Wied ta' Loire

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kastell ta' Azay-le-Rideau

Il-Wied ta' Loire (bil-Franċiż: Val de Loire, pronunzjata: [val də lwaʁ]; bil-Breton: Traoñ al Liger), b'tul ta' 280 kilometru (170 mil), huwa wied li jinsab fil-parti tan-nofs tax-xmara Loire fiċ-ċentru ta' Franza, fiż-żewġ reġjuni amministrattivi ta' Pays de la Loire u ta' Centre-Val de Loire. Il-Wied ta' Loire għandu erja ta' madwar 800 kilometru kwadru (310 mili kwadri).[1] Ġieli ssir referenza għalih bħala n-Nieqa tal-Franċiżi u l-Ġnien ta' Franza minħabba l-abbundanza ta' għelieqi bid-dwieli, għelieqi bis-siġar tal-frott (bħaċ-ċirasa), u għelieqi tal-qaqoċċ u tas-spraġ, tul ix-xtut tax-xmara.[2] Il-wied huwa magħruf għall-irħula storiċi, għall-arkitettura u għall-inbejjed. Il-Wied ta' Loire ilu abitat mill-Paleolitku Nofsani. Fis-sena 2000, il-parti ċentrali tal-Wied ta' Loire ġiet miżjuda fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Ġeografija u klima[immodifika | immodifika s-sors]

Angers

Il-wied jinkludi l-irħula storiċi ta' Amboise, Angers, Blois, Chinon, Montsoreau, Orléans, Saumur u Tours.

Il-klima hija favorevoli fil-biċċa l-kbira tas-sena, u x-xmara spiss taġixxi bħala linja ta' demarkazzjoni fit-temp ta' Franza bejn il-klima tat-Tramuntana u dik tan-Nofsinhar. Ix-xmara għandha effett sinifikanti fuq il-mesoklima tar-reġjun, u żżid ftit gradi fit-temperatura.[4] Il-klima jaf tkun bierda bil-ġlata fir-rebbiegħa, filwaqt li x-xhur tal-ħsad tad-dwieli jaf ikunu bix-xita.[5] Madankollu, is-sjuf ikunu sħan, b'influwenzi mill-Atlantiku li jimmoderaw it-temperatura permezz taż-żiffa.[6]

Din it-tabella li ġejja turi t-temperaturi, il-preċipitazzjoni u s-sigħat ta' xemx medji f'Angers (Anjou):

Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. minima medja (°C) 2.1 2.2 3.9 5.6 8.9 11.8 13.6 13.4 11.3 8.4 4.6 2.8 7.4
Temp. medja (°C) 5 5.7 8.2 10.4 13.9 16.2 19.2 19.1 16.5 12.7 8 5.6 11.8
Temp. massima medja (°C) 7.9 9.2 12.6 15.3 19 22.6 24.9 24.7 21.8 17 11.4 8.4 16.2
Preċipitazzjoni medja fix-xahar (mm) 62.1 50.8 51.7 44.6 54.4 41.2 43.8 44.9 52.2 59.6 64.5 63.4 63.4
Sigħat ta' xemx fix-xahar 70 92 141 179 201 234 248 237 191 129 89 65 1877
Sors:[7]

Inbid[immodifika | immodifika s-sors]

Il-vinji fil-Wied ta' Loire.

Ir-reġjun tal-inbid tal-Wied ta' Loire[8] huwa waħda mill-iżjed żoni magħrufa sew tal-produzzjoni tal-inbid u jinkludi diversi reġjuni tal-inbejjed Franċiżi tul ix-xmara, mir-reġjun ta' Muscadet mal-kosta Atlantika sar-reġjuni ta' Sancerre u ta' Pouilly-Fumé lejn ix-Xlokk tal-belt ta' Orléans fit-Tramuntana taċ-ċentru ta' Franza. L-inbejjed tal-Wied ta' Loire għandhom it-tendenza li jkollhom togħma friska u qawwija karatteristika ta' frott.[9]

Kultura[immodifika | immodifika s-sors]

L-inżul ix-xemx fuq ix-xmara Loire River mix-Château de Montsoreau.

Fit-2 ta' Diċembru 2000, l-UNESCO żiedet il-parti ċentrali tal-Wied ta' Loire, bejn Chalonnes-Sur-Loire u Sully-sur-Loire, fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tagħha.[3] Meta ntgħażlet din iż-żona li tinkludi d-dipartimenti Franċiżi ta' Loiret, Loir-et-Cher, Indre-et-Loire u Maine-et-Loire, il-Kumitat tal-Wirt Dinji sostna li l-Wied ta' Loire huwa: "pajsaġġ kulturali eċċezzjonali, ta' sbuħija kbira, magħmul minn bliet u rħula storiċi, monumenti arkitettoniċi kbar, ix-châteaux (palazzi-kastelli), u artijiet li ġew ikkultivati u msawra minn sekli ta' interazzjoni bejn il-popolazzjonijiet lokali u l-ambjent fiżiku tagħhom, b'mod partikolari x-xmara Loire stess".[3]

Ix-chansonniers tal-Wied ta' Loire huma grupp relatat ta' kotba tal-kant attribwiti lill-kompożituri tal-Wied ta' Loire u huma l-iżjed eżempji bikrin eżistenti ta' ġeneru ġdid li kien joffri taħlita ta' kliem, mużika u illuminazzjonijiet.

Offerta ġdida ta' arti kontemporanja qed tiżviluppa tul ix-xmara kollha ta' Loire minn Montsoreau sa Orléans, postijiet bħall-Mużew tal-Arti Kontemporanja fix-Château de Montsoreau, is-CCCOD Tours, id-Domaine Régional de Chaumont sur Loire u l-Frac Centre Orléans.[10][11][12] Dawn huma assoċjazzjoni rari ta' arkitettura Rinaxximentali mal-arti kontemporanja.[13]

Arkitettura[immodifika | immodifika s-sors]

Il-wirt arkitettoniku fl-irħula storiċi tal-wied huwa notevoli, speċjalment id-diversi châteaux, bħal Château

Château de Valençay

d'Amboise, Château d'Azay-le-Rideau, Château de Chambord, Château de Chenonceau, Château de Chinon, Château de Montsoreau, Château du Rivau, Château d'Ussé u Château de Villandry. Id-diversi châteaux, li jammontaw għal iktar minn tliet mija, jinkludu l-fortifikazzjonijiet meħtieġa tal-kastelli mibnija fis-seklu 10, iżda anke s-sbuħija ta' dawk mibnija nofs millenju wara. Meta r-rejiet Franċiżi bdew jibnu x-châteaux enormi tagħhom hemmhekk, in-nies nobbli ma riedux u lanqas azzardaw ikunu 'l bogħod mis-sede tal-poter u għamlu bħalhom. Il-preżenza tagħhom fil-wied għammiel u ħadrani beda jattira l-aqwa disinjaturi tal-pajsaġġi. Barra minn hekk, apparti l-bosta châteaux, il-monumenti kulturali joħorġu fid-dieher b'mod eċċezzjonali l-ideali tar-Rinaxximent u tal-Era tal-Illuminazzjoni fir-rigward tal-ħsieb u d-disinn tal-Punent tal-Ewropa. Ħafna mix-châteaux kienu ddisinjati biex jinbnew fil-quċċata tal-għoljiet. Eżempju minnhom huwa x-Château d'Amboise. Bosta mix-châteaux kellhom knejjes estremament dettaljati u għaljin fil-proprjetajiet tagħhom, jew fi ħdan ix-château stess.[14][15][16][17][18]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

The Château de Chambord

Il-Wied ta' Loire bejn Sully-sur-Loire u Chalonnes ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Tockner, Klement; Uehlinger, Urs; Robinson, Christopher T. (2009). Rivers of Europe. Academic Press. p. 183. ISBN 978-0-12-369449-2.
  2. ^ Williams, Nicola; Boone, Virginie (1 May 2002). The Loire. Lonely Planet. pp. 7–10. ISBN 978-1-86450-358-6.
  3. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "The Loire Valley between Sully-sur-Loire and Chalonnes". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-31.
  4. ^ "LOIRE VALLEY". town.hall.org. Miġbur 2022-10-31.
  5. ^ J. Robinson (ed.) The Oxford Companion to Wine, Third Edition pp. 408–410, Oxford University Press, 2006. ISBN 0-19-860990-6.
  6. ^ rivadmin (2015-03-03). "Weather". www.riverloire.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-31.
  7. ^ "Lameteo.org : la météo dans tous ses états". web.archive.org. 2008-10-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-10-13. Miġbur 2022-10-31.
  8. ^ "Vineyards in the Loire Valley" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2012-05-31. Miġbur 2022-10-31.
  9. ^ C. Fallis, editor The Encyclopedic Atlas of Wine pg 168-176 Global Book Publishing 2006 ISBN 1-74048-050-3.
  10. ^ Gleadell, Colin (2015-06-23). "Largest Art & Language Collection Finds Home". Artnet News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-31.
  11. ^ Ulrichs, David; Ulrichs, David (2011-11-21). "MACBA Banks on History" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-31.
  12. ^ "Exhibition - ART & LANGUAGE UNCOMPLETED | MACBA Museum of Contemporary Art of Barcelona". www.macba.cat (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-31.
  13. ^ "El Valle del Loira y todas sus novedades para el verano". ELMUNDO (bl-Ispanjol). 2017-06-12. Miġbur 2022-10-31.
  14. ^ Matei, Adrienne (2017-08-18). "Six Enchanting Castles to Visit in the Loire Valley". NUVO (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-31.
  15. ^ Peregrine, Anthony (2016-02-05). "The best chateaux of the Loire Valley, France" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-31.
  16. ^ Joseph, Patrick. "Information about the French Region of Loire Valley". My French House (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-10-31. Miġbur 2022-10-31.
  17. ^ Staff, Guardian (2019-04-13). "20 of the most beautiful villages in France". the Guardian (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-31.
  18. ^ CNN, By Allison Lounes. "Chateaux spectacular: 5 best Loire Valley castles". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-31.