Ġan Anton Vassallo
Ġan Anton Vassallo meqjus bħala l-aqwa poeta Malti tas-seklu 19, bin Vincenzo u Marija Vassallo, twieled fis-6 ta’ Ġunju, 1817. Fost l-għalliema tiegħu kellu lil Dun Pietru Pawl Psaila u [Dun Ġużepp Zammit Brighella]]. Vassallo kien jaf tajjeb il-Malti, it-Taljan, u l-Latin barra l-Franċiż, l-Għarbi u xi ftit Ingliż. Huwa beda l-kors tal-liġi fl-Università fl-1839 u ggradwa fl-1842. Fl-1850 beda jgħallem it-Taljan fil-Liċeo, u fl-1863 laħaq Professur tat-Taljan fl-Università. Vassallo miet qasir il-għomor fit-28 ta’ Marzu, 1868 u jinsab midfun fil-Knisja tal-Karmnu, il-Belt.
Werrej |
[editja] Letteratura
Vassallo (li m'għandux jitħallat ma' Mikiel Anton Vassalli) beda jikteb il-poeżija sew bil-Malti u kemm bit-Taljan fl-1842. Kiteb ħafna bijografiji ta’ nies Maltin fl-Arte (1862-66), u La Storia di Malta raccontata in Compendio (1854).
[editja] Kotba ta' Ġan Anton Vassallo bil-Malti
- Il-Ġifen Tork (1842), l-aqwa biċċa xogħol tiegħu, li dehret għaxar snin wara. Hija l-unika epika li għandna fil-letteratura Maltija.
- Il-Ħajja tal-Appostlu Missierna San Pawl (1858)
- Ġesù Kristu fid-Dinja (1861)
- Ħrejjef bil-Malti (1861), ħrejjef morali, umoristiċi u satiriċi f'forma ta' poeżija
- Storja ta’ Malta miktuba għall-poplu Malti (1862)
- Ħrejjef u Ċajt bil-Malti (1863)
[editja] Il-Poeżija ta' Vassallo
F'nofs is-seklu 19, Vassallo eleva l-poeżija Maltija għal livell għoli fi żmien meta l-ilsien Malti kien kważi injorat. Huwa refa' l-vers popolari, il-vers tat-tmienja, għal livell letterarju. Bejn l-1842 u l-1860 huwa kiteb lirika mimlija tqanqil il-qalb u metri varjati. Vassallo jdaħħal ħafna l-personalità mnikkta tiegħu u l-kumpless ta' persekuzzjoni li kien ibati bih, fil-versi kif jidher f'poeżiji bħal Żgħożija, Tifkir tal-Biki, Lapsi, u Żgħorija li tibda bil-vers magħruf "O Żmien ħelu kif għaddejtli". Il-ħajja għalih kienet tfisser taħbit u inkwiet biss.
Erba' aspetti li joħorġu mill-poeżija tiegħu huma:
- is-sens qawwi ta' patrijottiżmu kif jidher f' Mannarinu, La Valette, Wignacourt, Malta u ġensha, Il-Port ta' Malta, Tas-Sliema u l-famuża Tifħira lil Malta, li għal ħafna snin kienet tindaqq qisha innu nazzjonali ta' Malta.
Int sabiħa, o Malta tagħna!
Mhux għax Malti nfaħħrek jien;
issemmik id-dinja kollha,
magħruf ġmielek kullimkien.
Imgħottija bl-isbaħ sema,
l-ogħna dawl ix-xemx ta għtik,
ma xxawtekx, bil-ħlewwa ssaħħnek,
ġid iġġiblek u tqawwik.
Fik il-bard lil ħadd ma jikser
meta x-xemx tgħaddilek bgħid,
ma jiġix inhar tul sena
illi ma jsaħħnekx xi ftit.
U l-art tiegħek kulma tagħmel
kollu tajjeb, kollu bnin;
ġewwa bliethom il-frott tiegħek
jixtiquh wisq barranin.
Illi l-ġid bil-wisq tagħtina
qaluh fl-ibgħad żminijiet;
filli tagħti għad li żgħira,
tisboq ’il bosta artijiet.
B’kull tifħir, o Gżira mbierka,
il-għorrief semmewk, kitbuk;
għal insiġ idejn uliedek
elfejn sena ilu faħħruk.
Liema ħaġa li fik tinbet
tieba u benna ma turix?
Il-larinġa, il-frawla tiegħek
min fid-dinja ma jsemmix?
U x’ingħid mill-għasel tiegħek,
liema bniedem ma jfaħħrux?
Jekk iduru d-dinja kollha
oħla minnu ma jsibux.
Fik il-qronfla, fik il-warda
biex tħawwilhom l-angli ġiet,
imkien ġmielhom, imkien bħalhom,
fihom riħa tas-smewwiet.
Ġewwa fik, o Gżira tagħna,
ħlief il-ħlewwa ma tidhirx;
u kif le, jekk ismek, ismek
ħlief il-għasel ma jfissirx?...
- is-safar bħala ħtieġa soċjali u bħala turufnament bħal L-Imsiefer, Għarus imsiefer lill-Għarusa, L-Għarusa lill-Għarus Imsiefer, Is-Safar, Itturfnat
- id-didattiċiżmu b'elementi satiriċi fini bħal, Il-Ħurrieqa u l-Warda, Ktieb Sabiħa, Il-Qanpiena tal-Fuħħar, Il-Musbieħ il-Lejl, Ix-Xiħ u x-Xitan.
- il-ħila għan-narrattiva poetika kif jidher f'Il-Ġifen Tork. F' Il-Ballata għal Manzor u Maria, Vassallo juża l-vers tal-ħamsa, tal-għaxra u tas-sebgħa biex idaħħal id-drammatiċità skond il-burdati differenti. Vassallo esperimenta ħafna bil-metrika.
[editja] Il-Ġifen Tork
Poema epika li tuża l-ġrajja ta' sebgħin ilsir Malti Nisrani li jaħtfu ġifen Tork wara ġlieda mat-Torok u jsalpaw lejn Malta. Dawn jagħmlu pellegrinaġġ lejn il-Mellieħa biex jirringrazzjaw lill-Madonna. Vassallo jigglorifika lill-Maltin u jipprova jnissel fiduċja fil-Maltin ta' żmienu u sens ta' nazzjonaliżmu billi jinqeda bil-ħakkiema u jgħid li ħabba fina l-Maltin huma ġabu l-glorja tagħhom. B'"Qalbenin dejjem aħna" huwa jgħaqqad il-preżent mal-imgħoddi u hekk iseddaq in-nazzjonalità tal-Maltin. Il-poema hija simbolu tal-ġrajja ta' Malta tul iż-żminijiet. Il-ġifen huwa l-gżira ta' Malta u l-ilsiera huma l-Insara Maltin. Ix-xewqa perpetwa tal-Maltin li jeħilsu mill-għadu mhux Nisrani. Importanti f'kull epika huwa l-intervent divin, f'dan il-każ bl-interċessjoni tal-Madonna. F'kull epika hemm eroj imma f' Il-Ġifen Tork mhuwiex bniedem wieħed iżda l-kotra, l-għaqda fost il-Maltin, li titqabad flimkien u titlob flimkien u tirbaħ flimkien kontra għadu qawwi.
Permezz ta' din il-poema, Vassallo juri wkoll il-kapaċità tal-ilsien Malti li jogħla għal livelli għoljin.
Il-poema fiha 116-il sestina b'696 vers, miktuba bil-vers tal-ħdax. Irrimata. Vassallo juża kliem arkaiku. Hija mqassma fi tliet kanzunetti:
- 1 Kant Il-Ftehim u l-Għaqda, 38 sestina
- 2 Kant It-Taqtigħa u l-Ħarba, 41 sestina
- 3 Kant Il-Wegħda, 37 sestina