Ġużè Muscat Azzopardi
Ġużè Muscat Azzopardi | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Ħal Qormi, 1 Settembru 1853 |
Nazzjonalità | Kolonja ta' Malta |
Mewt | Valletta, 4 Awwissu 1927 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Familja | |
Ulied | |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Malta |
Lingwi | Malti |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
traduttur lingwista ġurnalist poeta avukat traduttur tal-Bibbja kittieb |
Ġużè Muscat Azzopardi kien rumanzier, poeta u kummentatur soċjali Malti.
Ħajja personali u soċjali
[immodifika | immodifika s-sors]Muscat Azzopardi twieled Ħal Qormi fl-1 ta’ Settembru 1853. Hu studja fis-Seminarju ta’ l-Imdina u fl-Università ta’ Malta fejn ħa d-diploma ta’ prokuratur legali fl-1875. Huwa żżewweġ lil Tonina Fenech u kellu tlett itfal Ivo (kittieb), Ġino (kittieb) u Anton (kompożitur). Ġużè Muscat Azzopardi miet fl-4 t’Awissu 1927 il-belt Valletta.
Muscat Azzopardi kien kelliem kapaċi, politiku popolari, kritiku tal-palk magħruf, ġurnalist versatili u parteċipant attiv fl-ambjent soċjo-kulturali. Fil-waqt li kien avukat ta' suċċess, huwa laħaq President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali u kien membru tal-Giunta Teatrale tal-Gvern. B’ħerqa kbira kien jippromwovi d-drama Maltija u kien l-editur ta’ diversi ħarġiet perjodiċi fosthom In-Naħla Maltija (1878) u Il-Ħabib (1911), u anke kkontribbwixxa f’publikazzjonijiet oħra bħal Id-Dawl (1892) u Il-Ħabbar Malti.
Ġużè Muscat Azzopardi kien membru fil-Kunsill tal-Gvern u waqqaf l-Għaqda Kittieba tal-Malti (li aktar tard saret l-Akkademja tal-Malti). Fl-1920 ġie elett bħala l-ewwel president tagħha, kariga li żamm sa mewtu. Fl-1924 sar l-ewwel editor ta’ Il-Malti, il-ħarġa perjodikali ta’ l-għaqda. Għal xi żmien kien eżaminatur tat-Taljan fl-Università ta’ Malta u fis-Seminarju.
Għall-kitbiet u attivitajiet reliġjużi tiegħu, ġie onorat darbtejn mill-Papa Piju X, l-ewwel bil-Pro Ecclesia et Pontefice u mbagħad bil-medalja Bene Merenti.
Fid-dawl tal-bosta kontribuzzjonijiet tiegħu b’proża u poeżija lil-letteratura Maltija, Franġisk Saverju Caruana sejjaħlu ‘Missier il-lettaratura Maltija’. Ix-xogħol letterarju tiegħu jinkludi rumanzi, poeżiji, reċti, bijografiji u traduzzjonijiet. L-ewwel kitba tal-proża tiegħu kienet Il-Ħajja ta’ San Ġorġ (1874), li kienet traduzzjoni mit-Taljan.
Ġużè Muscat Azzopardi kien involut b’mod attiv fil-ħajja soċjo-kulturali, tant li fl-1875, fl-età żagħżugħa ta’ 22 sena insibuh imniżżel bħala Segretarju tas-Soċjeta Filarmonika Pinto ta’ Ħal Qormi. Ħames snin wara, fl-1880, huwa kiteb il-versi ta’ l-ewwel innu f’ġieħ San Ġorġ il-Qaddis Patrun tar-Raħal. Huwa kien ukoll President ta’ l-istess Soċjeta mill-1906 sa l-1917. Il-ħeġġa u l-imħabba tiegħu lejn il-kultura, kif ukoll il-versatilità ta’ Muscat Azzopardi joħorġu ċari f’diskors li għamel nhar is-21 ta’ April 1907 meta l-Banda Pinto, li tagħha kien President, wettqet program ta’ mużika fl-okkazzjoni tal-festa ta' San Gorg. Fid-diskors Muscat Azzopardi qiegħed jindirizza lis-Surmast-Kompożitur Mro. Ġanni Gatt li kiteb il-mużika għal l-Innu hawn fuq imsemmi. Jispikka wkoll l-għażla ta’ kliem mirqum li juża Muscat Azzopardi f’dan id-diskors li deher fil-gazzetta Malta tat-22 t’April 1907:
"Surmast, jien qiegħed noffrilek dawn il-fjuri mhux għax jien Qormi, għax int ħabib tiegħi jew għax int alliev ta’ Vassallo, dak li qiegħed iżid ikabbar dejjem il-ġieħ ta’ Malta Artistika; lanqas għax jien il-President ta’ din il-Banda popolari Qormija jew għax jien rappreżentant ta’ din il-Belt Pinto tagħna fil-Kunsill Popolari u wisq inqas għax jien l-awtur ta’ dawn il-versi ta’ l-Innu; le, iżda, biss noffrihomlok f’ismi, f’isem il-Banda u f’isem il-Qormin kollha dilettanti tas-sabiħa arti tal-mużika għal dak il-kbir ġenju tiegħek li bih għaraft tlibbes dawn il-versi tiegħi b’mużika tant sabiħa, ħelwa u deskrittiva tinħass ħierġa ħafifa ħafifa minn dak il-ġenju li l-Providenza għoġobha tagħnik bih."
Muscat Azzopardi bħala rumanzier. Huwa spikka bħala rumanzier. Fir-rumanzi storiċi tiegħu Toni Bajjada (1878), Mattew Callus (1878), Vicu Mason (1881), Susanna (1883), Ċejlu Tonna (1886), Ċensu Barbara (1893) u Nazju Ellul (1909), l-imgħoddi jiġi użat għal l-applikazzjoni universali tiegħu. B’mod romantiku l-istorja issir indikazzjoni tal-ġejjieni u r-rumanzier iħallat valuri nazzjonalistiċi ma’ l-istorja vvintata. It-tagħqid ta’ l-istorja (li teħtieġ tiftix) u l-finzjoni (li teħtieġ immaġinazzjoni) tfittex li tgħallem u fl-istess ħin tiddeverti. Hu jimla il-proża tiegħu bl-istorja u narrazzjoni diretta hekk kif l-istejjer tiegħu huma bbażati fuq azzjoni, deskrizzjoni, eżortazzjoni u istruzzjoni espliċita. Filwaqt li l-karattri mhumiex żviluppati psikoloġikament, il-qarrej jifhem il-karattru b’dak li jagħmel u mhux minħabba xi personalità żviluppata.
Muscat Azzopardi bħala poeta
[immodifika | immodifika s-sors]Muscat Azzopardi kien ukoll poeta mirqum li esperimenta fil-flessibilita tal-Malti bħala mezz ta’ espressjoni poetika. Ħafna mill-poeżiji tiegħu jinstabu f’Ġabra ta’ Poeżiji bit-Taljan u bil-Malti (1876), Ħamsin poeżija bil-Malti (1890) u Ġabra sħiħa ta’ Sunetti bi Studju fuqhom tal-Kittieb Innifsu (1956). Il-poeżija tiegħu ħadet ħafna elementi validi mill-ambjent ta’ madwaru u l-interpretazzjoni soċjali li ppreżentat kienet kemm il-darba t’ispirazzjoni għal poeti oħrajn. Minħabba s-sens estetiku tiegħu qatt ma nesa’ il-missjoni tiegħu ta’ edukatur letterarju u anke l-poeżija tiegħu ħafna drabi hija didattika.
Ġużè Muscat Azzopardi, flimkien ma’ awturi minuri oħra bħal Ludovik Mifsud Tommasi, Richard Taylor, Anton Muscat Fenech, Dwardu Cachia u Manwel Dimech, wirtu l-wirt poetiku ta' Ġan Anton Vassallo li sejjes il-poeżija tiegħu fuq tlett taqsimiet prinċipali: dik sentimentali, dik satirika u dik nazzjonalistika. L-awturi msemmija hawn fuq issoktaw jorqmu u jfettħu l-orjentament demokratiku tal-poeżija, waqt li wessgħu l-medda ta’ l-ispirazzjoni tagħhom billi fehmu aħjar l-istrutturi soċjali u l-mudelli kulturali, waqt li komplew itejbu t-taħdit letterarju tagħhom, dejjem fid-dawl tal-forom tat-taħdit popolari. Din li ġejja hija parti mill-poeżija ta’ Ġużè Muscat Azzopardi Il-Baħar, b’xhieda ta’ l-istil tiegħu:
Muscat Azzopardi bħala traduttur u drammaturgu[immodifika | immodifika s-sors]Traduzzjonijiet ta’ Muscat Azzopardi jinkludu Pawlu Xara (1879), L-Għarusa tal-Mosta (1879), Il-Ħalliel it-Tajjeb (1901), Il-Quddiesa (1902) u Storja ta’ Malta (1903) mit-Taljan u Il-Għasar tal-Madonna (1878), Il-Missal (1918), l-erba’ Vanġeli: San Mattew (1895), San Mark (1915), San Luqa (1916), San Ġwann (1917), u L-Ktieb ta’ l-Appostli ta’ San Luqa (1924) mill-Latin. Muscat Azzopardi kiteb bosta reċti, xi wħud minnhom huma oriġinali filwaqt li oħrajn huma maqluba mit-Taljan. Muscat Azzopardi bħala rumanzier[immodifika | immodifika s-sors]Muscat Azzopardi spikka bħala rumanzier. Fir-rumanzi storiċi tiegħu Toni Bajjada (1878), Mattew Callus (1878), Vicu Mason (1881), Susanna (1883), Ċejlu Tonna (1886), Ċensu Barbara (1893) u Nazju Ellul (1909), l-imgħoddi jiġi użat għal l-applikazzjoni universali tiegħu. B’mod romantiku l-istorja issir indikazzjoni tal-ġejjieni u r-rumanzier iħallat valuri nazzjonalistiċi ma’ l-istorja vvintata. It-tagħqid ta’ l-istorja (li teħtieġ tiftix) u l-finzjoni (li teħtieġ immaġinazzjoni) tfittex li tgħallem u fl-istess ħin tiddeverti. Hu jimla il-proża tiegħu bl-istorja u narrazzjoni diretta hekk kif l-istejjer tiegħu huma bbażati fuq azzjoni, deskrizzjoni, eżortazzjoni u istruzzjoni espliċita. Filwaqt li l-karattri mhumiex żviluppati psikoloġikament, il-qarrej jifhem il-karattru b’dak li jagħmel u mhux minħabba xi personalità żviluppata. Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]
Ħoloq Esterni[immodifika | immodifika s-sors]
|