Ir-Rivoluzzjoni Franċiża

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

(Riindirizzat minn Rivoluzzjoni Franċiża)
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Ir-Rivoluzzjoni Franċiża (1789–1799) kienet perjodu ta' diżordni soċjali u politika fl-istorja ta' Franza, li matulu l-istruttura governattiva Franċiża, li qabel kienet taħt forma ta' monarkija assoluta bi privileġġi fewdali għall-aristokrazija u l-kleru Kattoliku, inbidlet radikalment għal forom ibbażati fuq il-prinċipji tal-Illuminiżmu dwar in-nazzjonaliżmu, iċ-ċittadinanza, u drittijiet inaljenabbli.

Dan it-tibdil ġab miegħu disturbi vjolenti li jinkludu l-proċess u l-eżekuzzjoni tar-re, it-tixrid ta' demm u s-soppressjoni matul ir-Renju tat-Terrur, u gwerer li kienu jinvolvu qawwiet oħra Ewropej. Fost il-ġrajjiet oħra ta' wara li setgħu kienu r-riżultat tar-Rivoluzzjoni hemm il-Gwerer Napoleoniċi, żewġ restawrazzjonijiet separati tal-monarkija, u żewġ rivoluzzjonijiet oħra hija u tifforma Franza moderna.

Fis-seklu ta' wara, Franza kien iggvernata bħala repubblika, dittatura, monarkija kostituzzjonali, u żewġ imperi differenti.

Werrej

[editja] Kawżi

Id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Umani (1789)

Is-segwaċi tal-parti kbira mill-mudelli storiċi jidentifikaw ħafna mill-istess karatteristiċi tal-Ancien Régime fost il-kawżi tar-Rivoluzzjoni. Fost il-fatturi ekonomiċi kienu hemm il-karestija mifruxa fil-wisa' u l-malnutrizzjoni, li żiedu l-probabbilità ta' mard u mewt, u t-tbatija intenzjonata mill-ġuħ qalb l-aktar nies fqar fix-xhur ta' qabel ir-Rivoluzzjoni. Il-ġuħ infirex ukoll f'partijiet oħra tal-Ewropa. Kawża oħra kienet il-fatt li Luiġi XV kien iġġieled diversi gwerer, li bihom wassal lil Franza qrib il-falliment, u Luiġi XVI appoġġa l-kolonjalisti matul ir-Rivoluzzjoni Amerikana, u hekk tefa' lura l-kundizzjoni prekarja finanzjarja tal-gvern. Id-dejn nazzjonali laħaq madwar 2 biljun livres. Il-problemi soċjali maħluqin mill-gwerra li kienu jinkludu d-dejn kbir tal-gwerra, saru aktar agħar minħabba l-falliment militari tal-monarkija, l-inkompetenza, u n-nuqqas ta' servizzi soċjali għall-veterani tal-gwerra. Is-sistema finanzjarja ineffiċjenti u antikwata ma setgħetx tamministra d-dejn nazzjonali, ħaġa li kienet kemm ikkawżata u intensifikata mill-piż tas-sistema tat-taxxi. Kawża oħra kienet il-ħela sfrenata tal-klassi tan-nobbli. Minħabba n-numru kbir ta' nies qegħda u l-prezzijiet għolja tal-ħobż aktar flus bdew jintefqu fuqu u għalhekk inqas f'sezzjonijiet oħra tal-ekonomija. Il-Knisja Kattolika, l-ikbar sid tal-art fil-pajjiż, imponiet taxxa fuq il-ħsad, magħrufha bħala d-dieċmi jew l-għexur. Waqt li din it-taxxa taffiet il-ħruxija taż-żieda fit-taxxi mill-monarkija, tefet għall-agħar il-qagħda miżera tal-foqra li kuljum kellhom iħabbtu wiċċhom mal-ġuħ u l-għaks.

Kien hemm ukoll fatturi soċjali u politiċi, li ħafna minhom kienu jinvolvu l-fatt li n-nies kienu mxebbgħin b'ħafna affarijiet u kellhom aspirazzjonijiet ġodda. Il-miġja tal-ideali tal-Illuminiżmu iffokat dan it-tgergir u dawn ix-xewqat. Naraw li n-nies kienu xebgħu għall-aħħar mill-assolutiżmu rjali, il-klassi ambizzjuża tal-professjonisti u merkanti, li ħafna fosthom kienu jafu kif kienu jgħixu nies bħalhom fil-Pajjiżi Baxxi u l-Gran Brittanja, kienet imdejqa bil-privileġġi tan-nobbli u d-dominanza tagħhom fil-ħajja pubblika, il-bdiewa, il-ħaddiema u l-borgeżija kienu xebgħu mill-privileġġi tradizzjonali ta' seigneurs li kellhom in-nobbli, kienu mxebbgħin bil-privileġġi tal-kleru (antikleriċiżmu) u kienu jaspiraw għal-libertà tar-reliġjon, u l-kleru baxx rurali kien imdejjaq bl-isqfijiet aristokratiċi, il-minoranzi kbar ta' Protestanti kellhom mibgħeda kontinwa għall-ħakma mill-knisja Kattolika u l-influwenza li kellha fl-istituzzjonijiet kollha. Kien hemm xewqa kbira għal-libertà u (speċjalment meta bdiet sejra l-quddiem ir-rivoluzzjoni) għar-repubblikaniżmu, u rabja kbira kontra r-Re talli keċċa lil Jacques Necker u lil A.R.J. Turgot minn kunsillieri finanzjarji, hekk kif dawn kienu meqjusa min-nies bħala rappreżentanti tal-poplu.

[editja] Qabel ir-Rivoluzzjoni

[editja] Kriżi finanzjarja

Luiġi XVI tela' fit-tron qalb kriżi finanzjarja; il-pajjiż kien qrib il-falliment u kull sena kien qed jikber l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ. Dan kien minħabba l-involviment ta' Franza kemm fil-Gwerra tas-Seba' Snin u l-parteċipazzjoni fir-Rivoluzzjoni Amerikana.[1] F'Mejju tal-19976, il-Ministru tal-Finanzi Turgot tkeċċa, wara li ma baqax favorit. Is-sena ta' wara, inħatar bħala Direttur-Ġenerali tal-Finanzi l-Iżvizzeru Jacques Necker. Hu ma ġiex inkarigat bħala ministru minħabba li kien Protestant, u ma setax isir ċittadin naturalizzat Franċiż. Necker fehem li s-sistema tat-taxxa tal-pajjiż ma kinitx qed titmexxa b'mod ġust; numru kbir ta' privileġġi kienu jeżistu għan-nobbli u l-kleru. Hu argumenta li l-pajjiż ma setax jiġi ntaxxat aktar, li l-nobbli u l-kleru ma jkunux dispensati mit-taxxi, u ppropona li l-problemi fiskali tal-pajjiż setgħu jiġu solvuti biss permezz tas-self. Necker ippubblika rapport biex l-istqarrija tiegħu, li kienet tistima li d-defiċit kien se jkun ta' madwar 36,000 livres, iqawwiha; u ppropona li jiġi ristrett il-poter tal-parlement fuq l-ispiża. Dawn il-proposti xejn ma ntlaqgħu tajjeb mill-ministri tar-Re, u Necker, li kien qed jittama li jsaħaħ il-pożizzjoni tiegħu, argumenta li jkun aċċettat bħala ministru. Ir-Re irrifjuta; Necker tkeċċa u minfloku daħal Charles Alexandre de Calonne.

Calonne għall-bidu beda jonfoq liberament, però mal-ewwel induna bis-sitwazzjoni finanzjarja kritika u ppropona kodiċi ġdida tat-taxxi. Il-proposta kienet tinkludi taxxa konsistenti fuq l-art, li kienet tinkludi taxxa fuq in-nobbli u l-kleru, u l-laqgħa tal-Istati Ġenerali ġiet ippjanata għal Mejju tal-1978; sinjal li l-monarkija ta' Borbon ma baqgħetx aktar assoluta.

[editja] Stati Ġenerali tal-1789

L-Istati Ġenerali kienet organizzata fi tliet stati, rispettivament: il-kleru, in-nobbli, u l-kumplament ta' Franza. Il-Parlement ta' Pariġi beża' li l-gvern jipprova jimmanipola lil assemblea biex jikseb il-voti. B'hekk, huma kellhom bżonn li l-Istati jiġu rranġati bħal fl-1614: kull "Stat" kellu vot wieħed, u kwalunkwe żewġ stati setgħu jegħlbu lit-tielet wieħed. Ir-regoli tal-1614 kienu differenti minn dawk tal-assemblei lokali, fejn f'dawn tal-aħħar kull membru kellu vot wieħed u l-isħubija mat-tielet stat kienet irduppjata. F'Dauphiné l-istati qablu li: jirduppjaw it-tielet stat, li jżommu elezzjonijiet ta' sħubija, u li jagħtu vot kull persuna. Il-"Kumitat tat-Tletin", grupp ta' liberalisti minn Pariġi, argumentaw li l-Istati Ġenerali għandha timplimenta l-istess mekkaniżmu wżat f'Dauphiné. Huma kienu jemmenu li n-nies huma s-sovrani. Necker għaqqad it-Tieni Assemblea tan-Notabbli, li irrifjutat il-mozzjoni ta' rappreżentazzjonijiet doppja b'vot ta' 111 għal 333. Ir-Re, madanakollu, fis-27 ta' Diċembru qabel mal-proposta; imma, hu ħalla d-diskussjoni fuq il-piż ta' kull vot lill-Istati Ġenerali stess.

L-elezzjonijiet saru fir-rebbiegħa tal-1789; id-dritt tal-vot ingħata lil dawk li kellhom aktar minn 25 sena u li kienu jħallsu aktar minn 6 livres f'taxxi. Kien hemm numru kbir ta' votanti li ppoduċew 1,201 delegat, li kienu jinkludu 291 nobbli, 300 kleru, u 610 membri tat-Tielet Stat. Biex jidderiġi lid-delegati, il-"Kotba tal-oġġezzjonijiet" (cahiers de doléances) ġew magħmula biex jiġu elenkati l-problemi. Il-kotba artikulaw ideat li sa xhur qabel kienu jidhru bħala radikali; madanakollu, ħafna kienu favur is-sistema ta' monarkija. Ħafna assumew li l-Istati Ġenerali kienu se japprovaw taxxi futuri, u li l-ideali tal-Illuminiżmu kienu relattivament rari. Pamfletti minn kleru u nobbli liberali bdew jixterdu wara li tnaqqset iċ-ċensura tal-istampa. L-Abbé Sieyès argumentaw fuq l-importanza tat-Tielet Stat fil-pamflet Qu'est-ce que le tiers état? (X'inhu t-Tielet Stat?), ippublikat f'Jannar tal-1789. Dan kien jgħid: "X'inhu t-Tielet Stat? Kollox. X'ġara s'issa fl-ordni politika? Xejn. Xi trid tkun? Xi ħaġa.

[editja] Ħoloq esterni


Żball fl-użu tar-referenzi: <ref> tags exist, but no <references/> tag was found