Aqbeż għall-kontentut

Artemisia Gentileschi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Artemisia Gentileschi
pittur tal-familji nobbli

Ħajja
Twelid Ruma, 8 Lulju 1593
Nazzjonalità Italja
Grupp etniku Taljani
Mewt Napli, 1653
Familja
Missier Orazio Gentileschi
Omm Prudenzia di Ottaviano Montoni
Konjuga/i Pierantonio Stiattesi (en) Translate
Aħwa
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Għalliema Orazio Gentileschi (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
artist
Post tax-xogħol Firenze
Genova
Ruma
Venezja
Napli
Xogħlijiet importanti Judith Slaying Holofernes (en) Translate
Adoration of the Magi (en) Translate
Judith and her Maidservant (en) Translate
Susanna and the Elders (en) Translate
Allegory of Inclination (en) Translate
Self-Portrait as a Female Martyr (en) Translate
Sħubija Accademia delle Arti del Disegno (en) Translate
Moviment Caravaggisti (en) Translate
Moviment artistiku ritratt
pittura reliġjuża
pittura storika
pittura mitoloġika

Artemisia Gentileschi (Ruma, 8 ta' Lulju 1593Napli, 1656) kienet pittriċi Taljana tal-Barokk bikri, illum meqjusa bħala l-aqwa fost il-pitturi tal-ġenerazzjoni influwenzata minn Caravaggio. Fi żmien meta n-nisa ma tantx kienu aċcettati fil-komunità artistika, kienet l-ewwel pittriċi li saret membru tal-Accademia delle Arti del Disegno ta' Firenze.

Kienet l-ewwel artista mara li pinġiet pitturi storiċi u reliġjużi, fi żmien meta n-nisa ma kinux meqjusa kapaċi biżżejjed għal dawn is-suġġetti erojċi.

Artemisia Gentileschi twieldet Ruma fit-8 ta' Lulju, 1593, l-ewwel mill-ulied tal-pittur Toskan Orazio Gentileschi. Artemisia bdiet titgħallem il-pittura fil-ħanut tax-xogħol ta' missierha, fejn uriet ħafna iżjed talent minn ħutha s-subien, li kienu jaħdmu magħha. Hemm tgħallmet id-disinn, it-taħlit taż-żebgħa u l-pittura. Billi l-istil ta' missierha kien ispirat minn Caravaggio matul dak il-perjodu, l-istil tagħha kien influenzat sewwa minnu wkoll. Imma hi affrontat is-suġġett b'mod differenti minn dak ta' missierha, billi l-pitturi tagħha huma ħafna iżjed naturalisti minn ta' Orazio li huma idealizzati.

Susanna u x-Xjuħ, Kollezzjoni Schönborn, Pommersfelden

L-ewwel xogħol ta' Artemisia żagħżugħa, metal kellha 17-il sena, (allavolja ħafna nies dak iż-żmien issusspettaw li kien għenha missierha) kien Susanna e i Vecchioni (Susanna u x-Xjuħ) (1610, Kollezzjoni Schönborn, Pommersfelden). Il-pittura turi li Artemisia assimilat ir-realiżmu ta' Caravaggio mingħajr ma ttrraskurat il-lingwa tal-iskola ta' Bolonja (li fost l-ikbar pitturi tagħha kien hemm Annibale Carracci). Din hi waħda mill-ftit pitturi ta' Susanna li juri ż-żewġ irġiel jippjannaw il-molestja sesswali tagħhom. X'aktarx Artemisia kienet ġarbet xi molestja u pinġiet 'l Susanna bħala riflessjoni.

Fl-1612, minkejja li minn kmieni uriet talent kbir, Artemisia ma tħallietx tidħol fl-akkademji professjonali tal-arti li kienu għall-irġiel biss. Dak iż-żmien, missierha kien qiegħed jaħdem ma' Agostino Tassi fid-dekorazzjoni tas-soqfa tal-Casino della Rose fil Palazz Pallavicini Rospigliosi f'Ruma, u Orazio rranġa mal-pittur biex jgħallem 'il bintu fil-privat. Waqt li kienet titgħallem miegħu, Tassi stupra 'l Artemisia. Orazio tella' 'l Tassi l-qorti meta sar jaf Tassi ma setax "isewwi" l-ħsara bi żwieġ riparatorju. Il-problema kienet l-pittur kien diġà miżżewweġ (u fl-istess ħin kellu relazzjoni ma' oħt il-mara, li dak iż-żmien kienet meqjusa inċestuża). L-atti tal-proċess (li spiċca biex ikkundanna 'l Tassi għal sena ħabs biss) kellhom influwenza kbira fuq il-letteratura femminista fit-tieni nofs tas-seklu 20 dwar Artemisia Gentileschi[1]. Ta' minn jenfasizza l-fatt li Artemisia aċċettat li ttenni l-akkużi tagħha taħt it-torturi, li kienu jikkonsistu f'li jagħsrulha s-swaba l-kbar permezz ta' strument li kien jintuża spiss dak iż-żmien. Mill-qari tal-proċess nindunaw li l-kunċett ta' stuprum fis-seklu 17 kienu jifhmuh bħala deflorazzjoni ta' mara verġni jew relazzjoni sesswali bil-wegħda taż-żwieġ li ma nżammitx[2].

Il-pittura Giuditta che decapita Oloferne (Ġuditta taqta' ras Oloferne) (1612–1613), esibita fil-Mużew Capodimonte ta' Napli, hi tal-biża' fil-vjolenza li turi.

Artemisia Gentileschi, awtoritratt (lejn l-1630), Kollezzjoni Rjali, Londra

Xahar wara l-kawża fil-qorti, biex 'il bintu jirristawralha unurha, Orazio rranġalha biex tiżzewweġ 'l Pierantonio Stiattesi, artista modest minn Firenze. Ftit wara marru joqgħodu Firenze, fejn, Artemisia kisbet ordni għal pittura fil-Casa Buonarroti u saret pittriċi tal-qorti apprezzata, tgawdi l-patrunaġġ tal-familja Medici u ta' Karlu I tal-Ingilterra. Hemm minn jaħseb li matul dan iż-żmien Artemisia pinġiet ukoll il-Madonna col Bambino (Madonna bil-Bambin), li qiegħda fil-Gallerija Spada ta' Ruma.

Waqt li kienu Firenze, Artemisia u Pierantonio kellhom erba' subien u tifla. Imma t-tifla, Prudenzia, biss baqgħet ħajja sal-età adulta. Din marret lura ma' ommha Ruma fl-1621 u wara marret Napli. Ma nafux x'ġara minn Prudenzia wara l-mewt ta' ommha.

Firenze (1614-1620)

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġuditta taqta' ras Oloferne (1614-20) Żejt fuq it-tila 199 x 162 ċm Galleria degli Uffizi, Firenze

Firenze, Artemisia għamlet suċċess kbir. Kienet l-ewwel mara li ġiet aċċettata fl-Accademia delle Arti del Disegno (Akkademja tal-Arti tad-Disinn). Kienet tmur tajjeb mal-artisti l-iżjed irrispettati ta' żmienha, bħal Cristofano Allori, u irnexxielha tikseb l-appoġġ u l-protezzjoni ta' nies ta' qawwa, fosthom il-Granduka Cosimo II de' Medici u speċjalment il-Grandukessa Cristina. Kienet taf 'l Galileo Galilei u damu jiktbu 'l xulxin għal żmien twil. Michelangelo Buonarroti ż-żgħir (neputi tal-kbir Michelangelo) li kien imħabbat bil-bini ta' Casa Buonarroti f'unur zijuh, kien jistmaha ħafna u tallabha tagħmel pittura biex iżżejjen is-saqaf tal-gallerija tal-pittura.

Il-pittura tirrappreżenta l-Allegoria dell'Inclinazione (Allegorija tal-Inklinażżjoni (xeħta jew talent naturali)), fl-għamla ta' tfajla għarwiena iżżomm kumpass. Hemm min jaħseb li din it-tfajla tixbaħ 'il Artemisia. In fatti f'bosta mill-pitturi tagħha, l-eroini mimlija ħajja ta' Artemisia jixbħu sewwa l-awtoritratti tagħha. Is-suċċess li kellha u l-fatt li kienet mara qajmu ħafna xnijat fuq il-ħajja privata tagħha.

Fost ix-xogħlijiet importanti ta' dan il-perjodu insibu La Conversione della Maddalena (Il-konverżjoni tal-Madalena), u Giuditta con la sua ancella (Ġuditta mal-qaddejja tagħha), li issa qiegħda fil-Palazz tal-Pitti. Artemisia pinġiet verżjoni oħra ta' Giuditta che decapita Oloferne (Ġuditta taqta' ras Oloferne), din ikbar mill-verżjoni ta' Napli u issa tintwera fil-Gallerija Uffizi ta' Firenze.

Minkejja s-suċċess li kellha, minħabba l-ħela tagħha u ta' żewġha, iż-żmien li għamlet Firenze kien mimli problemi mal-kredituri u bejniethom. Dawn il-problemi ġegħluha tmur lura Ruma fl-1621.

Lura Ruma, Venezja (1621-1630)

[immodifika | immodifika s-sors]

Artemisia marret Ruma fl-istess sena li missierha Orazio telaq għal Genova. Xi nies jaħsbu li Artemisia marret hemm wara missierha. Imma x-xhieda iżjed ixxaqleb favur il-fatt li Artemisia baqgħet Ruma, tfittex dar u trabbi iż-żewġ uliedha bniet. Ma' Prudenzia (li twieldet miż-żwieġ ma' Pierantonio Stiattesi) kellha tifla oħra barra ż-żwieġ, li x'aktarx twieldet fl-1627. Artemisia ippruvat tgħallem l-arti tal-pittura lil uliedha bl-ebda suċċess.

L-istil ta' Caravaggio, għalkemm il-pittur stess kien ilu mejjet iżjed minn għaxar snin, kien għad għandu influwenza kbira u ħafna pitturi kienu kkonvertew għall-istil tiegħu (dawn jissejħu Caravaggeski) bħal missier Artemisia, Carlo Saraceni (li mar lura Venezja fl-1620), Bartolomeo Manfredi, u Simon Vouet. Madankollu f'Ruma kmieni fis-seklu 17 kien hemm stili oħra bħall-manjiera iżjed klassika tad-dixxipli Bolonjiżi ta' Carracci u l-istil barokk ta' Pietro da Cortona.

Artemisia daħlet fl-Accademia dei Desiosi u din l-okkażżjoni ġiet iċċelebrata b'ritratt inċiż bl-iskrizzjoni "Pincturae miraculum invidendum facilius quam imitandum". Fl-istess perjodu saret ħabiba ta' Cassiano dal Pozzo, umanista, kollezzjonista u mentur kbir tal-arti. Madankollu minkejja r-reputazzjoni artistika, il-personalità qawwija tagħha u x-xibka ta' relazzjonijiet tajba li kellha, Ruma ma pprovdietx kummisjonijiet daqs kemm kienet xtaqet. L-apprezzament tal-pittura tagħha kien marbut biss mal-kapaċità tagħha bħala ritrattista u l-ħila tagħha fir-rappreżentazzjoni tal-eroini bibliċi: ma kisbitx ordnijiet għall-pitturi titulari fil-knejjes li kienu jġibu ħafna qliegħ. Minħabba n-nuqqas ta' dokumenti hu diffiċli li nkunu nafu fejn kienet Artemisia f'dan iż-żmien. Nafu ċert li bejn l-1627 u l-1630 marret toqgħod Venezja, x'aktarx biex tfittex kummissjonijiet li jiswew iktar. Dan narawh mit-tiħir tal-kwalità tagħha li rċiviet mill-letterati ta' din il-belt.

Minkejja li kultant hu diffiċli li wieħed jagħti data lill-pitturi tagħha, nistgħu inqegħdu f'dawn is-snin ir-Ritratto di gonfaloniere (Ritratt ta' gonfalonjier), li issa qiegħed Bolonja (eżempju rari tal-ħila tagħha bħala ritrattista li għaliha kienet imsemmija); il-Giuditta con la sua ancella, (Ġuditta mal-qaddejja tagħha) illum murija fid-Detroit Institute of Arts, (pittura li tirrifletti s-sengħa tal-pittriċi fl-effetti ta' chiaroscuro fid-dawl tax-xama', li għalihom f'Ruma kienu famużi Gerrit van Honthorst, Trophime Bigot u oħrajn), il-Venere Dormiente (Venere rieqda), illum fil-Virginia Museum of Fine Arts, Richmond, u Ester ed Assuero (Ester u Assweru) li qiegħda fil-Metropolitan Museum of Art ta' New York, (li tnejn jixhdu kemm kienet assimilat il-lezzjonijiet tal-luminiżmu Venezjan).

Napli u l-Ingilterra (1630-1653)

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1630 Artemisia marret toqgħod Napli, belt għanja b'ħafna ħwienet tax-xogħol għall-arti u ħafna nies li jħobbu l-arti, biex tfittex opportunitajiet ġodda u ta' iktar qliegħ. Ħafna artisti oħra fosthom Caravaggio, Annibale Carracci, Simon Vouet kienu għaddew xi żmien f'Napli f'ħajjithom u dak iż-żmien kienu qegħdin jaħdmu hemm Jusepe de Ribera, Massimo Stanzione u ftit wara Domenichino, Giovanni Lanfranco u ħafna oħrajn[3].

L-ewwel pittura ta' Artemisia f'Napli kienet l-Annunzjazzjoni murija fil-Mużew Capodimonte. Baqgħet toqgħod Napli għall-bqija tal-karriera tagħha barra minn vjaġġ qasir lejn Londra u xi safar ieħor. Napli saret għal Artemisia it-tieni pajjiżha fejn setgħet trabbi l-familja (żewġet iż-żewġ uliedha hemm, b'dotta xierqa). Irċiviet ittri li wrew stima kbira lejha, kienet tmur tajjeb mal-viċire, id-Duka ta' Alcalá u l-aqwa artisti li kienu hemm kienu jqisuha tajba daqshom, bħal Massimo Stanzione, li skont il-kittieb tas-seklu 18, Bernardo de' Dominici, bdiet kollaborazzjoni miegħu mibnija fuq ħbiberija soda u qbil fl-stili tagħhom.

F'Napli għall-ewwel darba f'ħajjitha Artemisia sabet ruħha tpinġi pitturi għal katedral, dawn kienu ddedikati għall-ħajja ta' San Ġennaru. Matul dan l-ewwel perjodu Naplitan pinġiet in-Nascita di San Giovanni Battista (It-twelid ta' San Ġwann Battistat) li qiegħed fil-Mużew tal-Prado f'Madrid, u Corisca e il satiro (Koriska u s-satir), f'kollezzjoni privata. F'dawn il-pitturi, Artemisia terġa' turi l-ħila tagħha biex iġġedded l-ideat u timxi mal-gosti artistiċi taż-żmien u biex taħdem fuq suġġetti ġodda minnflok il-Ġuditti, Susanni, Batsebi, u Madaleni Niedma, tas-soltu li għalihom kienet diġà magħrufa.

Fl-1638 Artemisia marret ħdejn missierha Londra fil-qorti ta' Karlu I tal-Ingilterra, fejn Orazio kien sar pittur tal-qorti u ingħata x-xogħol importanti li jżejjen saqaf (allegorija tat-Trionfo della pace e delle Arti (Trijonf tal-paċi u l-Arti) fil-Casa delle Delizie tar-Reġina Enriketta Marija ta' Franza fi Greenwich. Il-missier u bintu kienu għal darba oħra qegħdin jaħdmu flimkien, però x'aktarx li Artemisia ma kinitx marret Londra biex tgħin il-missierha biss: Hu ċert li Karlu I kien sejħilha biex tmur fil-qorti tiegħu f'Londra u din is-sejħa ma setgħetx tirrifjutaha. Karlu I kien kollezzjonista fanatku, lest li jħalli l-finanzi pubbliċi jfallu biex jissodisfa x-xewqat artistiċi tiegħu. Il-fama ta' Artemisia x'aktarx qajmitlu l-kurżità u mhux kumbinazzjoni li nsibu fil-kollezzjoni tiegħu pittura ta' suġġestjoni kbira, l-Autoritratto in veste di Pittura ("Awtoritratt bħala Allegorija tal-Pittura").

Orazio miet f'daqqa fl-1639. Artemisia, f'Londra, kien għad għandha l-kummissjonijiet tagħha xi tlesti wara l-mewt ta' missierha, però m'hemm l-ebda xogħol li nistgħu inqegħduh żgur f'dan il-perjodu. Nafu żgur li Artemisia kienet diġà telqet mill-Ingilterra qabel l-1642, meta l-gwerra ċivili kienet qiegħda tibda. Ftit jew xejn nafu fuq il-movimenti tagħha ta' wara. Hu żgur li fl-1649 kienet reġgħet marret Napli fejn kienet tikkorrispondi ma' Don Antonio Ruffo ta' Sqallija li sar patrun tagħha u xtara ħafna minn xogħlha fit-tieni perjodu Naplitan. L-aħħar ittra li nafu biha lill-patrun tagħha hi mill-1650 u fiha jidher ċar li kienet għadha attiva għal kollox. Fost ix-xogħlijiet minn dan il-perjodu insibu Susanna e i vecchioni (Susanna u x-Xjuħ) li llum qiegħda Brno u Madonna e Bambino con rosario (Madonna u Bambin bill-kuruna tar-rużarju) fl-El Escorial.

Qabel kienu jaħsbu li Artemisia mietet fl-1652/1653. Skont xhieda ġdida li nstabet dan l-aħħar kienet għadha taċċetta l-ordnijiet fl-1654 – imma però kienet iżjed u iżjed tiddependi mil-lavrant tagħha, Onofrio Palumbo. Għalhekk x'aktarx ma mmorrux żmerċ ħafna jekk ngħidu li mietet fil-pesta qalila li laqtet Napli fl-1656 u qerdet kwazi ġenerazzjoni sħiħa ta' artisti Naplitani.

Profil artistiku

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġuditta u l-Qaddejja tagħha (1613-14) żejt fuq it-tila, Palazzo Pitti, Florence

L-istoriku u kritiku tal-arti Taljan, Roberto Longhi, fis-saġġ tiegħu tal-1916, imsejjaħ Gentileschi padre e figlia (Gentileschi missier u bint) reġa' ġab għall-attenzjoni tal-kritiċi l-istatura artistika ta' Artemisia Gentileschi fost il-Caravaggeski tal-ewwel nofs tas-seklu 17. Longhi esprima, f'ton forsi daqsxejn misoġinu mingħajr ma ried, din il-fehma dwar Artemisia "kienet l-unika mara fl-Italja li kienet taf x'inhuma l-pittura, il-kulur u l-impastar u ħtiġijiet bħalhom". Dwar il-pittura l-iżjed famuża ta' Artemisia Giuditta che decapita Oloferne Longhi kiteb:

"Min seta' jaħseb infatti li dak il-liżar impinġi bi bjuda u dellijiet silġin denji ta' pittura ta' Vermeer f'daqs naturali, jista' jsir fuqu tbiċċir hekk kiefer li jkexkex u jwaħħax – jagħtina ngħidu – imma din hi mara terribbli! Mara pinġiet dan kollu?

u żid jgħid

... m'hawn xejn sadiku hawn, anzi dak li jgħaġġibna l-iżjed hu l-impassibbiltà ta' dik li pinġiet dan kollu u anki rnexxielha tinnota li d-demm niżel bil-qawwa setgħet iżżejnu billi tqiegħed ċarċira irqieqa bħala bordura kull naħa tal-gelgul tan-nofs! Ngħidlek ma temminx! Imbagħad jekk jogħġobkom agħtu lis-Sinjura Schiattesi – l-isem ta' miżżewġa ta' Artemisia – il-ħin biex tagħżel il-manku tax-xabla li kellha taqdi l-bżonn! U fl-aħhar ma taħsbux li l-unika ċaqlieqa ta' Ġuditta kienet biex tmur lura kemm jista' jkun biex ma ttebbagħx bid-demm il-libsa ġdida fjamanta tal-ħarir isfar. Kien kif kien naħsbu, li l-libsa kienet mid-dar tal-familja Gentileschi li kellhom l-ifjen gwardarobba tal-ħarir, wara Van Dyck, fis-snin 1600."

L-analisi tal-pittura tenfasizza, b'mod eżemplari, xi tfisser "kienet taf x'inhuma l-pittura, il-kulur u l-impastar u ħtiġijiet bħalhom": tfakkarna fil-kuluri jlellxu tal-paletta ta' Artemisia, il-ħarir ileqq tal-ilbies (b'dak l-isfar jgħajjat), l-attenzjoni perfezzjonistika għar-realtà tal-ġojelli u tal-armi.

L-interess fil-figura artistika ta' Artemisia, li baqa' dgħajjef minkejja l-kitba ta' Longhi, ħa spinta qawwija mil-lat tal-istudji femministi, li enfasizzaw sewwa, il-qawwa espressiva li ħa l-lingwaġġ pittoriku tagħha, mill-istupru tagħha u l-maltrattament ta' wara, meta s-suġġetti rrappreżentati kienu eroini bibliċi famużi, li qishom iridu juru r-ribelljoni tagħhom kontra l-istat li għalih ġie kkundanat is-sess tagħhom.

F'saġġ li hemm fil-katalgu tal-wirja "Orazio e Artemisia Gentileschi" li ttellgħet f'Ruma fl-2001 (u wara f'New York), Judith W. Mann iżżomm lura u turina il-limiti ta' analisi minn lat strettament femminista:

"[Interpretazzjoni ta' dan it-tip] tavvanza l-ipoteżi li l-qawwa kreattiva kollha ta' Artemisia tidher biss fit-tpinġija ta' nisa ta' qawwa u li għandhom il-ħila li jieqfu għal tagħhom, sal-punt li ma nistgħux nimmaġinawha taħdem fuq pitturi ta' xbihat reliġjużi konvenzjonali, bħall-Madonna bil-Bambin jew il-Verġni taċċetta bl-ubbidjenza l-Annunzjazzjoni; u barra minn hekk intqal li l-artista rrifjutat li tbiddel l-interpretazzjoni personali tagħha ta' dawn is-soġġetti biex togħġob il-klijenti li nissoponu li kienu rġiel. L-isterjotip kellu effett restrittiv doppju: ħajjar l-istudjużi li jiddubitaw l-attribuzzjoni għaliha ta' pitturi li ma' jaqblux mal-mudell deskritt, u li jagħtu valur iżjed baxx lil dawk li ma' jidħlux fil-cliché."

Il-fatt li Artemesia reġgħet pinġiet kemm il-darba suġġetti vjolenti bħal Guditta u Oloferne, iħajjarna noħorġu b' teorija ta' vendetta repressa. Però, xi storiċi tal-arti jissuġġerixxu li aktarx kienet makakka biżżejjed biex tuża l-fama tagħha mill-proċess tal-istupru biex tissodisfa suq speċjalizzat ikkargat bis-seswalità ta' arti fejn il-mara tiddomina, għal klijenti rġiel.

Il-kritika iżjed riċenti bdiet mir-rikostruzzjoni tal-katalgu sħiħ ta' xogħlha biex tipprova tagħti analisi inqas reduttiva tal-karriera ta' Artemisia li tqegħdha fil-kuntest tad-diversi ambjenti artistiċi li l-pittriċi kienet parti minnhom. Din l-analisi terġa' tqajjem il-figura ta' artista titqabad bit-determinazzjoni permezz tal-armi tal-personalità tagħha u l-kwalitajiet artistiċi tagħha kontra l-preġudizzji li kienu jħabbtu wiċċhom magħhom l-artisti nisa. Kellha l-ħila li tidħol produttivament fiċ-ċirku tal-pitturi l-iżjed famużi ta' żmienha u tiffaċċa firxa ta' ġeneri pittoriċi li żgur kienet usa' u iżjed varjata' milli naraw issa mit-tili attribwiti lilha.

Il-figura ta' mara u pittriċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Għal mara fil-bidu tas-seklu 17, li ssir pittriċi kienet għażla mhux tas-soltu u diffiċli imma mhux waħda eċċezzjonali. Qabel Artemisia, bejn it-tmiem tas-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17, kien hemm pittriċi oħra li rnexxew fil-karriera tagħhom. Fosthom nistgħu insemmu lil

Kien hemm pittriċi oħra li bdew il-karrieri tagħhom meta Artemisia kienet għadha ħajja. Jekk inħarsu lejn il-ħila artistika tagħhom naraw li dak li qal Longhi li Artemisia kienet "l-unika mara li qatt kienet taf fuq il-pittura" mhuwiex eżatt, però m'hemmx dubju li Artemisia għadha meqjusa fost l-aqwa artisti nisa, u fl-aħħar ħadet il-post li jixirqilha fost l-artisti l-kbar tal-Barokk[4].

Madankollu, kemm fl-arti u kemm fil-bijografija ta' Artemisia Gentileschi, hemm xi ħaġa li tagħmilha speċjalment affaxxinanti u li tispjega l-interess fiha ta' xi kittieba (l-iżjed u dan mhux kumbinazzjoni, xi kittieba nisa).

Anna Banti, il-mara ta' Roberto Longhi msemmi hawn fuq, kienet l-ewwel kittieba li ddeċidiet li tibni rumanz madwar il-figura ta' Artemisia. L-ewwel abbozz tagħha f'għamla ta' manuskritt lestietu fl-1944, imma ntilef matul il-gwerra. Tliet snin wara reġgħet bdiet taħdem fuq il-ktieb u kitbietu f'għamla differenti ħafna. Anna Banti kitbet ir-rumanz ġdid tagħha, bit-titlu Artemisia, bħala djalogu ta' mara ma' mara mal-pittriċi, f'għamla ta' "djarju miftuħ", li fih tipprova – waqt li għaddej ir-rakkont tal-adolexxenza u l-maturità ta' Artemisia – li tispjega lilha nfisha l-faxxinu li kienet taħtu, u l-ħtieġa li tmur iżjed fil-fond mill-valutazzjonijiet ċari (anki jekk b'ħafna passjoni) li dwarhom iddiskutiet tant drabi ma' żewġha Roberto Longhi[5].

Iżjed minn ħamsin sena war, fl-1999, il-kittieba Franċiża, Alexandra Lapierre, iteressat ruħha f'Artemisia u kitbet rumanz fuqha bbażat fuq studju bir-reqqa ta' ħajjitha u l-kuntest storiku fl-isfond ta' din. Ir-riċerka psikoloġika li nsibu bejn il-linji tar-rumanz tipprova tifhem ir-relazzjoni bejn Artemisia l-mara u Artemisia l-pittriċi, u toħroġ bħala leitmotiv, ir-relazzjoni bejnha u missierha, magħmula minn imħabba mistura u rivaltà moħbija bħala artista.

Fl-2002 ħareġ rumanz ieħor fuqha The Passion of Artemisa (Il-passjoni ta' Artemisa) miktub minn Susan Vreeland, li qisu mexa mal-mewġa tal-popolarità li kisbet Artemisia Gentileschi fl-analiżi femminista, u jidher li ried jisfrutta is-suċċess tar-rumanzi storiċi ibbażati fuq pittura bħal-ktieb ta' qabel ta' din l-awtriċi. Għal raġunijiet analoġi, skont il-kritika [6] il-film Artemisia tar-reġista Franċiża Agnes Merlet, li fih taħdem Valentina Cervi, kellu riżultati dubjużi. Dan il-film irrapreżenta ħażin ir-relażżjoni bejn Tassi u Artemisia bħala passjoni ta' mħabba minflok stupru.

Id-drammaturga Kanadiża Sally Clark kitbet dramm għal palk imsejjes fuq il-ġrajjiet li wasslu u segwew l-istupru ta' Artemisia. Dan id-dramm "Life Without Instruction" kellu l-premiere fit-Theatre Plus ta' Toronto fit-2 t'Awwissu, 1991.

Għaliha ġie iddedikat l-asterojde "14831 Gentileschi", skopert fl-1987 minn E. W. Elst.

  1. ^ Ara Mary Garrard, op cit. fil-bibljografija
  2. ^ cfr. M. Di Sivo, "«Il signor Horatio mi ritraheva»…", 2005, cit. fil-bibljografija
  3. ^ Fuq il-perjodu Naplitan ta' Artemisia ara Riccardo Lattuada, Artemisia a Napoli, Napoli e Artemisia, f'Judith W. Mann e K. Christiansen, op. cit.
  4. ^ Għal analisi tar-rivalutazzjoni tal-pittriċi tas-sekli 16 u 17 ara [1] Il-mara, in-nofs l-ieħor tal-arti
  5. ^ R. Longhi għamel riferiment espliċitu għar-rumanz ta' A. Banti fil-katalgu tal-wirja dwar il-Caravaggeski li ttellgħet f'Milan fl-1951, u osserva li Il-leġġenda tagħha [ta' Artemisia] ta' pittriċi bla skrupli u avventuruża nħolqot fuq kollox fl-Ingilterra puritana. Interpretazzjoni iżjed Taljana u fit-tradizzjoni tar-rumanz storiku tagħna tinsab fl-"Artemisia" ta' A. Banti.. Iċ-ċitazzjoni tinsab f'Roberto Contini, Gianni Papi, op. cit. fil-bibljografija.
  6. ^ Cfr. Revision Cinema Artemisia - Passione Estrema

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]