Aqbeż għall-kontentut

Uluru

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta ta’ Uluru mill-għoli

Uluru (/ˌuːləˈruː/, Pitjantjatjara: Uluṟu; pronunzja bil-Pitjantjatjara: [ˈʊ.lʊ.ɻʊ]), magħrufa wkoll bħala l-Blata ta’ Ayers (/ˌɛərz -/, bħal airs) u mniżżla uffiċjalment bl-Ingliż bħala Uluru / Ayers Rock[1], hija formazzjoni kbira tal-blat ramli fil-parti tan-Nofsinhar tat-Territorju tat-Tramuntana fl-Awstralja. Uluru tinsab 335 kilometru fil-Lbiċ ta’ Alice Springs, li huwa l-eqreb raħal kbir.

Uluru hija sagra għall-Pitjantjatjara, il-poplu Aboriġenu taż-żona, magħrufa aħjar bħala l-Aṉangu. Iż-żona madwar il-formazzjoni tal-blat fiha abbundanza ta’ fawwara, ġibjuni, għerien tal-blat u tpittir antik mal-blat. Uluru u Kata Tjuta (magħrufa kollettivament bħala Olgas) huma żewġ formazzjonijiet kbar tal-blat tal-Park Nazzjonali ta’ Uluṟu-Kata Tjuṯa[2], li huwa mniżżel bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Uluru hija waħda mill-iktar għeġubijiet naturali u ikoniċi magħrufa fl-Awstralja u ilha destinazzjoni popolari għat-turisti mill-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20. Barra minn hekk, hija wkoll wieħed mill-iktar siti indiġeni importanti fl-Awstralja.

L-Aṉangu lokali, mill-poplu tal-Pitjantjatjara, lil din il-formazzjoni tal-blat isejħulha Uluṟu (bil-Pitjantjatjara: [ʊlʊɻʊ]). Il-kelma hija nom proprju, bl-ebda tifsira partikolari ulterjuri bid-djalett tal-Pitjantjatjara, għalkemm tintuża wkoll bħala kunjom lokali mis-Sidien Tradizzjonali għoljin ta’ Uluru.[4]

Fid-19 ta’ Lulju 1873, is-servejer William Gosse lemaħ il-formazzjoni tal-blat u semmiha l-Blata ta’ Ayers biex jagħti ġieħ lill-Kap Segretarju tan-Nofsinhar tal-Awstralja ta’ dak iż-żmien, Sir Henry Ayers. Minn dak iż-żmien ’l hawn, baqgħu jintużaw iż-żewġ ismijiet.

Fl-1993, ġiet adottata politika ta’ tismija doppja: bl-isem Aboriġenu tradizzjonali (bil-Pitjantjatjara, bil-Yankunytjatjara u b’lingwi lokali oħra) u bl-isem bl-Ingliż. Fil-15 ta’ Diċembru 1993, l-isem uffiċjali sar “Ayers Rock / Uluru” u l-formazzjoni tal-blat saret l-ewwel post b’isem uffiċjali doppju fit-Territorju tat-Tramuntana fl-Awstralja. Madankollu, l-ordni tal-isem uffiċjali doppju ġiet invertita uffiċjalment għal “Uluru / Ayers Rock” fis-6 ta’ Novembru 2002 wara talba mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Reġjonali f’Alice Springs.

Il-formazzjoni tal-blat ramli hija għolja 348 metru, u tlaħħaq 863 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Il-biċċa l-kbira tal-formazzjoni tinsab taħt l-art, u l-perimetru totali tagħha hija 9.4 kilometri. Kemm il-formazzjoni tal-blat ta’ Uluru kif ukoll dik fil-qrib ta’ Kata Tjuta għandhom sinifikat kulturali kbir għall-Aṉangu lokali, l-abitanti tradizzjonali taż-żona, li jorganizzaw żjarat turistiċi bil-mixi biex jinfurmaw lit-turisti dwar l-ambjent, l-ikel, il-flora u l-fawna lokali, u dwar il-ġrajjiet folkloristiċi Aboriġini taż-żona.

Uluru hija notevoli ħafna għax tidher daqslikieku qed tibdel il-kulur f’ħinijiet differenti tal-ġurnata u tas-sena, l-iktar meta tixgħel fl-aħmar fit-tlugħ u nżul ix-xemx.

Kata Tjuta, magħrufa wkoll bħala l-Muntanja Olga jew Olgas, tinsab 25 kilometru fil-Punent ta’ Uluru. Inbnew żoni panoramiċi speċjali b’aċċess mit-triq u parkeġġi biex it-turisti jkunu jistgħu jgawdu l-aqwa veduti fiż-żewġ siti fit-tlugħ u nżul ix-xemx.

Ir-raġġi ta’ nżul ix-xemx fuq Uluru
Veduta ta’ Uluru mill-ISS fl-ispazju

Uluru hija inselberg, jiġifieri litteralment “muntanja gżira”.[5][6][7] Inselberg hija tumbata jew għolja iżolata prominenti li togħla f’daqqa mill-art watja u li hija mdawra minn artijiet baxxi tal-erożjoni estensivi u relattivament ċatti f’reġjun niexef u sħun.[8] Uluru spiss tiġi msejħa blata monolitika, għalkemm dan huwa terminu ambigwu li ġeneralment jiġi evitat mill-ġeologi.[9]

Il-karatteristika notevoli ta’ Uluru hija l-omoġenjetà tagħha u n-nuqqas ta’ ġunturi jew xquq fil-wiċċ tal-blat tal-qiegħ, li wasslu għan-nuqqas ta’ żvilupp ta’ akkumulu ta’ żrar jew ġebel mad-dawra u ħamrija. Dawn il-karatteristiċi tagħha wasslu biex nistgħu ngawduha kif inhi sa llum, filwaqt li l-blat tal-madwar għeb bl-erożjoni.[9]

Għall-fini tal-immappjar u d-deskrizzjoni tal-istorja ġeoloġika taż-żona, il-ġeologi jirreferi għas-saffi tal-blat li jsawru lil Uluru bħala Arkożija Mutitjulu, li hija waħda mill-bosta formazzjonijiet sedimentarji li jimlew il-Baċir ta’ Amadeus.[5]

Kompożizzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-blat ta’ Uluru mill-qrib

Uluru hija magħmula l-iktar minn arkożija bi granularità ħoxna (tip ta’ blat ramli b’abbundanza ta’ feldspar) u minn xi konglomerat.[5][10] Il-kompożizzjoni medja tagħha hija 50 % feldspar, 25-35 % kwarz u sa 25 % frammenti tal-blat; il-biċċa l-kbira tal-feldspar huwa K-feldspar bi plaġjoklażju minuri biss bħala granuli sottottundjati u inklużjonijiet alterati ferm fi ħdan il-K-feldspar. Il-granuli tipikament ikollhom dijametru ta’ bejn 2 u 4 millimetri, u jkunu angolari għal sottoangolari; il-blat ramli li jkun ifjen ikun issortjat tajjeb,, bl-issortjar jonqos kif jikber id-daqs tal-granuli. Fost il-frammenti tal-blat hemm il-bażalt sottottundjat, sostitwit invarjabbilment bil-klorit u bl-epidotu.[5] Il-minerali preżenti jissuġġerixxi derivazzjoni minn sors bi predominanza granitika, simili għall-Blokk ta’ Musgrave li hu espost fin-Nofsinhar.[9] Meta jkun relattivament frisk, il-blat għandu lewn griż, iżda bl-ossidazzjoni tal-minerali bil-ħadid, dawn ittieklu u b’hekk is-saff ta’ barra tal-wiċċ għandu lewn ħamrani fil-kannella qisu sadid. Fost il-karatteristiċi marbuta mad-depożizzjoni tas-sediment, hemm il-qiegħ trasversali u l-brim fil-blat, u l-analiżi tagħhom indikat depożizzjoni minn kanali fluvjali baxxi b’enerġija kbira u għargħar fuq saff irqiq, li huma tipiċi tal-koni/imrewħa alluvjonali.[5][9]

Età u oriġini

[immodifika | immodifika s-sors]
L-ilma tax-xita jgħaddi tul kanali fis-superfiċe ta’ Uluru mmarkati b’algi skuri, u jifforma għadajjar żgħar lejn il-qiegħ; xi kultant l-ilma joħloq fenomenu rari ta’ kaskati neżlin minn ma’ Uluru.

L-Arkożija Mutitjulu jingħad li għandha l-istess età bħall-konglomerat ta’ Kata Tjuta, u li għandha oriġini simili minkejja li t-tip ta’ blat huwa differenti. Madankollu, hija iżgħar mill-blat espost fil-Lvant fil-Muntanja Conner, u mhix relatata magħha. Is-saffi ta’ Uluru huma kważi vertikali, u jiġu għan-niżla lejn il-Lbiċ b’pendil ta’ 85°. Għandhom ħxuna esposta ta’ mill-inqas 2,400 metru. Is-saffi jinżlu taħt il-pjanura tal-madwar u bl-ebda dubju huma estiżi lil hinn minn Uluru fis-sottosuperfiċi, iżda kemm eżatt mhuwiex magħruf.[5]

Il-blat oriġinarjament kien ramel, iddepożitat bħala parti minn imrewħa alluvjonali estensiva li kienet testendi ’l barra mill-antenati tal-ktajjen muntanjużi ta’ Musgrave, Mann u Petermann lejn in-Nofsinhar u l-Punent, iżda li kienet separata minn imrewħa fil-qrib li kienet iddepożitat ir-ramel, iċ-ċagħaq u l-ġebel li ffurmaw lil Kata Tjuta.[5][9]

Il-kompożizzjoni minerali simili tal-Arkożija Mutitjulu u tal-ktajjen muntanjużi tal-granit ġiet spjegata. L-antenati tal-ktajjen muntanjużi fin-Nofsinhar xi darba kienu ferm ikbar mill-fdalijiet li naraw illum li ttieklu bl-erożjoni. Dawn ġew olzati ’l fuq f’avveniment li ħoloq il-muntanji msemmi bħala l-Oroġenija ta’ Petermann, li seħħ fl-aħħar tal-era Neoproterożojka sal-bidu taż-żminijiet Kambrijani (550-530 Ma), u b’hekk huwa maħsub li l-Arkożija Mutitjulu ġiet iddepożitata għall-ħabta tal-istess żmien.

Il-blat ramli tal-arkożija fil-formazzjoni tal-blat huwa magħmul minn granuli bi ftit issortjar abbażi tad-daqs tal-granuli, ma tantx huma ttundjati u l-feldspars fil-blat għandhom dehra relattivament friska. Dan in-nuqqas ta’ ssortjar u ta’ ttundjar tal-granuli huwa tipiku tal-blat ramli tal-arkożija u jindika erożjoni relattivament rapida mill-granit tal-muntanji li kienu qed jitfaċċaw fin-Nofsinhar. Is-saffi ta’ ramel kienu kważi orizzontali meta ġew iddepożitati, iżda reġgħu lura għall-pożizzjoni kważi vertikali tagħhom matul avveniment tal-ħolqien tal-muntanji li seħħ iktar ’il quddiem, possibbilment l-Oroġenija ta’ Alice Springs fl-era Paleożojka (400-300 Ma).[5]

Veduta panoramika mill-quċċata ta’ Uluru

Fawna u flora

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-warru

Storikament, jingħad li 46 speċi ta’ mammiferi nattivi għexu qrib Uluru; skont stħarriġiet reċenti għadhom jgħixu 21 speċi attwalment. L-Aṉangu jirrikonoxxu li tnaqqis fl-għadd ta’ speċijiet ikollu implikazzjonijiet għall-qagħda u għas-saħħa tal-pajsaġġ. Ġew appoġġati sforzi ta’ introduzzjoni mill-ġdid ta’ annimali li kienu ġew estinti lokalment, fosthom il-faġan Awstraljan (Leipoa ocellata), l-opossum Awstraljan (Trichosurus vulpecula), il-walibi liebru ħamrani jew mala (Lagorchestes hirsutus), il-makrotis (Perameles lagotis), il-budi (Bettongia lesueur), u l-warru (Petrogale lateralis).[11][12][13]

Il-mulgara (Dasycercus) huwa ristrett għaż-żona tranżizzjonali tal-pjanura bir-ramel, biċċa art dejqa li testendi minn qrib Uluru sal-konfini tat-Tramuntana tal-park u fl-Ayers Rock Resort. Din iż-żona fiha wkoll it-talpa marsupjali (Notoryctes typhlops), il-woma python (Aspidites ramsayi), u x-xaħmet l-art il-kbir tad-deżert (Liopholis kintorei).

Il-popolazzjoni tal-friefet il-lejl tal-park tinkludi mill-inqas seba’ speċijiet li jiddependu fuq siti ta’ tħejjija għall-irqad binhar fi ħdan l-għerien u x-xquq ta’ Uluru u ta’ Kata Tjuta. Il-biċċa l-kbira tal-friefet il-lejl ifittxu għal priża fl-ajru sa xi 100 metru mill-wiċċ tal-blat. Il-park għandu fawna rettili rikka ħafna ta’ importanza kbira għall-konservazzjoni. B’kollox il-park fih 73 speċi ta’ rettili li ġew iddokumentati b’mod affidabbli. Hemm ukoll erba’ speċijiet ta’ żrinġijiet li huma abbundanti fil-bażi ta’ Uluru u ta’ Kata Tjuta wara x-xita li tagħmel fis-sajf. Ix-xaħmet l-art il-kbir tad-deżert huwa elenkat bħala vulnerabbli filwaqt li x-xitan tal-muntanji (Moloch horridus) huwa pjuttost abbundanti.

L-Aṉangu għadhom jikkaċċjaw u jiġbru l-ispeċijiet ta’ annimali f’żoni remoti tal-park u fuq art oħra tal-Aṉangu. Il-kaċċa hija limitata l-iktar għall-kangarù aħmar (Osphranter rufus), id-dundjan tal-buxx (Alectura lathami), l-emu (Dromaius novaehollandiae) u l-varani bħall-goanna tar-ramel (Varanus gouldii) u l-perentì (Varanus giganteus).

Siġar taħt Uluru

Mis-27 speċi ta’ mammiferi li hemm fil-park, sitta ġew introdotti: il-ġurdien (Mus musculus), il-ġemel (Camelus dromedarius), il-volpi, il-qattus, il-kelb u l-fenek. Dawn l-ispeċijiet huma mifruxin fil-park kollu, iżda d-densitajiet tagħhom huma l-ikbar ħdejn iż-żoni fejn jgħaddi l-ilma tax-xita ta’ Uluru u ta’ Kata Tjuta.

Il-flora tal-Park Nazzjonali ta’ Uluṟu–Kata Tjuṯa tirrappreżenta porzjon kbir tal-pjanti li jinsabu fl-Awstralja Ċentrali. Għadd minn dawn l-ispeċijiet jitqiesu bħala rari u ristretti fil-park jew fir-reġjun immedjat. Fil-park jinsabu bosta pjanti rari u endemiċi.

It-tkabbir u r-riproduzzjoni tal-komunitajiet tal-pjanti jiddependu fuq l-ilma tax-xita li tinżel b’mod irregolari. Xi pjanti kapaċi jirreżistu n-nar u wħud jiddependu proprju fuq in-nar biex jirriproduċu. Il-pjanti huma parti importanti ta’ Tjukurpa, u jsiru ċerimonji għal kull wieħed mill-ikel ewlieni tal-pjanti. Bosta pjanti huma assoċjati ma’ spirti tal-antenati.

Il-flora fil-Park Nazzjonali ta’ Uluṟu-Kata Tjuṯa tista’ tinqasam fil-kategoriji li ġejjin:

  • Punu – siġar,
  • Puti – arbuxelli,
  • Tjulpun-tjulpunpa – fjuri, u
  • Ukiri – ħaxix.
Ix-xitan tal-muntanji

Is-siġar bħall-mulga u l-Corymbia opaca jintużaw għall-produzzjoni tal-għodod bħall-ponot tal-lanez, bumerangs, u skutelli. Il-likwidu ħamrani tal-Corymbia opaca jintuża bħala diżinfettant u bħala inalant kontra s-sogħla u l-irjiħat.

Fil-park jinsabu diversi speċijiet rari u fil-periklu ta’ estinzjoni. Il-biċċa l-kbira minnhom, bħall-felċi Ophioglossum, huma ristretti għaż-żoni bl-indewwa fil-bażi tal-formazzjoni tal-blat, li huma żoni li jżuruhom ħafna viżitaturi u huma soġġetti għall-erożjoni.

Mill-wasla tal-ewwel Ewropej, 34 speċi ta’ pjanti eżotiċi ġew iddokumentati fil-park, li jirrappreżentaw madwar 6.4 % tal-flora totali tal-park. Uħud, bħall-ħaxix perenni (Cenchrus ciliaris), ġew introdotti għar-riabilitazzjoni taż-żoni li kienu nqerdu bl-erożjoni. Din hija l-iktar ħaxix ħażin li jhedded flora oħra tal-park għaliex hija invażiva tant li laħqet is-sorsi tal-ilma u tal-iskular tan-nutrijenti. Ftit oħra, bħaċ-Cenchrus echinatus, inġabu inċidentalment mill-karozzi u min-nies.

Klima u ħames staġuni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park għandu klima sħuna tad-deżert u jkollu xita medja ta’ 284.6 millimetru fis-sena. It-temperatura għolja medja fis-sajf (Diċembru-Jannar) hija 37.8 °C (100.0 °F), u t-temperatura baxxa medja fix-xitwa (Ġunju-Lulju) hija 4.7 °C (40.5 °F). It-temperaturi rekord fil-park kienu 46 °C (115 °F) matul is-sajf u −5 °C (23 °F) matul ix-xitwa. Il-livelli tal-UV huma estremi bejn Ottubru u Marzu, b’medja ta’ bejn 11 u 15 fl-indiċi UV.

L-Aboriġini lokali jirrikonoxxu ħames staġuni:

  1. Wanitjunkupai (April/Mejju) – temp iktar frisk
  2. Wari (Ġunju/Lulju) – temp kiesaħ bi ġlata kmieni filgħodu
  3. Piriyakutu (Awwissu/Settembru/Ottubru) – l-annimali jitgħammru u l-pjanti tal-ikel jarmu l-fjuri
  4. Mai Wiyaringkupai (Novembru/Diċembru) – temp sħun meta l-ikel isir skars
  5. Itjanu (Jannar/Frar/Marzu) – maltempati sporadiċi li jiffurmaw f’daqqa waħda
Data klimatika għal Yulara Aero
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord °C (°F) 46.4

(115.5)

45.8

(114.4)

42.9

(109.2)

39.6

(103.3)

35.7

(96.3)

36.4

(97.5)

31.1

(88.0)

35.0

(95.0)

38.7

(101.7)

42.3

(108.1)

45.0

(113.0)

47.0

(116.6)

47.0

(116.6)

Temp. għolja medja °C (°F) 38.4

(101.1)

36.9

(98.4)

34.4

(93.9)

29.8

(85.6)

24.2

(75.6)

20.4

(68.7)

20.4

(68.7)

23.7

(74.7)

28.8

(83.8)

32.4

(90.3)

35.1

(95.2)

36.5

(97.7)

30.1

(86.2)

Temp. baxxa medja °C (°F) 22.7

(72.9)

22.1

(71.8)

19.3

(66.7)

14.4

(57.9)

9.3

(48.7)

5.6

(42.1)

4.4

(39.9)

5.9

(42.6)

10.7

(51.3)

15.0

(59.0)

18.4

(65.1)

20.8

(69.4)

14.1

(57.4)

Temp. baxxa rekord °C (°F) 12.7

(54.9)

12.1

(53.8)

8.0

(46.4)

1.3

(34.3)

1.1

(34.0)

−1.8

(28.8)

−3.6

(25.5)

−2.2

(28.0)

−1

(30)

4.5

(40.1)

6.5

(43.7)

9.9

(49.8)

−3.6

(25.5)

Xita medja mm (pulzieri) 25.8

(1.02)

39.6

(1.56)

35.1

(1.38)

14.7

(0.58)

13.0

(0.51)

17.4

(0.69)

18.4

(0.72)

4.3

(0.17)

7.4

(0.29)

20.7

(0.81)

34.2

(1.35)

40.2

(1.58)

274.6

(10.81)

Medja ta’ jiem ta’ xita (≥ 1 mm) 3.2 2.9 2.0 1.7 1.8 1.6 1.9 1.0 1.4 2.7 3.9 4.7 28.8
Sors: Uffiċċju tal-Meteoroloġija

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Tpittir Aboriġenu mal-blat ta’ Uluru

Il-Park Nazzjonali ta’ Uluṟu-Kata Tjuṯa ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987 u t-territorju ddeżinjat tal-park ġie estiż fl-1994.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit naturali ġie rikonoxxut abbażi ta’ erba’ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) “Eżempju straordinarju ta’ insedjament uman tradizzjonali, ta’ użu tal-art jew ta’ użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta’ bidla irreversibbli”; il-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”; il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”; u l-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta’ art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”.[3]

  1. ^ "Place Names Register". www.ntlis.nt.gov.au. Miġbur 2021-06-22.
  2. ^ "Uluru-Kata Tjuta National Park". parksaustralia.gov.au (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-22.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Uluru-Kata Tjuta National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-22.
  4. ^ Issacs, Jennifer (1980). Australian Dreaming: 40,000 Years of Aboriginal History. Sydney: Lansdowne Press. pp. 40-41. ISBN 0-7018-1330-X.
  5. ^ a b ċ d e f ġ g Young, David N.; Duncan, N.; Camacho, A.; Ferenczi, P.A.; Madigan, T.L.A. (2002). Ayers Rock, Northern Territory, Map Sheet GS52-8 (2nd edition) (Map). 1:250 000. Northern Territory Geological Survey. Geological Map Series Explanatory Notes.
  6. ^ Twidale, C. R.; Campbell, Elizabeth M. (2005). Australian Landforms. Rosenberg. p. 141. ISBN 1-877058-32-7.
  7. ^ Quinn, Joyce Ann; Woodward, Susan L., eds. (2015). Earth's Landscape: An Encyclopedia of the World's Geographic Features. ABC-CLIO. pp. 719–720. ISBN 978-1-61069-446-9.
  8. ^ Neuendorf, Klaus K.E.; Mehl Jr., James P.; Jackson, Julia A., eds. (2005). Glossary of Geology (5th ed.). Alexandria, VA: American Geological Institute. ISBN 0-922152-76-4.
  9. ^ a b ċ d e Sweet, I.P.; Crick, I.H. (1992). Uluru & Kata Tjuta: A Geological History (Monograph). Canberra: Australian Geological Survey Organisation. ISBN 0-644-25681-8.
  10. ^ "Geology". web.archive.org. 2007-10-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-28. Miġbur 2021-06-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ Uluṟu–Kata Tjuṯa Board of Management (2000). Uluṟu–Kata Tjuṯa National Park Plan of Management (PDF) (4th ed.). Canberra: Environment Australia. ISBN 0-642-54673-8.
  12. ^ "War in the wild: Australian conservationists battle feral cats". Nikkei Asia (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-22.
  13. ^ "DIPL" (PDF).