Aqbeż għall-kontentut

Għaqda tal-Malti – Università

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

L-Għaqda tal-Malti – Università twaqqfet bil-ħidma ta’ żewġ studenti tal-Mediċina, Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fis-26 ta’ Jannar 1931 li bdew joħorġu l-Leħen il-Malti fl-istess sena. Matul is-snin mexxew l-Għaqda l-Prof. Pietru Pawl Saydon, il-Prof. Ġużè Aquilina, il-Prof. Dun Karm Sant u l-Prof. Oliver Friggieri.

Fl-1988 it-tmexxija għaddiet f’idejn l-istudenti u fost il-ħidma li twettqet matul is-snin insibu l-ewwel Kungress Letterarju Malti (1993), it-twaqqif tal-mafkar lill-Poeta Nazzjonali fil-Furjana (2000), inħawi fl-Università msemmija għall-kittieba Maltin magħrufa (Sala Pietru Pawl Saydon, Sala Temi Zammit, Sala Erin Serracino Inglott, Pjazzetta Dun Karm u l-Atriju Vassalli), korsijiet speċjalizzati, tnedijiet ta’ kotba, il-pubblikazzjoni tas-Sensiela Vassalli u l-organizzazzjoni tal-konferenzi f’ġieħ Dun Karm u Mikiel Anton Vassalli.

Dawn huma l-għanijiet ewlenin tal-Għaqda:

  • Li taħdem għall-għarfien sħiħ tal-ilsien Malti u tal-kultura Maltija fl-oqsma kollha tal-ħajja Maltija, l-aktar fil-qasam tal-edukazzjoni.
  • Li tqanqal l-interess fost l-istudenti tal-Università u tal-iskejjel, mal-pubbliku inġenerali u mal-awtoritajiet, fl-istudju tal-Malti u tal-letteratura Maltija.
  • Li torganizza sessjonijiet ta’ programmi ta’ studju, kif ukoll programmi ta’ qari ta’ xogħlijiet letterarji Maltin u tippromwovi kull manifestazzjoni/rappreżentazzjoni bil-Malti.
  • Li tfakkar awturi Maltin jew oħrajn li kitbu bil-Malti, waqt li tgħin fil-qawmien tal-letteratura kontemporanja.
  • Li tgħin lill-istudenti biex jiksbu ħila akbar fl-arti tal-kitba u biex jippubblikaw xogħlijiet tagħhom.

Pubblikazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Leħen il-Malti (ir-rivista, 1931 – );
  • Tagħlim il-Malti fl-imgħoddi u llum (1932);
  • Ward ta’ Qari Malti (tliet volumi: 1936; 1937; 1940);
  • Il-Musbieħ (ċirkulari, 1972);
  • Min-Nixxiegħa (ċirkulari, 1977);
  • Ir-Rabta bejn l-Awtur u s-Soċjetà, ed. Joseph Borg (1996);
  • Storja tal-Ilsien u tal-Letteratura Maltija – kronoloġija selettiva, Mario Cassar (2002);
  • Sensiela Vassalli: Dawl ġdid fuq Vassalli, ed. Olvin Vella (2004);
  • Sensiela Vassalli: L-edukazzjoni għall-Illuminiżmu f’Vassalli, Joseph P. Borg (2004);
  • Ħabbar l-Għaqda tal-Malti (Università) (ċirkulari 1989-2000);

ittrAħbar (ċirkulari 2006-2017);

  • Ġużè Bonnici – in-novelli (2007);
  • Piccolo Dizionario – Vincenzo Azopardi (ed. Frans Sammut, 2009).

Attivitajiet u proġetti ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Silenzju! – hawn nitkellem jien biss! (serata letterarja 6-7.3.1990);
  • Kommemorazzjoni f’għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Ġużè Bonnici (Mużew tal-Arkeoloġija, 4.05.1990);
  • Kommemorazzjoni f’għeluq is-60 sena tat-twaqqif tal-Għaqda u l-20 sena mill-mewt ta’ Rev. Prof. P.P. Saydon (+ kxif ta’ lapida għas-sala msemmija għalih, l-Università ta’ Malta, 22.02.1991);
  • Kommemorazzjoni f’ġieħ Temi Zammit (+ kxif ta’ lapida għas-sala msemmija għalih, l-Università ta’ Malta, 10.05.1991);
  • Kungress Letterarju: Il-letteratura Maltija mis-snin sittin ’l hawn (il-Halland Hotel, Tal-Ibraġ, 17.04.1993);
  • Bust ta’ Dun Karm fil-pjazzetta msemmija għall-Poeta Nazzjonali (l-Università ta’ Malta, 26.10.1993);
  • Kommemorazzjoni f’ġieħ Erin Serracino Inglott (+ lapida u preżentazzjoni ta’ bas-relief għas-sala msemmija għalih, l-Università ta’ Malta, 1.12.1993);
  • Fiera tal-Ktieb Malti (bil-konferenza Quo Vadis il-Ktieb Malti?) fis-Sala Robert Samut, il-Furjana, (24-26 ta’ Frar 1994);
  • Kommemorazzjoni Francis Ebejer (+ lapida għas-sala msemmija għalih, l-Università ta’ Malta, 3.06.1994);
  • Kungress Letterarju: Ulied in-Nanna Venut fl-Ewropa (fil- Phoenicia Hotel, (24-25 ta’ Novembru 1994);
  • Merħba – programm letterarju mir-Radju tal-Università (1996);
  • Il-mafkar lill-Poeta Nazzjonali Dun Karm fil-Furjana (1989-2000);
  • Il-Konferenza Vassalli (Atriju Vassalli, l-Università ta’ Malta, 3.07.2002);
  • Il-Konferenza Dun Karm, il-Bibljoteka, l-Università ta’ Malta (8.11.2002);
  • Lejla f’ġieħ Ġan Anton Vassallo fil-Kalkara (26.08.2003);
  • Il-Konferenza Vassalli (Palazz ta’ Sant’Anton, 15.10.2004);
  • Ilħna mill-Imgħoddi – programm letterarju f’sensiela mxandar minn Campus FM (2005);
  • Il-Kotra u Jien – sensiela ta’ taħditiet (Dar l-Istudent, l- Università ta’ Malta,22.03.2006);
  • Diġitalizzazzjoni tar-reel tapes tad-Dipartiment tal-Malti (2005);
  • Il-Konferenza Vassalli (Triq Mamo, Ħaż-Żebbuġ, 27.10.2006);
  • Sit elettroniku interattiv (2006): www.ghaqdatalmalti.org
  • Korsijiet: Kors fis-Sengħa tal-Kitba (Marzu-April 1992); Kors fil-Kitba Kreattiva (Frar-April 1993); Kors fil-Kitba Letterarja (Diċembru 1993-Mejju 1994);

Tnedijiet ta’ kotba

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Ħolma Maltija – Frans Sammut (4.03.1994);
  • Frekwenzi ta' Spirti fis-Sakra – ko-awturi;
  • Poeżiji – Achille Mizzi;
  • Newbiet – Frans Sammut;
  • Sajonara – Victor Fenech (7.04.2000);
  • Provenz – Trevor Żahra (7.04.2000);
  • Francesco Vella (1793-1868) – Prof. Arnold Cassola (6.06.2003);
  • Ħaġa Moħġaġa u Taħbil il-Moħħ Ieħor – Ġużè Cassar Pullicino (17.12.2003);
  • Dawl ġdid fuq Vassalli – Olvin Vella (editur) (23.04.2004);
  • Frans Sammut dwar ‘The Da Vinci Code’ (Radisson Baypoint Hotel, San Ġiljan, 27.05.2006);
  • Mikiel Anton Vassalli – Għajdun il-Għaqal, Kliem il-Għerf u Qwiel Maltin – Frans Sammut (ed.) (Dar il-Mediterran, 17.11.2006);
  • Ġużè Bonnici – in-novelli – Għaqda tal-Malti (Fiera tal-Ktieb, Sala Sir Temi Zammit, Dar il-Mediterran, 18.11.2007).

____________________

Nhar il-21 ta’ Novembru 2005 saret Laqgħa Ġenerali Straordinarja li għaliha attendew għadd ta’ studenti universitarji b’ħeġġa u determinazzjoni li l-Malti jarawh jikber, jisseddaq u jieħu postu fl-oqsma kollha fil-ħajja Maltija. U bir-raġun, għax il-Malti għadu mhux ilsien nazzjonali kif xieraq li jkun, minkejja l-libsa uffiċjali li għandu fil-Kostituzzjoni tagħna u minkejja l-għarfien li kiseb mill-Unjoni Ewropea.

Ftit xhur wara, fis-26 ta’ Jannar 2006 l-Għaqda għalqet 75 sena mit-twaqqif tagħha. F’dik l-istess sena ħabat għeluq iċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Rużar Briffa, il-ko-fundatur tagħna, u bl-inizjattiva tal-Għaqda l-Maltapost ħarġet timbru postali fis-16 ta’ Jannar, jum twelidu. Jum qabel, l-Għaqda organizzat korteo fiċ-ċimiterju tal-Addolorata sa fuq qabru u ftit ġimgħat wara, nhar it-22 ta’ Frar 2006 – jum mewtu – lill-poeta kkommemorajnieh b’serata organizzata bejn l-Għaqda u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol fis-Sala Robert Samut, il-Furjana.

Fl-1 ta’ Marzu 2006 saret Laqgħa Ġenerali Straordinarja oħra din id-darba biex l-istatut jingħata bixra aħjar u aktar xierqa għal żminijietna. Fost oħrajn, l-Għaqda żżejnet b’emblema ġdida.

Ħidma importanti ħafna li saret mill-kumitat kienet il-bini ta’ websajt ġdida, aċċessibbli u tassew vetrina għal kull min irid jikseb tagħrif fuq l-Għaqda u l-Malti. Il-websajt tagħna llum iżuruha numru kbir ta’ studenti li jkunu qed jirriċerkaw xi qasam jew ieħor tal-Malti. Bdejna noħorġu ċirkulari ġdida, din id-darba elettronika, bl-isem ittrAħbar biex inżommu lill-membri tagħna (u anke dawk li mhumiex imsieħba magħna) aġġornati bl-attivitajiet tal-Għaqda.

F’Marzu u April organizzajna t-taħditiet fis-sensiela Il-Kotra u Jien. F’dawn it-taħditiet ħadu sehem uħud mill-aqwa esponenti tal-letteratura tagħna: Rev. Prof. Peter Serracino Inglott, Prof. Joe Friggieri, Prof. Joseph M. Brincat, Dr Marco Galea, Dr Charles Briffa, Dr Rena Balzan, Frans Sammut, Achille Mizzi, Vincent Vella, Maria Grech Ganado, Alfred Buttigieg u Ġużè Stagno.

Nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju 2006 l-Għaqda tal-Malti nidiet il-ktieb Frans Sammut Dwar The Da Vinci Code fir-Radisson Baypoint Resort bis-sehem tal-Professur Peter Serracino Inglott, Dun Norbert Ellul-Vincenti u s-Sur Charles Flores. L-Għaqda nidiet ktieb ieħor nhar l-20 ta’ Novembru 2006 – il-ktieb bil-poeżiji miġbura ta’ Sir George Borg, Viator Errans, tnedija li saret bi sħab mal-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin. It-tnedija, patronizzata mir-Rettur tal-Università saret fil-Bibljoteka tal-Università, Tal-Qroqq.

Fis-27 ta’ Ottubru 2006 inżamm l-appuntament ma’ attività importanti li ssir kull sentejn: il-Konferenza Vassalli, din id-darba b’sejbiet ġodda fuq Missier l-Ilsien Malti mill-istoriku Karmenu Bonavia bis-sehem ta’ Merga u l-Gukulari Ensemble. Jumejn wara ħadna sehem fiċ-ċerimonja ta’ Jum Dun Karm li saret fid-29 ta’ Ottubru biswit il-mafkar fil-Furjana.

L-appuntament tagħna fil-Fiera tal-Ktieb tal-2006 kien mill-ġdid marbut ma’ Mikiel Anton Vassalli bil-ktieb ta’ Frans Sammut Għajdun il-Għaqal, Kliem il-Għerf u Qwiel Maltin – it-traduzzjoni tal-Motti, Aforisimi e Proverbii Maltesi (1828). Dan sar fis-17 ta’ Novembru 2006 bis-sehem tal-Prim Imħallef Emeritus Prof. Giuseppe Mifsud Bonnici u Prof. Manwel Mifsud flimkien mat-traduttur.

Matul is-sena 2006 tajna sehemna wkoll fil-ħruġ tas-CD ta’ Walter Micallef, fil-Mafkar ta’ Karmenu Vassallo u Patri Ġużè Delia u Thomas Pace ħa ħsieb il-verżjoni Maltija tal-websajt tal-Kunsill Studenti Università (KSU). Ħadna sehem ukoll fil-funeral ta’ Ġużè Chetcuti, benefattur tal-Għaqda tagħna u ħabib intimu tal-kofundatur tagħna, Ġużè Bonnici.

F’għadd 31 ta’ Leħen il-Malti, jidher id-diskors ta’ Marcel Zammit Marmarà li nstema’ dakinhar tal-kxif tal-mafkar f’ġieħ Karmenu Vassallo u ppubblikajna wkoll l-omelija ta’ Mons. Victor Grech fil-funeral ta’ Ġużè Chetcuti. Minn din il-ħarġa ħsibna li nagħtu libsa ġdida lir-rivista u l-kitbiet ikunu magħżula f’żewġ taqsimiet: kitbiet letterarji u kitbiet akkademiċi. Din il-ħarġa tiċċelebra ċ-ċentinarji li semmejna b’taħdita li saret mill-Prof. John Rizzo Naudi dwar il-karriera medika ta’ Rużar Briffa nhar it-22 ta’ Frar 2006 u l-istudju ta’ Dr Charles Briffa fuq Lejn ix-Xemx, l-aħħar rumanz li kiteb Ġużè Bonnici. Il-qarrejja jsibu wkoll kitba interessanti fuq Ġużeppi Pulis Montebello li flimkien ma’ Franġisku Vella tana l-ewwel żewġ kotba kompletament bil-Malti. F’dawn il-folji hemm ukoll il-ġenesi tar-rumanz It-Tfal Jiġu bil-Vapuri mill-awtur stess. Prof. Oliver Friggieri jaqsam magħna x’wasslu jikteb rumanz li fil-wiċċ jidher sempliċi iżda fil-fatt jixtarr temi mill-aktar eżistenzjali.

It-taqsima letterarja tiftaħ b’dawk li nemmnu li huma l-aħħar poeżiji li baqgħu mxerrdin ta’ Dun Karm, fosthom bl-Ingliż u aktarx l-unika poeżija tiegħu bl-Esperanto. Dawn jikkumplimentaw l-aħħar pubblikazzjoni tal-Prof. Oliver Friggieri b’rabta mal-poeta nazzjonali – il-ġabra sħiħa ta’ poeżiji bit-Taljan, Dun Karm – Le Poesie Italiane (2007). Ix-xogħlijiet l-oħra li qed nippreżentaw huma xhieda ta’ kontinwità minn ġenerazzjonijiet differenti.

Fil-bidu tas-sena 2007 bdejna naħdmu għall-kommemorazzjoni ta’ Ġużè Bonnici f’għeluq il-100 sena minn twelidu. It-tifkira tal-ko-fundatur tagħna bdiet sewwasew fl-14 ta’ Awwissu 2007 meta l-Bureau Filateliku tal-Maltapost ħareġ it-timbru postali f’ġieħu f’jum twelidu fuq inizjattiva kollha kemm hi tagħna. Ħsibna wkoll biex niġbru n-novelli kollha ta’ Ġużè Bonnici li kienu baqgħu mxerrdin u nippubblikawhom mill-ġdid fi ktieb. Inġabru l-fondi meħtieġa u wara xhur sħaħ ta’ ħidma bla waqfien, riċerka u konsultazzjoni saret it-tnedija tal-ktieb fit-18 ta’ Novembru 2007 fil-Fiera tal-Ktieb, f’Dar il-Mediterran taħt il-patroċinju tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Dan il-ktieb jinkludi wkoll studju tal-Prof. Oliver Friggieri u għall-ewwel darba dehret Il-Miġnuna – it-traduzzjoni tan-novella La Pazza, maqluba għall-Malti minn Dott. Mark A. Sammut.

L-Għaqda għamlet żjara ta’ kortesija lill-President Emeritus, Sir Anthony Mamo li jinsab rikoverat f’Dar l-Arkati, Il-Mosta. Din saret fis-26 ta’ Jannar 2007, f’jum it-twaqqif tal-Għaqda u fiha Sir Anthony Mamo għoġbu jaqsam magħna l-esperjenzi tiegħu fl-ewwel kumitat ma’ Ġużè Bonnici u Rużar Briffa li flimkien ma’ sħabhom waqqfu l-Għaqda tagħna 76 sena ilu.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]

Ħafna mill-informazzjoni ġiet miġbura minn Joseph P. Borg 03.06.2012