Wied ta' Viñales
Il-Wied ta' Viñales (bl-Ispanjol: Valle de Viñales) huwa depressjoni karstika f'Kuba. Il-wied għandu erja ta' 132 km2 (51 mil kwadru) u jinsab fil-muntanji tas-Sierra de los Órganos (parti mill-katina muntanjuża ta' Guaniguanico), kemm kemm fit-Tramuntana ta' Viñales fil-Provinċja ta' Pinar del Río.
Fl-1999, il-wied tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala pajsaġġ naturali u kulturali minħabba l-użu ta' tekniki tradizzjonali tat-tkabbir tat-tabakk ġo fih.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]It-tabakk u għelejjel oħra jitkabbru fil-qiegħ tal-wied, il-biċċa l-kbira permezz ta' tekniki agrikoli tradizzjonali li ilhom jintużaw għal diversi sekli. Dawn it-tekniki li jinvolvu ħafna xogħol jingħad li jwasslu għal tabakk ta' kwalità ogħla mit-tkabbir b'metodi mekkaniċi.
Il-wied huwa mogħni b'irziezet u b'villaġġi żgħar li ilhom okkupati minn żmien il-conquistadores. Għad fadal xi arkitettura vernakolari tal-era kolonjali li ġiet ippreservata. Il-kultura tal-wied ġiet influwenzata minn taħlita ta' kulturi: popli indiġeni, ilsiera Afrikani ta' karnaġjon sewda u d-dixxendenti ħielsa tagħhom, u kolonizzaturi Spanjoli u Ewropej li ġew warajhom.
Bosta għerien huma aċċessibbli minn fetħiet fl-uċuħ tal-għoljiet tal-madwar, fosthom Cueva del Indio u Cueva de José Miguel. It-tumbati kbar tal-ġebla tal-ġir li jidhru qishom gżejjer li jispuntaw mill-qiegħ tal-wied jissejħu mogotes u jaf ikunu għoljin sa 300 metru.
Il-Wied ta' Viñales huwa destinazzjoni turistika ewlenija li toffri diversi mixjiet u tixbit mal-blat. Ix-xena tat-tixbit lokali ħadet rankatura kbira fil-bidu tas-seklu 21 meta ġew skoperti bosta rotot ġodda. Dawn qanqlu żieda fit-turiżmu lokali.[2]
Il-formazzjonijiet ġeomorfoloġiċi straordinarji magħrufa bħala mogotes, li ma jinstabu mkien iktar f'Kuba, xi kultant mhux biss laħqu daqsijiet ta' muntanji, iżda ffurmaw varjetà ta' għamliet mhux tas-soltu. L-uniċi strutturi ġeoloġiċi komparabbli fid-dinja huma dawk li jinsabu fix-Xlokk tal-Asja, fil-Peniżola tal-Malażja, fil-Borneo, fl-artijiet għoljin Tajlandiżi, fil-Laos, fil-Vjetnam, u fir-reġjun karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina.
Fil-wied, elevazzjonijiet bħall-Alturas de Pizarras ġew iffurmati minn varjetà ta' blat u ġew datati bħala l-iżjed antiki li jeżistu fil-pajjiż kif ukoll fil-Karibew.
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Bosta pjanti u annimali endemiċi huma speċifiċi għal dan il-wied. Fost il-flora li tinstab fir-reġjun hemm il-Pachira emarginata (sin. Bombax emarginatum), il-palm tal-muntanji (Gaussia princeps), l-Ekmanianthe actinophylla, u l-Microcycas calocoma.
Fost il-fawna hemm il-kolibrì (Mellisuga helenae, magħruf bħala zunzún), it-trogon Kuban (Priotelus temnurus), it-tody Kuban (Todus multicolor), is-solitarju Kuban (Myadestes elisabeth), it-Tiaris canorus u għasafar oħra.
Affresk tal-Preistorja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-wied ta' Dos Hermanas sar magħruf bħala l-Affresk tal-Preistorja wara li ġiet impittra fuqu l-evoluzzjoni tal-ħajja f'sens naturali ta' Kuba.
L-Affresk tal-Preistorja jinsab fil-mogote msejjaħ Pita fuq xaqliba perpendikolari. Il-blat ġie maħsul u saru drenaġġi fih biex tiġi evitata l-erożjoni minħabba x-xita. L-affresk huwa għoli 120 metru u twil 160 metru. L-artist li wettaq dan ix-xogħol kien Leovigildo González Morillo, li kien id-Direttur tal-Kartografija tal-Akkademja tax-Xjenzi ta' Kuba.
Fih jiġu rrappreżentati l-Indjani ta' Guanahatabeye, xi speċijiet ta' mammiferi, annimali ġganteski u xi molluski.
L-affresk fih 12-il sezzjoni, li juru l-proċess evoluzzjonarju tal-bniedem u tal-annimali fis-Sierra de los Órganos, fl-istadji differenti tiegħu.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Wied ta' Viñales ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Viñales Valley - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-11-27.
- ^ "Cuban Climbing / Blog". web.archive.org. 2014-02-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-02-25. Miġbur 2024-11-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)