Jan Vermeer

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jan Vermeer
Ħajja
Isem propju Johannes Vermeer
Twelid Delft, Ottubru 1632
Nazzjonalità Repubblika tal-Pajjiżi l-Baxxi
Residenza Delft
Mewt Delft, 15 Diċembru 1675
Post tad-dfin Oude Kerk (en) Translate
Familja
Missier Reijnier Janszoon Vermeer
Omm Digna Baltus
Konjuga/i Catharina Bolenes (en) Translate
Edukazzjoni
Lingwi Olandiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
kollezzjonista tal-arti
Post tax-xogħol Delft
Xogħlijiet importanti Djana u n-Ninfi
Il-Ġeografiku
Il-Qaħħaba
Qaddejja tferra' l-ħalib
Kristu fid-Dar ta' Marta u Marija
L-Astronomu
Tfajla tongħos
Tfajla bl-imsielet tal-ġawhar
View of Delft (en) Translate
Influwenzat minn Carel Fabritius (en) Translate
Gabriel Metsu (en) Translate
Dirck van Baburen (en) Translate
Leonaert Bramer (en) Translate
Moviment Pittura tas-Seklu tad-Deheb Olandiż
pittura Barokka
Moviment artistiku pittura tal-ġeneru
ritratt
Tfajla bl-imsielet tal-ġawhar,

Johannes Vermeer jew Jan Vermeer /jɑn vər'meˑɪ̯r/, (Delft, 31 ta' Ottubru 1632Delft, 15 ta' Diċembru 1675) kien pittur Olandiż.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Qaddejja tferra' l-ħalib, Rijksmuseum, Amsterdam
L-astronomu, Mużew tal-Louvre, Parigi
Sinjorina mal-qaddejja, Frick Collection, New York
Mara taħdem il-bizzilla, Mużew tal Louvre, Pariġi
Tfajla bil-buqar tal-ilma, Metropolitan Museum of Art, New York
Triq ġo Delft, Rijksmuseum, Amsterdam
Suldat ma'tfajla titbissem, Frick Collection, New York

Ftit nafu fuq il-ħajja ta' Vermeer: bħala sorsi għandna biss xi reġistri, xi ftit dokumenti uffiċjali u kummenti ta' artisti oħra. Id-data tat-twelid ma nafuhiex eżatt, nafu biss li tgħammed fil-31 ta' Ottubru 1632 fil-knisja Protestanta ta' Delft. Missieru, Reynier Vermeer, kien nissieġ tal-ħarir tal-klassi nofsanija, li kien jinnegozja wkoll fix-xogħlijiet tal-arti. Ommu Digna, li kienet minn Antwerpen, iżżewġet lil Reynier fl-1615. Fl-1641 il-familja akkwistat lukanda jisimha Mechelen, isem ta' belt fil-Belġju, li kienet tinsab fl-inħawi ta' misraħ is-suq. Reynier barra x-xogħol ta' negozjant tal-arti u ta' nissieġ beda jaħdem ukoll ta' lukandier. Meta miet missieru, fl-1652, Joannes wiret il-lukanda u n-negozji tiegħu.

Minkejja li kien minn familja Protestanta, iżżewweġ tfajla Kattolika, Catherina Bolnes, f'April tal-1653. Barra d-differenzi reliġjużi, il-familja tal-mara kienet iżjed għanja minn dik ta' Vermeer. Jidher li hu kien ikkonverta qabel iż-żwieġ, għax it-tfal tagħhom ingħataw ismijiet ta' qaddisin Kattoliċi minflok tal-ġenituri. Barra minn hekk waħda mill-pitturi tiegħu l-Allegorija tal-fidi, tirrapreżenta l-fidi fl-Ewkaristija, imma ma nafux jekk din tirreferix għall-fidi tal-artista jew ta' min ordnaha.

Ftit wara it-tieġ, il-koppja marru joqogħdu ma' omm Catherina, Maria Thins, armla tat-tajjeb, li kienet fil-kwartier Kattoliku tal-belt. Vermeer baqa' jgħix hemm mal-familja ħajtu kollha. Maria kienet importanti fil-ħajja tal-pittur, l-ewwel tifla issemmiet għaliha u kienet tgħinu bi flusha sakemm hu għamel isem fid-dinja tal-arti. Johannes u martu kellhom b'kollox 14-il tifel u tifla li tlieta minnhom mietu qabel missierhom.

Il-karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Beda l-apprendistat tiegħu fl-1647, forsi ma' Carel Fabritius. Fid-29 ta' Diċembru 1653, Vermeer sar membru tax-Xirka ta' San Luqa. Mir-reġistri ta' din l-għaqda ta' pitturi nafu li l-artista ma setax iħallas il-miżata tas-sħubija, u dan juri li kellu problemi finanzjarji. Wara s-sitwazzjoni ttejbet, Pieter Van Ruijven, wieħed miċ-ċittadini l-iżjed għonja sar patrun tiegħu u xtara ħafna pitturi minn għandu.

F-1662 Vermeer ġie elett kap tax-Xirka u baqa' f'din il-kariga għal xi snin, sinjal li kien meqjus bħala ċittadin rispettabbli. Però fl-1672 l-invażjoni tar-Repubblika Olandiża mill-Franċiżi ġabet kriżi finanzjarja gravi u nixfet għal kollox id-domanda għal oġġetti ta' lussu bħall-pitturi u, għalhekk in-negozju ta' Vermeer bħala artista u merkant tant mar għall-agħar li kellu jissellef.

Meta miet fl-1675. Lil martu u 'l uliedu, Vermeer ħallilhom ftit flus u ħafna dejn. F'dokument martu waħħlet fl-inkwiet tal-problemi ekonomiċi għal mewtu. Catherina talbet il-Kunsill tal-belt li jieħdu d-dar u l-pitturi bħala ħlas. Dsatax-il pittura baqgħu għand Catherina u Maria, u minn dawn ftit inbiegħu biex jitħallsu l-kredituri.

Teknika[immodifika | immodifika s-sors]

Vermeer kellu l-ħila jikseb kuluri trasparenti billi japplika punti qrib xulxin fuq it-tila, teknika magħrufa bħala pointillé, li m'għandniex inħawduha ma pointillisme. It-teknika tiegħu tagħti riżultati mill-iżjed vivaċi possibbli, b'effetti, fuq kollox tal-kulur, li hu kien jirriċerka b'interess kważi xjentifiku. Kien iqis is-suġġett bħala konvenjenza: "Il-pitturi ta' Vermeer huma fil-verità naturi mejtin bin-nies".[1]

M'hemmx disinji li żgur nistgħu nattribwuhom lill-artista u l-kwadri tiegħu ma tantx jagħtu ħjiel tal-metodi preparatorji li uża.

Fil-ktieb Secret Knowledge: Rediscovering the Lost Techniques of the Old Masters (Għarfien Sigriet: Riskoperta tat-Tekniki Mitlufa tal-Pitturi l-Kbar)[2], li kiteb il-pittur famuż Ingliż David Hockney fl-2001 (rivedut 2006), informat mill-ħafna studji li għamel dwar l-użu tal-istrumenti ottiċi fil-Pittura Fjamminga, l-awtur isostni li Vermeer, bħal ħafna pitturi oħra tal-epoka, kien jinqeda ħafna bil-camera oscura biex jiddefinixxi l-fiżjonomija eżatta tal-persunaġġi rrappresentati u l-pożizzjoni preċiża tal-oġġetti fil-kompożizzjoni tal-kwadri. Skont it-"teżi Hockney-Falco" (mill-isem tal-pittur u tal-fiżiku Amerikan Charles M. Falco, li għamluha famuża), l-użu ta' dan l-istrument ottiku hu biżżejjed biex jiġġustifika in-nuqqas ta' disinji ta' tħejjija għal pitturi ta' preċiżjoni "fotografika" u fiżjonomika straordinarja ta' ħafna artisti Fjammingi, bħal Van Eyck, u wara tal-epoka barokka, bħal Caravaggio jew Velázquez, u appuntu ta' Vermeer. Imma fuq kollox, skont din it-teżi, l-użu tal-"camera oscura" tispjega wkoll xi wħud mill-effetti sorprendenti tad-dawl fil-kwadri ta' Vermeer, b'mod partikolari l-effetti kurjużi "mhux iffokati" li niltaqgħu magħhom f'xi kapolavuri tiegħu, fejn xi dettalji huma ffokati perfettament u oħrajn mhumiex, bħal effett tipiku li nsibu fit-teknika fotografika moderna.

Il-vivaċità estrema tal-kuluri fil-pitturi ta' Vermeer, li għadna naraw sal-lum, ġejja mill-kura kbira li ħa l-artista fit-tħejjija taż-żebgħa taż-żejt u fit-tfittxija għall-aħjar pigmenti li seta' jsib f'dik l-epoka. Bħala eżempju ta' dan hemm il-ħafna użu li għamel Vermeer tal-ikħal ultramarine, miksub mill-lapislazzuli, li kien iqum ħafna. Dan użah fil-pitturi kollha tiegħu mhux biss pur imma wkoll fl-isfumaturi tal-kuluri intermedji. Anki fis-snin meta kien fi stat finanzjarju ħażin ħafna, dan il-kulur li kien jiswa ħafna, baqa' jużah.[3]

Fix-xogħlijiet tiegħu allura insibu atmosfera eċċezzjonali. "Il-ħajja siekta tal-oġġetti tidher riflessa f'mera ċara; mill-firxa tad-dawl mal-ġewwieni dieħel mit-twieqi mbexxqin, mill-logħob tar-riflessi, mill-effetti tat-trasparenza, penombri u dawl minn wara..."[4]

Il-pitturi foloz[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-bidu tas-seklu 200 kien hemm proliferazzjoni kbira fis-swieq tal-arti ta' pitturi ta' Vermeer foloz. Dawn kien qiegħed ipinġihom wieħed mill-iżjed falzaturi famużi tal-aħħar seklu, l-Olandiż Han van Meegeren. Dan il-falzatur ta' ħila kbira uża l-istess tekniki tal-pittura tal-artista biex ħoloq ħafna kwadri b'kompożizzjonijiet oriġinali għal kollox u rnexxielu jgħaddihom bħala xogħlijiet awtentiċi ta' Vermeer, tant li ħafna kollezzjonisti famużi u xi wħud mill-mużewijiet mill-iżjed importanti tal-Ewropa kisbu dawn il-kwadri għall-kollezzjonijiet tagħhom.[5]

Bla dubju dan il-fenomenu famuż għenu n-nuqqas stramb ta' sorsi dokumentali u ta' studji fil-fond tax-xogħlijiet u tal-figura tal-artista Olandiż, li sal-aħħar tas-seklu 19 kien intnessa u kważi ntilfet kull traċċja tal-istorja artistika tal-pittur. Il-kritika moderna ta' Vermeer bdieha l-istudjuż Franċiż Théophile Thoré-Bürger. Minn dan il-punt 'l hawn, il-figura tiegħu gawdiet attenzjoni dejjem tikber mill-kritiċi u mill-pubbliku li issa għandu fama internazzjonali.

Bibliografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Erik Larsen, Jan Vermeer: catalogo completo, Borgo S. Croce, Octavo, 1996. ISBN 88-8030-074-1
  • John Michael Montias, Vermeer: l'artista, la famiglia, la città, Torino: Einaudi, 1997. ISBN 88-06-12192-8
  • Roberto Diodato, Vermeer, Góngora, Spinoza - L'estetica come scienza intuitiva, Bruno Mondadori, 1997, 310 pagine, ISBN 88-424-9438-0
  • Norbert Schneider, Vermeer: 1632-1675: i sentimenti dissimulati, Koln, Taschen, 2001. ISBN 3-8228-0972-1
  • Anthony Bailey, Il maestro di Delft: storia di Johannes Vermeer, genio della pittura, Milano, Rizzoli, 2003. ISBN 88-17-87306-3
  • Liedtke, Walter (2009). The Milkmaid by Johannes Vermeer. New York: The Metropolitan Museum of Art. ISBN 978-1-58839-344-9
  • Liedtke, Walter A. (2001). Vermeer and the Delft School. Metropolitan Museum of Art. ISBN 978-0-87099-973-4
  • Kreuger, Frederik H. (2007). New Vermeer, Life and Work of Han van Meegeren. Rijswijk: Quantes. pp. 54, 218 and 220 give examples of Van Meegeren fakes that were removed from their museum walls. Pages 220/221 give an example of a non–Van Meegeren fake attributed to him. ISBN 978-90-5959-047-2
  • Schneider, Nobert (1993). Vermeer. Cologne: Benedikt Taschen Verlag. ISBN 3-8228-6377-7
  • Sheldon, Libby; Nicola Costaros (February 2006). Johannes Vermeer’s ‘Young woman seated at a virginal. The Burlington Magazine (vol. CXLVIII ed.) (1235).
  • Steadman, Philip (2002). Vermmeer's Camera, the truth behind the masterpieces. Oxford University Press. ISBN 0-19-280302-6
  • Wadum, J. (1998). "Contours of Vermeer". In I. Gaskel and M. Jonker. Vermeer Studies. Studies in the History of Art. Washington/New Haven: Center for Advanced Study in the Visual Arts, Symposium Papers XXXIII. pp. 201–223..
  • Wheelock, Arthur K., Jr. (1981,1988). Jan Vermeer. New York: Abrams. ISBN 0-8109-1737-8.

Filmografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • A Zed & Two Noughts (1985), film dirett minn Peter Greenaway. L-istorja fiha għadd kbir ta' riferimenti għal Vermeer.
  • Girl with a Pearl Earring (2003), diretto minn Peter Webber, ibbażat fuq ir-rumanz bl-istess isem ta' Tracy Chevalier.
  • All the Vermeers in New York (1990), film dirett minn Jon Jost.
  • Brush with fate (2003), film televiżiv dirett minn di Brent Shields. Il-film isegwi l-ħajja ta' pittura immaġinarja ta' Vermeer hija u tgħaddi minn idejn diversi nies. Il-film hu bbażata fuq ir-rumanz Girl In Hyacinth Blue ta' Susan Vreeland,

Xogħlijiet kollha magħrufa jew attribwiti lil Vermeer[immodifika | immodifika s-sors]

Titlu Ġeneru Teknika Rimarki Daqs Data Nru[6] Kollezzjoni Nru tal-inventarju Xbieha
L-Allegorija tal-Fidi Allegorija żejt fuq it-tila 114,3 × 88,9 1671-1674 (ca.) 35 The Metropolitan Museum of Art, New York 32.100.18
L-Arti tal-Pittura Allegorija żejt fuq it-tila iffirmata 120 × 100 1665-1666 (ca.) 19 Kunsthistorisches Museum, Vjenna GG_9128
L-Astronomu Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 51,5 × 45,5 1668 (iddatat) 27 Mużew tal-Louvre, Pariġi RF 1983-28
Kristu fid-dar ta' Marta u Marija Pittura ta' suġġett bibliku żejt fuq it-tila iffirmata 160 × 142 1654-1656 (ca.) 2 National Gallery of Scotland, Edinburgu NG 1670
Il-Kunċert[7] Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 72,5 × 64,7 1664-1667 (ca.) 20 Isabella Stewart Gardner Museum, Boston
Mara bil-kullana tal-ġawhar Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 55 × 45 1662-1665 (ca.) 17 Staatliche Museen Preussischer Kulturbesitz, Gemäldegalerie, Berlin
Mara taħdem il-bizzilla Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila, imwaħħla fuq tavla iffirmata 24 × 21 1669-1670 (ca.) 32 Mużew tal-Louvre, Pariġi MI 1448
Diana u sħaba Pittura b'suġġett mitoloġiku żejt fuq it-tila iffirmata 97,8 × 104,6 1653-1656 (ca.) 1 Mauritshuis, L-Aja
Ir-ruffjana Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 143 × 130 1656 (daté) 4 Staatliche Kunstsammlungen, Gemäldegalerie Alte Meister, Dresden
Mara bil-ljutu Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 51,4 × 45,7 1662-1665 (ca.) 14 The Metropolitan Museum of Art, New York 25.110.24
Mara liebsa l-ikħal taqra ittra Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 46,5 × 39 1662-1665 (ca.) 16 Rijksmuseum, Amsterdam C-251
Mara bil-miżien Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 42,5 × 38 1662-1665 (ca.) 18 National Gallery of Art, Washington 1942.9.97
Tfajla bil-kappell aħmar Ritratt żejt fuq tavla iffirmata 23,2 × 18,1 1665-1666 (ca.) 28 National Gallery of Art, Washington 1937.1.53
Il-ġeografu Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 52 × 45 1669 (daté) 29 Städel Museum, Franfurt, Franza 1149
Tfajla bil-buqar tal-ilma Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 45,7 × 40,6 1662-1665 (ca.) 15 The Metropolitan Museum of Art, New York 89.15.21
Tfajla tikteb ittra Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 45 × 39,9 1665-1666 (ca.) 24 National Gallery of Art, Washington 1962.10.1
It-tfajla bil-flawt Ritratt żejt fuq tavla attribué à JV 20 × 17,8 1665-1670 (ca.) 22 National Gallery of Art, Washington 1942.9.98
It-tfajla bl-imsielet tal-ġawhar Ritratt żejt fuq it-tila iffirmata 44,5 × 39 1665-1667 (ca.) 23 Mauritshuis, L-Aja
Tfajla b'tazza nbid Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 78 × 67 1659-1660 (ca.) 13 Herzog Anton Ulrich-Museum, Brunswick 316
Qaddejja tferra' l-ħalib Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 45,45 × 40,6 1658-1661 (ca.) 10 Rijksmuseum, Amsterdam A-2344
Lezzjoni tal-mużika Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 73,3 × 64,5 1662-1664 (ca.) 21 Kollezzjoni tar-Reġina Eliżabetta II, Buckingham Palace, Londra RCIN 405346
Lezzjoni tal-mużika interrotta Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 39,37 × 44,45 1658-1661 (ca.) 9 The Frick Collection, New York 1901.1.125
L-ittra ta' mħabba Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 44 × 38,5 1669-1670 (ca.) 26 Rijksmuseum, Amsterdam A-1595
Tfajla taqra ittra ħdejn it-tieqa Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila traces de signature (?) 83 × 64,5 1657-1659 (ca.) 7 Staatliche Kunstsammlungen, Gemäldegalerie Alte Meister, Dresden
Sinjorina mal-qaddejja Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 90,17 × 78,74 1666-1667 (ca.) 25 The Frick Collection, New York[8] 1919.1.126
Suldat ma' tfajla titbissem Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 50,48 × 46,04 1657 (ca.) 6 [The Frick Collection, New York 1911.1.127
Ritratt ta' tfajla Ritratt żejt fuq it-tila 44,5 × 40 1665-1674 (ca.) 36 The Metropolitan Museum of Art, New York
L-isqaq Veduta żejt fuq it-tila iffirmata 54,3 × 43,5 1657-1661 (ca.) 12 Rijksmuseum, Amsterdam A-2860
Santa Prassida Pittura b'suġġett reliġjuż żejt fuq it-tila iffirmata 101,6 × 82,6 1655 (daté) 3 Barbara Piasecka Johnson Collection
Mara bilqiegħda mal-ispinetta Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 51,5 × 45,5 1670-1675 (ca.) 37 National Gallery, Londra NG2568
Mara bilwieqfa ħdejn l-ispinetta Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 51,7 × 45,2 1670-1673 (ca.) 30 National Gallery, Londra NG1383
Mara tikteb ittra mal-qaddejja Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 71,1 × 58,4 1670-1671 (ca.) 33 National Gallery of Ireland, Dublin, Irlanda
Mara ddoqq il-kitarra Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 53 × 46,3 1669-1672 (ca.) 34 Kenwood House, Londra
Tfajla bilqiegħda ma' virġinal[9] Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 25,2 × 20 1670 (ca.) 31 Kollezzjoni privata
Tfajla rieqda Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila iffirmata 87,6 × 76,5 1656-1657 (ca.) 5 The Metropolitan Museum of Art, New York
Tazza nbid Pittura tal-ġeneru żejt fuq it-tila 65 × 77 1658-1661 (ca.) 8 Gemäldegalerie, Berlin
Veduta ta' Delft Veduta żejt fuq it-tila iffirmata 98,5 × 115,7 1660-1661 (ca.) 11 Mauritshuis, L-Aja

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Ernst Gombrich, La storia dell'arte, tr. Maria Luisa Spaziani, 1ª ed. Torino, Einaudi, 1966; Milano, Phaidon Press, 2009. ISBN 978-0-7148-5722-0
  2. ^ Secret Knowledge: Rediscovering the lost techniques of the Old Masters (2006), Thames and Hudson, London, ISBN 0-500-28638-8
  3. ^ Silvia Danesi Squarzina, Vermeer, Firenze, Art e dossier Giunti, 1990. ISBN 88-09-76133-2
  4. ^ Le Garzantine, Arte, ed. 2002, pag. 1270.
  5. ^ Frank Wynne, Io ero Vermeer: ascesa e caduta del più grande falsario del ventesimo secolo, Milano, Ponte alle Grazie, 2007. ISBN 978-88-7928-881-1
  6. ^ Klassifikazzjoni skont l-ordni kronoloġika
  7. ^ Misruqa fil-lejl tat-18 ta' Marzu 1990, il-pittura qatt ma reġgħet instabet.
  8. ^ Pittura misruqa u misjuba darbtejn
  9. ^ L-attribuzzjoni ta' din il-pittura mhijiex ċerta

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]