Aqbeż għall-kontentut

Francisco Goya

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Francisco Goya
pittur tal-familji nobbli

Ħajja
Twelid Fuendetodos (en) Translate, 30 Marzu 1746
Nazzjonalità Spanja
Residenza Quinta del Sordo (en) Translate
Grupp etniku Aragonese people (en) Translate
Mewt Bordeaux, 16 April 1828
Post tad-dfin Ċimiterju tax-Chartreuse
Ċimiterju ta' San Isidro, Madrid
Knisja ta' San Antonio de la Florida, Madrid
Familja
Missier José Benito de Goya y Franque
Omm Gracia de Lucientes y Salvador
Konjuga/i Josefa Bayeu (en) Translate
Ulied
Familja
Edukazzjoni
Alma mater Colegio de Santo Tomás de Aquino de las Escuelas Pías de Zaragoza
Real Academia de Nobles y Bellas Artes de San Luis (en) Translate
Royal Academy of Fine Arts of San Fernando (en) Translate
Lingwi Spanjol
Għalliema José Luzan (en) Translate
Joaquín Ibáñez de Jesús y María (en) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
tipografu
litografu
inċiżur
disinjatur
artist viżiv
Post tax-xogħol Madrid
Italja
Spanja
Madrid
Bordeaux
Ruma
Cádiz
Sivilja
Zaragoza
Xogħlijiet importanti La maja desnuda (en) Translate
San Bernardino ta' Siena jipprietka quddiem Alfonsu V ta' Aragona
Il-Kelb
Ritratt ta' of Don Ramón Satué
It-Tlieta ta' Mejju
La maja vestida
Caprichos (en) Translate
The last communion of St Joseph of Calasanz (en) Translate
The Second of May 1808 (en) Translate
General José de Palafox on Horseback (en) Translate
Portrait of Mariano Goya, the Artist’s Grandson (en) Translate
Portrait of Mariano Goya, the Artist's Grandson (en) Translate
Portrait of Mariano Goya (en) Translate
Our Lady of the Pillar (en) Translate
Adoration of the Name of God (en) Translate
Regina Martyrum (en) Translate
Influwenzat minn Hieronymus Bosch (en) Translate
Sħubija Real Academia de Nobles y Bellas Artes de San Luis (en) Translate
Moviment romantiċiżmu
Rococò
Moviment artistiku pittura ritratt
pittura mitoloġika
pittura tal-battalji
pittura storika
pittura reliġjuża
ritratt
pittura tal-ġeneru
natura mejta

Francisco José de Goya y Lucientes, (twieled fit-30 ta’ Marzu 1746, miet fis-16 ta’ April 1828) kien pittur u inċiżur Spanjol.

Awtoritratt ta’ Goya (1771-1775)

Francisco de Goya twieled Fuendetodos, qrib Saragoza, bin Gracia Lucientes (1785) u José de Goya (1781), mastru induratur f’Saragoza, impjegat tal-kanonċi tal-bażilka famuża tal-Pilar, li kienet qiegħda tiġi rrestawrata u msebbħa.

Formazzjoni u l-ewwel ordnijiet (1760-1775)

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żagħżugħ Francisco kien student ta’ José Luzán f’Saragoza fis-snin 1760, u għex ukoll Madrid, fejn bejn l-1763 u l-1766 weħel bosta drabi fl-eżami kompetittiv biex jidħol fl-Akkademja San Fernando, imwaqqfa fl-1752.

Il-ħajja tal-pittur fil-perijodu tas-snin 1766-1771 ma tantx nafu fuqha. Matul daż-żmien Goya aktarx baqa’ Madrid biex jipperfezzjona l-formazzjoni tiegħu taħt Francisco Bayeu (1734-1795), pittur ieħor minn Saragoza li kien igawdi l-patrunaġġ ta’ Raphaël Mengs u bis-saħħa tiegħu laħaq "pittur tal-Kamra tar-Re" fl-1767. Minkejja l-praspar ta’ żogħżitu imfakkra fil-korrespondenza tiegħu iktar tard f’ħajtu, Goya ipprofitta ruħu mill-qagħda tiegħu fil-belt kapitali biex jitgħallem mill-kapulavuri fil-kollezzjonijiet irjali u wkoll mill-“freschi” ta’ Tiepolo, mimlijin ħajja u dawl, fil-palazz irjali.
Wara li kien Ruma u Parma fl-1771 (fejn ħa sehem għalxejn fl-eżami kompetittiv biex jidħol fl-akkademja; ġie ikkritikat għall-“kuluri ma jaqblux”), mar lura Saragoza, fejn kiseb l-ewwel ordni. Fil-passi ta’ missieru, daħal jaħdem mal-kanonċi tal-Pilar li qabbduh iżejjen saqaf ta’ kappella. Dan l-affresk, li tlestat f’Lulju ta’ 1772, fetaħ it-triq għal ordnijiet oħra ta’ dan it-tip.

Fl-Lulju tal-1773 iżżewweġ 'l oħt Francisco Bayeu, Josefa Bayeu, li kellha 26 sena. Kellhom bosta ulied imma kollha mietu żgħar barra t-tieni wieħed fosthom: Francisco Javier, li twieled fit-2 ta’ Dicembru 1784.

Fis-servizz tal-familja Borbón ta’ Spanja (1775-1785)

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Umbrellina (1776-1778)

Fl-1775, Goya mar joqgħod Madrid (fejn għex bejn l-1779 u 1819, fit-triq Desengaño) u hemm kiseb, x’aktarx bl-indħil ta’ Bayeu, l-ewwel ordni importanti: xi kartuni (disinji għall-arazzi) għall-fabrika rjali ta’ Santa Barbara. Dawn l-arazzi, li kienu biex iżejnu l-kmamar tal-pranzu tal-prinċep ta’ l-Asturias (il-futur Karlu IV) fil-palazz ta’ l-Escorial u fil-Prado, ‘Il Goya ħadulu sa l-1778. Warajhom, bejn l-1778 u l-1780, kellu ordni ġdida tal-istess tip mill-istess Prinċep għall-arazzi għall-kamra tas-sodda u l-antikamra fil-Prado. Goya ġab il-permess biex jinċiża xi xogħlijiet ta’ Diego Velázquez u għamel xi inċiżjonijiet bl-aquatinta li malajr sar jaf bihom Karlu III. Dan l-istudju tax-xogħlijiet tal-pittur kbir tas-Seklu tad-Deheb kellhom influwenza qawwija fuq ix-xogħol ta’ Goya.

Meta beda jaħdem għall-familja rjali, Goya sar midħla tac-ċirku ta’ l-ilustrados, l-"intellettwali" progressisti influwenzati mill-idejat tal-Illuminiżmu. Hekk sar jaf il-ġurista Jovellanos, li kellu rabtiet ma’ Pedro de Campomanes u l-Konti ta’ Floridablanca (li Goya fl-1783 pinġa ritratt tiegħu bil-wieqfa), l-inċiżur Sepulveda u l-finanzier Bask, François Cabarrus.

Il-kanonċi tal-Pilar qabbduh ipitter waħda mill-koppli tal-Bażilka u dan qajjem l-għira ta’ Bayeu li, wara li talab ‘l ħatnu li jagħmel xi bidliet u dan ma riedx, mar jgħid lill-kanonċi bir-ras iebsa ta’ Goya li ġie imġiegħel jagħmilhom (1780-1781). Minħabba dan l-inċident Goya ma riedx ikollu x'jaqsam ma' Saragoza fejn ħatnu kellu ħafna qawwa.

Fl-1783 beda jaħdem għal Don Luis, ħu r-re, u pinġilu bosta ritratti tal-familja, fosthom il-Familja ta’ Don Luis (1784), ritratt ta’ grupp imdawwal b’mod intimu “chiaro-oscuro” ispirat minn Rembrandt. Don Luis miet is-sena ta’ wara, imma Goya sab patrun ieħor fil-persuna tal-markiż de Peñafiel, il-futur duka ta’ Osuna, li mpjegah bosta drabi. Bis-saħħa tal-patruni qawwijin li kellu, fl-4 ta’ Mejju 1785, laħaq direttur inkarigat tal-pittura fl-Akkademja ta’ San Fernando.

Il-pittur tar-re (1786-1808)

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Familja ta’ Karlu IV (1800)

Fil-25 ta’ Ġunju 1786, Goya nħatar pittur tar-re ta’ Spanja u ftit wara kiseb ordni ġdida għal kartuni għall-arazzi tal-kamra tal-pranzu rjali u l-kamra tas-sodda tat-tfal fil-Prado. Din il-biċċa xogħol li ħadietlu sa’ 1792, tagħtu ċ-ċans li jdaħħal xi aspetti ta’ satira soċjali (dawn jidhru ċari f’ It-Trajbu u f Iż-Żwieġ) li kienu diġà mbegħdin sewwa mix-xeni galanti u pjaċevoli tal-kartuni mwettqa fis-snin 1770. Fl-1788, it-tlugħ fuq it-tron ta’ Karlu IV u martu María Luisa (li għalihom ħadem sa l-1775) saħaħ il-pożizzjoni ta’ Goya fil-Qorti, u dawn gegħluh jaċċetta t-titlu ta’ pittur tal-Kamra mis-sena ta’ wara. Fl-istess ħin minħabba l-inkwiet fuq ir-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1798 (li Goya u ħbiebu kienu jaqblu ma’ xi idejat tagħha), ir-re fl-1790, dar kontra l-Ilustrados: Cabarrus kien arrestat, Jovellanos eżiljat, u Goya kien temporanjament imkeċċi mill-Qorti.

F’Novembru ta’ l-1792 Goya marad gravi waqt vjaġġ lejn Cadiz (jista’ jkun kienet forma ta’ meninġite). Wara bosta xhur marid li ħallewh għal xi żmien parzjalment paralizzat, baqa’ dgħajjef u ttarrax għal kollox.

Wara l-mewt ta’ ħatnu Bayeu, fl-1795, li kien l-Ewwel Pittur tal-Kamra tar-Re, Goya talab li dan it-titlu jingħata lilu. Dan ma sarx imma fl-istess żmien, inħatar direttur tal-pittura fl-Akkademja San Fernando. Kellu jitlaq din il-kariga sentejn wara minħabba saħħtu. Fl-istess sena ltaqa’ mad-Dukessa t’Alba li pinġa bosta ritratti tagħha u li jgħidu li kienet il-maħbuba tiegħu (dan l-għidut hu bbażat fuq il-fatt li kienu flimkien f’Sanlúcar de Barrameda fl-Andalusja).

Kien bejn is-sekli li Goya wettaq il-kapulavuri l-iżjed magħrufa tiegħu. Fost dawn ikollna nsemmu bosta ordinijiet irjali, kif ukoll il-koppla tal-kappella rjali ta’ San Antonio de la Florida, f’Madrid (1798) u r-ritratt famuż tal-grupp tal-Familja ta’ Karlu IV (1800), fejn il-pittur jagħti tislima lil Las Meninas de Velázquez. F’dak iż-żmien kien fil-quċċata tal-karriera tiegħu u fl-aħħar ingħata t-titlu ta’ L-Ewwel Pittur tal-Kamra biex jippremjawh għax-xogħol tiegħu. Kien jaħdem ukoll għall-ambizzjuż Godoy, lil-maħbuba tiegħu Goya immortalizzaha fil-pittura mġammra, Maja għarwiena (lejn 1799-1800). Fl-istess ħin li kien fil-quċċata tal-karriera tiegħu, Goya kien qiegħed juża ċertu ngann: Il-Kapriċċi (Los Caprichos), ġabra ta’ inċiżjonijiet bl-aquaforte u bl-aquatinta ippublikati fi Frar ta’ l-1799, ġew ċensurati taħt il-pressjoni mill-Inkwiżizzjoni. L-artista fihom żellaq, qalb ix-xbihat sinistri u enigmatiċi, fejn ħallat id-drawwiet u l-festi tal-poplu mal-fantastiku preromantiku, attakki vjolenti kontra l-arkaiżmu tas-soċjetà Spanjola fejn l-Knisja fis-sbieħ tas-seklu XIX kienet għadha toħnoq kull libertà.

Il-maja għarwiena, 1790-1800.
Il-maja liebsa, 1802-1805.

Is-snin suwed (1808-1828)

[immodifika | immodifika s-sors]

L-invażjoni Franċiża ta’ l-1808 kellha influwenza tal-qofol fuq il-ħajja ta’ l-artista. Billi kien favur l-ideat liberali li ġabu magħhom il-Franċiżi imma kien kontra tagħhom fejn jidħol il-patrijotiżmu, Goya dam jaħsibha għal xi żmien jekk iżommx mar-reżistenza immexxija mill-Ġunta ċentrali ta’ Sivilja jew ma’ l-idejat ta’ l-1789 li ġab ir-re Joseph, ħu Napuljun. Fis-sena 1810, li matulha beda jinċiża Id-diżastri tal-Gwerra, akkuża ħarxa kontra l-kifrija Franċiża, kien qiegħed ipinġi ritratt ta’ Joseph I. Dan juri li-ġlieda li kien iħoss fih innifsu u li ftit snin wara kisbitlu l-fama ta’ afrancesado.
F’Ġunju ta’ l-1812, martu, Josefa Bayeu, mietet ta’ 65 sena. Xahrejn wara, il-forzi Ingliżi taħt Wellington daħlu Madrid. Goya pinġa r-ritratt ta’ dak li rebaħ lill-Franċiżi u wera li kien kontra l-Franċiżi li kienu okkupaw 'l pajjiżu u li kien jappoġġa l-leġitimità nazzjonali (u, fuq kollox, liberali) immexxija mill-Cortes u l-Kunsill ta’ Cadiz. Hekk, meta dawn l-istituzzjonijiet organizzaw konkors biex ifakkru l-qawmien tal-Madrileni fit-2 ta’ Mejju 1808, Goya malajr ipproponi li jipperpetwa permezz tal-pinzell l-atti l-iżjed notevoli u erojċi tar-rewwixta glorjuża tagħna kontra t-tirann ta’ l-Ewropa. Hekk fl-1814 pinġa ż-żewġ pitturi famużi It-Tnejn ta’ Mejju u It-Tlieta ta’ Mejju (1814).

It-Tnejn ta’ Mejju 1814
It-Tlieta ta’ Mejju 1814

Ir-ritorn mill-eżilju ta’ Ferdinandu VII kien fl-istess ħin ħonoq kull tama ta’ monarkija kostituzzjonali u liberali li Goya kien jappoġġa. Waqt li żamm il-post ta’ L-ewwel pittur tal-Kamra tar-re, Goya ħażditu r-reazzjoni iebsa li ħraxet wara li l-korp spedizzjonarju Franċiż fl-1823 kisser il-liberali. Issikkat mill-Inkwiżizzjoni għax kien pinġa l-Maja għarwiena ta’ Godoy, milqut mill-ġdid mill-mard, qalbu maqtugħa bil-politka reazzjonarja tar-re li kien qiegħed jimpjegah, Goya esprima l-inkwiet u d-delużjonijiet tiegħu fil-famużi "Pitturi suwed" li kienu jżejnu l-ħitan tad-"Dar tat-Trux" (li kienet barra Madrid u li l-pittur kien xtara fl-1819).

Dan l-ambjent ikraħ jispjega għaliex Goya, taparsi minħabba saħħtu telaq minn Spanja fl-24 ta’ Ġunju 1824 biex imur joqgħod Bordeaux, fejn kienu eżiljati afrancesados liberali oħra. Ma damitx ma marret toqgħod miegħu Leocadia Weiss u t-tifla tagħha, Rosario (Goya kien għex ma’ Leocadia mill-1813 u x’aktarx Rosario kienet bintu). Kien f'dan l-eżilju fi Franza li wettaq il-kollezzjoni ta’ litografi fuq is-suġġett tal-corrida bit-titlu It-Barrin ta’ Bordeaux (1825) li segwiet is-sensiela fuq il-Corrida li kienet dehret fl-1816.


Goya miet fl-età ta’ 82 sena, f’Bordeaux fil-lejl tal-15 t’April 1828.

Xi Xogħlijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Glorja, 1771, (knisja tal-Kartużjani ta' Aula Dei)
  • L-umbrellina, 1777, (Mużew tal-Prado), arazzi, pittura
  • Id-Dukessa ta’Osuna, 1888
  • Don Manuel Osorio de Zuniga, 1788, (New york, Metropolitan Museum of Arts)
  • Il-Markiża de la Solana, 1793, (Mużew tal-Louvre)
  • Awtoritratt, 1794 (Castres, Mużew Goya)
  • Id-Dukessa t’Alba bit-tifla sewda żgħira li kienet addottat, disinn 1796-1797, (Mużew tal-Prado)
  • Ferdinand Guillemardet, 1798, (Mużew tal-Louvre)
  • Il-Miraklu tal-Qaddis, 1798, fresco fil-koppla tal-knisja ta’ San Antonio de la Florida.
  • Il-Kuraġġjuż Rendon iniggeż il-barri, sensiela fuq il-Corrida, (Museum of Fine Arts, Boston)
  • Il-Familja ta’ Karlu IV, 1801, (Mużew tal-Prado)
  • Il-Majas fil-gallarija, 1810, (New York, Metropolitan Museum of Arts)
  • Il-mara bl-imrewħa, 1805-1810, (Mużew tal-Louvre)
  • Dona Isabel Cobos de Porcel; 1806, (National Gallery Londra)
  • Señora Sabasa y García, 1808, (Washington, National Gallery)
  • Il-Kolossu, 1808, (Mużew tal-Prado)
  • Maja Liebsa, (1797-1799)
  • Maja Għarwiena, 1800, (Mużew tal-Prado)
  • Mara qiegħda taqra ittra, 1814-1818, (Mużew ta’ Lille)
  • It-Tnejn ta’ Mejju, jew (it-2 ta’ Mejju f’Madrid) 1814, (Mużew tal-Prado)
  • It-Tlieta ta’ Mejju, jew (it-3 ta’ Mejju f’Madrid) 1814, (Mużew tal-Prado)
  • Dehra Fantastika (pittura sewda), (1819), (Mużew tal-Prado)
  • Is-Sabat tas-sħaħar (pittura sewda), 1820, (Mużew tal-Prado)
  • Il-Ħallieba ta' Bordeaux, 1827, (Mużew tal-Prado)
  • Il-Kontessa de Chinchon, 1800
  • 43 arazzi maħdumin fil-fabrika rjali ta’ Santa Barbara (mill-1775 sa l-1792), (Mużew tal-Prado)

Inċiżjonijiet u Disinji

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Id-diżastri tal-Gwerra, 1810
  • Il-Kolossu, 1815, Pariġi, Bibliothèque Nationale
  • Il-Bandla, 1798, disinn (New york, Metropolitan Museum of Arts)
  • L-irqad tar-raġuni jwelled il-mostri ("El sueño de la razon produce monstruos"), 1797-1798, sensiela il-Kapriċċi, (Boston, Museum of Fine Arts)
  • Pariri Sbieħ, sensiela il-Kapriċċi, 1793-1798

Gallerija Awtoritratti

[immodifika | immodifika s-sors]

Ħoloq Esterni

[immodifika | immodifika s-sors]