu l-ikel mill-foresta tal-madwar barra li jkabbru l-ħxejjex.

Sas-sena 800 Q.K., l-artijiet il-baxxi tal-Maja kienu kollha mgħammra. F’dak iż-żmien, grupp imsejjaħ l-Indjani Olmeki kienu jgħixu fl-art fil-punent tal-Maja. Probabilment l-Olmeki kienu l-inventuri tan-numri u l-kitba fl-Amerika Ċentrali. Kellhom ukoll arti żviluppata ħafna. Iċ-ċiviltà ta’ l-Olmeki influwenzat iċ-ċiviltà tal-Maja li kienet qed tiżviluppa. Il-Maja bħal l-Olmeki bdew jibnu piramidi u jnaqqxu monumenti fil-ġebel. Barra dan, stampi ta’ l-alla ġagwar ta’ l-Olmeki beda jitfaċċa fl-arti tal-Maja.

Il-perjodu Klassiku[editja]

Il-perjodu Klassiku taċ-ċiviltà tal-Maja kienet bejn l-250 W.K. sas-sena 900. F’dawn is-snin il-Maja waqqfu l-aqwa bliet tagħhom u għamlu kisbiet kbar fl-arti u x-xjenza. F’dan iż-żmien il-Maja bdew id-drawwa li jtellgħu l-istele biex jfakkru l-avvenimenti importanti fil-ħajja tal-mexxejja tagħhom.

Matul l-ewwel 300 sena tal-perjodu Klassiku, il-belt Messikana ta’ Teotihuacán kienet iċ-ċentru t’imperu kbir. Iċ-ċiviltà ta’ Teotihuacán kellha influwenza kbira fuq l-arti u l-arkitettura tal-Maja. Il-waqgħa ta’ Teotihuacán għal ħabta tas-sena 600 affetwat lil Maja temporanjament. Dan narawh billi l-Maja waqfu xogħol ta’ bini fl-ibliet tagħhom u waqfu l-bini ta’ l-istele. Wara perjodu qasir, iċ-ċiviltà tal-Maja rkuprat u kompliet tikber għal madwar 300 sena. Imbagħad, fil-bidu tas-ena 800, il-Maja waqfu jtellgħu l-istele, f’belt wara l-oħra. Huma abbandunaw iċ-ċentri prinċipali tagħhom fl-artijiet il-baxxi tan-nofsinhar waħda wara l-oħra u finalment telqu għal kollox mir-reġjun tan-nofsinhar. L-istudjużi għadhom qed ifittxu r-raġunijiet għall-waqgħa taċ-ċiviltà tal-Maja. Xi esperti jemmnu li l-waqgħa seħħet minħabba fatturi bħal mard, għaks u d-dħul ta’ gruppi oħra fir-reġjun tal-Maja. Iżda xi storiċi oħra jemmnu li l-bdiewa tal-Maja qamu kontra t-tmexxija tal-kapijiet u l-qassisin għal xi raġuni u b’hekk waslu għal waqgħa tas-soċjetà tal-Maja.

Il-Perjodu Messikan[editja]

Iċ-ċentri tal-Maja fit-tramuntana tal-Yucatán damu xi 100 sena aktar minn dawk ta’ l-artijiet il-baxxi tan-nofsinhar. Anke wara li l-Maja abbandunaw iċ-ċentri tat-tramuntana, huma komplew jgħixu f’dan ir-reġjun. Għal ħabta tas-sena 950 W.K., il-Yucatán ġie invadut mit-Tolteki, poplu mill-artijiet l-għolja ċentrali tal-Messiku. It-Tolteki kienu stabilixxew imperu fil-Messiku bil-kapitali f’Tula, fit-tramuntana tal-Belt tal-Messiku tal-lum. Huma ħadu l-kontrol tal-belt antika tal-Maja ta’ Chichen Itzá u ħakmu l-poplazzjoni kollha tal-Maja tat-tramuntana. It-Tolteki influwenzaw l-arti u l-arkitettura tal-Maja u daħlu l-qima lejn alla serp bir-rix msejjaħ Kukulcán. Tula waqgħet f’nofs is-seklu 12, u l-ħakma tat-Tolteki fil-Yucatán spiċċat fl-1200.

Grupp ġdid ta’ mexxejja tal-Maja waqqfu belt kapitali f’Mayapán wara li ntemmet il-ħakma tat-Tolteki. Il-Maja reġgħu taw il-ħajja lill-kultura tagħhom u reġgħu bdew itellgħu l-istele. Iżda xi bidliet kienu seħħew fis-soċjetà tagħhom. Eżempju ta’ dan huwa l-fatt li l-affari u l-kummerċ saru l-fatturi dominanti fil-kultura tal-Maja u mhux ir-reliġjon. L-ibliet tal-Maja saru ċentri kummerċjali mill-aqwa, u l-poplu sara attiv f’negozju bil-baħar.

Madwar is-sena 1440, xi mexxejja ta’ xi bliet tal-Maja qamu kontra l-mexxejja tal-Mayapán u għelbuhom. Il-Yucatán ġie maqsum f’ħafna stati separati li kienu ta’ spiss fi gwerer. Fil-bidu tas-seklu 16, il-konkwistaturi Spanjoli invadew it-territorju tal-Maja. Sa nofs is-seklu 16 kienu għelbu l-Maja kollha li kien fadal.

Il-wirt tal-Maja[editja]

Illum, ħafna min-nies tal-Messiku u l-Amerika Ċentrali jitkellmu waħda mill-kważi 20 lingwa u djaletti li żviluppaw mill-lingwa antika tal-Maja. Xi wħud minn dawn in-nies jgħixu fl-artijiet għolja tal-Messiku u l-Gwatemala. Xi oħrajn jgħixu fil-parti ta’ fuq tal-peniżola tal-Yucatán fil-Messiku. Probabilment, il-Jukatani tal-Yucatán, huma l-aktar dixxendenti diretti tal-Maja. Ħafna mid-dixxendenti tal-Maja jaħdmu l-art kif kienu jaħdmuha l-antenati tagħhom u għadhom iżommu xi drawwiet reliġjużi tagħhom.

Il-fdalijiet taċ-ċentri ċerimonjali tal-Maja huma attrazzjonijiet turistiċi. Siti fil-Messiku jinkludu l-fdalijiet f’Bonampak u Palenque f’Chiapas, u Chichen Itzá fit-tramuntana tal-Yucatán. It-turisti jżuru ukoll il-fdalijiet ta’ Tikal fil-Gwatemala u dawk ta’ Copán fil-Ħonduras.