Gżira ta' Robben

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Gżira ta' Robben mill-ajru.

Il-Gżira ta' Robben (bl-Afrikaans: Robbeneiland) hija gżira f'Table Bay, 6.9 kilometri (4.3 mili) fil-Punent tal-kosta ta' Bloubergstrand, fit-Tramuntana ta' Cape Town, l-Afrika t'Isfel. Isem il-gżira joriġina mill-kelma Olandiża għal foki (robben).

Il-Gżira ta' Robben għandha għamla bejn wieħed u ieħor ovali, twila 3.3 kilometri (2 mili) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u wiesgħa 1.9 kilometru (1+18 mil), b'erja ta' 5.08 km2 (1+3132 mil kwadru). Il-gżira hija ċatta u ftit metri biss 'il fuq mil-livell tal-baħar, bħala riżultat ta' avveniment ta' erożjoni tal-qedem. Ġiet iffortifikata u ntużat bħala ħabs mill-aħħar tas-seklu 17 sal-1996, wara t-tmiem tal-apartheid.

L-attivist politiku u l-avukat Nelson Mandela kien intefa' l-ħabs fil-gżira għal 18-il sena mis-27 sena ta' priġunija tiegħu qabel il-waqgħa tal-apartheid u l-introduzzjoni ta' demokrazija multirazzjali sħiħa. Iktar 'il quddiem rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi u ġie elett fl-1994 bħala President tal-Afrika t'Isfel, u kien l-ewwel President ta' karnaġjon sewda tal-pajjiż għal mandat wieħed mill-1994 sal-1999. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-priġunieri kien jinżammu fil-gżira għal raġunijiet politiċi. Żewġ eks priġunieri oħra tal-Gżira ta' Robben, flimkien ma' Mandela, ġew eletti għall-Presidenza mill-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20: Kgalema Motlanthe (2008-2009)[1] u Jacob Zuma (2009-2018).

Il-Gżira ta' Robben hija Sit ta' Wirt Nazzjonali tal-Afrika t'Isfel u hija wkoll Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-Gżira ta' Robben minn Table Mountain fid-direzzjoni tal-Bajja ta' Saldanha.

Din il-gżira tinsab fid-daħla ta' Table Bay, 11-il kilometru minn Cape Town, ġiet skoperta minn Bartolomeu Dias fl-1488, u għal bosta snin intużat min-navigaturi Portugiżi, u iktar 'il quddiem mill-Ingliżi u mill-Olandiżi bħala post għall-għoti tal-fjuwil. L-isem attwali tal-gżira jfisser l-"gżira tal-foki".

Fl-1654, l-insedjaturi tal-Kolonja Olandiża tal-Kap tefgħu n-nagħġiet u l-imtaten tagħhom fil-Gżira ta' Robben, u l-irġiel bnew struttura kbira ta' kenn għall-bhejjem tagħhom. L-iżolament kien joffri protezzjoni aħjar mill-annimali selvaġġi milli fuq l-art kontinentali. L-insedjaturi kienu jħanxru wkoll il-foki għall-ġlud tagħhom u kienu jgħallu ż-żejt biex jipprovdu għall-ħtiġijiet tal-insedjament.[3]

Mill-aħħar tas-seklu 17, il-Gżira ta' Robben intużat għall-priġunerija l-iktar tal-priġunieri politiċi. L-insedjaturi Olandiżi kienu l-ewwel nies li użaw il-Gżira ta' Robben bħala ħabs. L-ewwel priġunier tal-gżira x'aktarx li kien Autshumato f'nofs is-seklu 17. Fost l-abitanti permanenti bikrin tal-gżira kien hemm mexxejja politiċi li ngħataw priġunija hemmhekk minn kolonji Olandiżi oħra, inkluż l-Indji tal-Lvant Olandiżi, u l-mexxej tar-rewwixta fuq il-bastiment tal-iskjavi Meermin.

Wara li l-Flotta Navali Rjali Brittanika ħatfet diversi rġiel fl-Indji tal-Lvant Olandiżi fil-battalja tal-Bajja ta' Saldanha fir-Raba' Gwerra bejn l-Ingliżi u l-Olandiżi fl-1781, dgħajsa qadfet 'il barra biex tilqa' l-bastimenti tal-gwerra Brittaniċi. Abbord kien hemm ir-"rejiet ta' Ternate u Tidore, u l-prinċpijiet tal-familji rispettivi". L-Olandiżi żammewhom għal żmien twil fil-Gżira ta' Robben, iżda mbagħad ittrasferiethom lejn il-Bajja ta' Saldanha.

Fl-1806, il-kaċċatur tal-balieni Skoċċiż John Murray fetaħ impjant tal-kaċċa tal-balieni f'bajja mkennija fil-kosta tal-Grigal tal-gżira, li saret magħrufa bħala l-Bajja ta' Murray. Biswit dan is-sit, fl-1939-1940 inbena l-port attwali magħruf bħala l-Port tal-Bajja ta' Murray.[4]

Wara l-falliment ta' rewwixta f'Grahamstown fl-1819, il-ħames waħda mill-Gwerer tax-Xhosa, il-gvern kolonjali Brittaniku ordna li l-mexxej Afrikan Makanda Nxele jintefa' jiskonta sentenza ta' għomor il-ħabs fil-gżira.[5] Huwa għereq fix-xtut ta' Table Bay wara li rnexxielu jaħrab mill-ħabs.[6][7]

Il-gżira kienet tintuża wkoll bħala kolonja tal-lebbrużi u post ta' kwarantina tal-annimali. Mill-1845, il-lebbrużi mill-kolonja tal-lebbrużi ta' Hemel-en-Aarde (sema' u art) qrib Caledon ġew ittrasferiti lejn il-Gżira ta' Robben meta nstab li l-kolonja tal-lebbrużi ta' Hemel-en-Aarde ma kinitx adattata iktar għall-iskop tagħha. Inizjalment, dan kien isir fuq bażi volontarja, u l-lebbrużi setgħu jaqbdu u jitilqu mill-gżira jekk kienu jixtiequ jagħmlu dan. F'April 1891, bdew jinbnew il-pedamenti ta' 11-il binja ġdida biex jiġu ospitati l-lebbrużi. Wara li għadda l-Att dwar ir-Repressjoni tal-Lebbrużi f'Mejju 1892, l-ammissjoni ma baqgħetx volontarja iktar, u ċ-ċaqliq tal-lebbrużi ġie ristrett. It-tobba u x-xjenzati ma setgħux jifhmu l-marda u ħasbu li l-iżolament kien l-uniku mod biex il-mard ma jinxteridx. Qabel l-1892, medja ta' madwar 25 lebbruż intbagħtu lejn il-Gżira ta' Robben, iżda fl-1892 dak in-numru tela' għal 338 lebbruż, u fl-1893 intbagħtu 250 lebbruż oħra.[8][9][10]

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-gżira ġiet iffortifikata. Bħala parti mid-difiżi għal Cape Town tpoġġew kanuni BL ta' 9.2 pulzieri u kanuni ta' 6 pulzieri.[11]

Mill-1961, il-Gżira ta' Robben intużat mill-gvern tal-Afrika t'Isfel bħala ħabs għall-priġunieri politiċi u għall-kriminili li nstabu ħatja. Fl-1969, Moturu Kramat, li issa huwa sit sagru għall-pellegrinaġġi Musulmani lejn il-Gżira ta' Robben, inbena biex jitfakkar Sayed Abdurahman Moturu, il-Prinċep ta' Madura. Moturu, wieħed mill-ewwel imams ta' Cape Town, kien ġie eżiljat fil-gżira f'nofs is-snin 40 tas-seklu 18. Huwa miet hemmhekk fl-1754. Il-priġunieri politiċi Musulmani kienu jagħtuh ġieħ fis-santwarju qabel ma jitilqu mill-gżira.

Fl-1982, il-ktieb tal-eks priġunier Indres Naidoo "Island in Chains" (Gżira fil-Ktajjen) sar l-ewwel rakkont ippubblikat tal-ħajja tal-priġunieri fil-gżira.[12]

Il-ħabs ta' sigurtà massima għall-priġunieri politiċi għalaq fl-1991. Il-ħabs ta' sigurtà medja għall-priġunieri kriminali ngħalaq ħames snin wara.[13]

Bit-tmiem tal-apartheid, il-gżira saret destinazzjoni turistika popolari. Tiġi ġestita mill-Mużew tal-Gżira ta' Robben Museum li jopera s-sit bħala mużew ħaj. Fl-1999 il-gżira tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-importanza tagħha fl-istorja politika tal-Afrika t'Isfel u fl-iżvilupp ta' soċjetà demokratika fil-pajjiż. Kull sena, eluf ta' viżitaturi jżuru l-gżira bil-lanċa mix-Xatt ta' Vitorja u Alfred f'Cape Town permezz ta' mawriet iggwridati tal-gżira u tal-eks ħabs tagħha. Bosta mill-gwidi huma eks priġunieri. L-art kollha tal-gżira hija ta' sjieda tan-nazzjon tal-Afrika t'Isfel, bl-eċċezzjoni tal-knisja tal-gżira. Amministrattivament, il-Gżira ta' Robben hija subborg tal-Belt ta' Cape Town. Il-gżira hija miftuħa s-sena kollha, jekk it-temp jippermetti.[14]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżira ta' Robben ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Aċċess għall-gżira[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżira ta' Robben hija aċċessibbli għall-viżitaturi permezz ta' mawriet turistiċi li jitilqu mix-xatt ta' Cape Town. Il-mawriet iggwidati jitilqu tliet darbiet kuljum u jdumu madwar 3.5 sigħat, u jikkonsistu fi vjaġġ b'lanċa lejn il-gżira u lura, u jżuru d-diversi siti storiċi tal-gżira li jiffurmaw parti mill-Mużew tal-Gżira ta' Robben. Dawn jinkludu ċ-ċimiterju tal-gżira, il-barriera abbandunata tal-ġebla tal-ġir, id-dar ta' Robert Sobukwe, il-barriera ta' Bluestone, il-bunkers tal-armata u tal-flotta navali, u l-ħabs ta' sigurtà massima, fejn wieħed ikun jista' jara ċ-ċella ta' Nelson Mandela.[15]

Periklu marittimu[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa Olandiża tal-gżira mill-1731.

Il-bastimenti li jbaħħru qrib il-gżira jridu joqogħdu b'seba' għajnejn meta jwettqu navigazzjoni qrib il-Gżira ta' Robben u l-Blata tal-Baliena fil-qrib (taħt wiċċ l-ilma) peress li dawn huma periklu għat-trasport marittimu tal-merkanzija.[16] L-imbatt prevalenti qawwi tal-Oċean Atlantiku jaħkem madwar is-sikek lil hinn mill-kosta u l-kosta mħarbta tal-blat tal-gżira. Il-bastimenti li jinħakmu u jmissu mal-blat malajr jitkissru mill-qilla tal-mewġ tal-baħar. Total ta' 31 bastiment tkissru madwar il-gżira.[17]

Fl-1990, tim tal-arkeoloġija marittima mill-Università ta' Cape Town bdiet l-Operazzjoni "Sea Eagle" (Ajkla tal-Baħar). Din kienet stħarriġ ta' taħt il-baħar li stħarreġ 31 kilometru kwadru (9 mili nawtiċi kwadri) tal-qiegħ tal-baħar madwar il-Gżira ta' Robben. Dan il-kompitu kien partikolarment diffiċli minħabba l-kurrenti qawwijin u l-mewġ għoli ta' dawn l-ilmijiet. Il-grupp sab 24 bastiment taħt il-baħar madwar il-Gżira ta' Robben. Il-biċċa l-kbira tar-relitti nstabu f'ilmijiet fondi inqas minn għaxar metri (33 pied). It-tim ikkonkluda li l-maltemp, id-dlam u ċ-ċpar x'aktarx li kkawżaw l-għarqa ta' dawn il-bastimenti.

Ir-relitti marittimi madwar il-Gżira ta' Robben u l-ilmijiet ta' madwarha jinkludu l-vapuri tal-Indji tal-Lvant Olandiżi tas-seklu 17, Yeanger van Horne (1611), Shaapejacht (1660) u Dageraad (1694). Fost ir-relitti tal-aħħar tas-seklu 19 hemm diversi bastimenti Brittaniċi, inkluż il-Gondolier (1836), u l-bastiment tal-Istati Uniti A.H. Stevens (1866). Fl-1901, il-bastiment tat-trasport tal-posta li kien jaħdem bl-istim, SS Tantallon Castle, laqat il-blat lil hinn mill-Gżira ta' Robben fiċ-ċpar kbir ftit wara li telaq minn Cape Town. Wara li l-kanuni tal-ajjut ġew sparati mill-gżira, il-bastimenti fil-qrib marru jgħinu minnufih fis-salvataġġ. Il-120 passiġġier u l-ekwipaġġ ta' fuq il-bastiment ġew salvati qabel ma l-bastiment tkisser mill-qilla tal-imbatt. 17-il bastiment oħra għerqu fis-seklu 20, inkluż bastimenti Brittaniċi, Spanjoli, Norveġiżi u tat-Tajwan.

Fanal tal-Gżira ta' Robben[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fanal tal-Gżira ta' Robben.

Minħabba l-periklu marittimu tal-Gżira ta' Robben u l-ilmijiet ta' madwarha, Jan van Riebeeck, l-ewwel amministratur kolonjali Olandiż f'Cape Town fis-snin 50 tas-seklu 17, ordna li kellhom jitqabbdu ħuġġiġiet enormi billejl fil-quċċata tal-Għolja tan-Nar (bl-Ingliż: Fire Hill), l-ogħla punt fil-gżira (issa magħrufa bħala l-Għolja ta' Minto). Dawn kienu jsiru biex iwissu lill-bastimenti VOC li kienu qed joqorbu lejn il-gżira.

Fl-1865, il-fanal tal-Gżira ta' Robben tlesta fil-quċċata tal-Għolja ta' Minto.[18] It-torri ċilindriku tal-ġebel, li mal-bażi tiegħu għandu d-dar tal-persuna li tieħu ħsieb il-fanal, huwa għoli 18-il metru (59 pied) u għandu gallerija b'lanterna fil-quċċata tiegħu. Fl-1938, il-lampa tal-fanal ġiet ikkonvertita għall-elettriku. Il-fanal juża lanterna li tteptep minflok lampa li ddur; din tiddi għal ħames sekondi kull seba' sekondi. Il-qawwa ta' 46,000 candela tal-fanal, viżibbli sa bogħod ta' 44 kilometru (24 mil nawtiku), titfa' dawl abjad lil hinn minn Table Bay. Dawl aħmar sekondarju jaġixxi bħala għajnuna għan-navigazzjoni għall-bastimenti li jkunu qed ibaħħru lejn Nofsinhar ix-Xlokk.

Organiżmi selvaġġi u konservazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta ta' Table Bay mill-kosta tal-Gżira ta' Robben.
Il-kosta tal-Gżira ta' Robben b'veduta ta' Table Mountain.

Meta l-Olandiżi waslu fl-inħawi fl-1652, l-uniċi annimali kbar fil-gżira kienu l-foki u l-għasafar, l-iktar pingwini. Fl-1654, l-insedjaturi ħelsu xi fniek fil-gżira biex il-bastimenti li jieqfu fil-gżira jkollhom sors disponibbli ta' laħam.[19]

Il-kolonja oriġinali ta' pingwini Afrikani fil-gżira ġiet sterminata għalkollox sal-1800. Iżda mill-1983 ġiet stabbilita kolonja ġdida fil-gżira, u l-gżira moderna mill-ġdid hija żona importanti tat-tnissil ta' din l-ispeċi.[20] Il-kolonja kibret sa ~16,000 individwu fl-2004, qabel ma reġgħet bdiet tonqos. Sal-2015 dan id-deklin kien kontinwu (saħansitra sa ~3,000 individwu). Dan id-deklin instab f'kważi kull kolonja oħra ta' pingwini Afrikani. Il-kawżi tiegħu għadhom mhux ċari għalkollox u x'aktarx li jvarjaw minn kolonja għall-oħra, iżda fil-Gżira ta' Robben x'aktarx li dan id-deklin huwa marbut mat-tnaqqis tal-provvista tal-ikel (sardini u inċova) tagħhom minħabba l-kompetizzjoni mis-sajjieda. Il-pingwini saru attrazzjoni turistika popolari peress li wieħed jarahom faċilment fil-gżira.[21]

Għall-ħabta tal-1958, il-Logutenent Peter Klerck, uffiċjal tal-Flotta Navali tal-Afrika t'Isfel stazzjonat fil-gżira, introduċa diversi annimali. Is-silta li ġejja minn artiklu miktub minn ibnu Michael Klerck, li għex fil-gżira minn età żgħira, tiddeskrivi l-fawna lokali:[22]

Fil-bidu tas-seklu 21, huwa stmat li l-popolazzjoni tal-fniek kienet laħqet 25,000 individwu, u b'hekk sar speċi invażiva li kienet qed tpoġġi lil speċijiet oħra fil-periklu. Il-bnedmin qed jikkaċċjaw u jħanxru l-fniek sabiex inaqqsu l-popolazzjoni tagħhom.[23]

Tibdil fil-klima[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2022, is-Sitt Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC inkluda l-Gżira ta' Robben fil-lista tas-siti kulturali Afrikani li jaf ikunu mhedda mill-għargħar u mill-erożjoni kostali sa tmiem is-seklu, iżda dan biss jekk it-tibdil fil-klima jsegwi RCP 8.5, li huwa x-xenarju ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għoljin u li jibqgħu jiżdiedu b'tisħin globali ta' 4 °C., li ma għadux jitqies bħala xenarju probabbli ħafna.[24][25][26] Ix-xenarji l-oħra, iktar plawżibbli, jirriżultaw f'livelli iktar baxxi ta' tisħin globali u b'hekk żieda iktar baxxa fil-livell tal-baħar: minkejja dan, il-livelli tal-baħar b'hekk jibqgħu jiżdiedu għal madwar 10,000 sena skont ix-xenarji kollha.[27] Anke jekk it-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 °C, iż-żieda globali fil-livell tal-baħar xorta mistennija li taqbeż 2-3 metri (7-10 piedi) wara 2,000 sena (u livelli ogħla ta' tisħin globali jwasslu għal żidiet ferm ikbar), b'RCP 8.5 (~0.75 metru (2 piedi) b'medda ta' 0.5-1 metru (2-3 piedi)) ferm qabel is-sena 4000.[28]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "New S Africa president sworn in" (bl-Ingliż). 2008-09-25. Miġbur 2024-01-31.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Robben Island". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-31.
  3. ^ History of South Africa, 1486-1691, G.M Theal, Londra, 1888.
  4. ^ The New Annual Register, Or General Repository of History ..., (Ottubru 1781), Vol. 2, p. 90.
  5. ^ Frederick Marryat. The Mission; or Scenes in Africa. Londra: Nick Hodson.
  6. ^ Peires, Jeffrey B. (1989). The Dead Will Arise: Nongqawuse and the Great Xhosa Cattle Killing Movement of 1856–7. Indiana University Press. p. 301. ISBN 9780253205247.
  7. ^ Deacon, Harriet, ed. (1996). The Island: A History of Robben Island, 1488–1990. New Africa Books. pp. 4–5. ISBN 9780864862990.
  8. ^ "19th Century Xhosa Christianity". web.archive.org. 2008-05-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-05-14. Miġbur 2024-02-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ "SECHABA - Makana". web.archive.org. 2008-06-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-06-02. Miġbur 2024-02-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ Newman, George (1895). Prize essays on leprosy. Londra: The Society. p. 194.
  11. ^ Winston Churchill (1900). London to Ladysmith via Pretoria. Londra: Longmans, Green, and Co.
  12. ^ "Black's book about South Africa's political prison published (1982)". Escondido, California. 1982-03-22. p. 3. Miġbur 2024-02-01.
  13. ^ "Chronology". web.archive.org. 2010-02-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-02-15. Miġbur 2024-02-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "City of Cape Town Link". City of Cape Town (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-01.
  15. ^ "Robben Island Tours" (bl-Ingliż). 2023-12-14. Miġbur 2024-02-01.
  16. ^ James Horsburgh (1852). The India Directory, Or Directions for Sailing to and from the East Indies, China, Australia and the Interjacent Ports. W. H. Allen & Co. p. 71.
  17. ^ Smith, Charlene (1997). Robben Island. Struik. pp. 30-32. ISBN 9781868720620.
  18. ^ William Henry Rosser, James Frederick Imray (1867). The Seaman's Guide to the Navigation of the Indian Ocean and China Sea. J. Imray & Son. p. 280.
  19. ^ George McCall Theal (1897). History of South Africa Under the Administration of the Dutch East India Company (1652 to 1795). Swan Sonnenschein. p. 442.
  20. ^ "Avian Demography Unit: Robben Island". web.archive.org. 2012-03-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-05. Miġbur 2024-02-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ Weller, F.; Cecchini, L.A.; Shannon, L.; Sherley, R.B.; Crawford, R.J.; Altwegg, R.; Scott, L.; Stewart, T.; Jarre, A. (2014). "A system dynamics approach to modelling multiple drivers of the African penguin population on Robben Island, South Africa". Ecological Modelling. 277: 38–56.
  22. ^ "Robben Island - Childhood memories of growing up there". www.robbenisland.org. Miġbur 2024-02-01.
  23. ^ "Robben Island is 'under threat'" (bl-Ingliż). 2009-10-31. Miġbur 2024-02-01.
  24. ^ Trisos, C.H., I.O. Adelekan, E. Totin, A. Ayanlade, J. Efitre, A. Gemeda, K. Kalaba, C. Lennard, C. Masao, Y. Mgaya, G. Ngaruiya, D. Olago, N.P. Simpson, and S. Zakieldeen 2022: Chapter 9: Africa. In Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability [H.-O. Pörtner, D.C. Roberts, M. Tignor, E.S. Poloczanska, K. Mintenbeck, A. Alegría, M. Craig, S. Langsdorf, S. Löschke, V. Möller, A. Okem, B. Rama (eds.)]. Cambridge University Press, Cambridge, United Kingdom and New York, NY, US, pp. 2043–2121
  25. ^ Hausfather, Zeke; Peters, Glen (29 January 2020). "Emissions – the 'business as usual' story is misleading". Nature. 577 (7792): 618–20.
  26. ^ Hausfather, Zeke; Peters, Glen (2020). "RCP8.5 is a problematic scenario for near-term emissions". PNAS. 117 (45): 27791–27792.
  27. ^ Technical Summary. In: Climate Change 2021: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Sixth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change (PDF). IPCC. Awwissu 2021. p. TS14.
  28. ^ IPCC, 2021: Summary for Policymakers. In: Climate Change 2021: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Sixth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change [Masson-Delmotte, V., P. Zhai, A. Pirani, S.L. Connors, C. Péan, S. Berger, N. Caud, Y. Chen, L. Goldfarb, M.I. Gomis, M. Huang, K. Leitzell, E. Lonnoy, J.B.R. Matthews, T.K. Maycock, T. Waterfield, O. Yelekçi, R. Yu, and B. Zhou (eds.)]. Cambridge University Press, Cambridge, United Kingdom and New York, NY, US, pp. 3−32.