Tipasa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-fdalijiet ta' arkati f'Tipasa.

Tipasa, li xi kultant tiġi distinta bħala Tipasa fil-Mawritanja, kienet kolonja fil-provinċja Rumana ta' Mauretania Caesariensis, li llum il-ġurnata tissejjaħ Tipaza, u tinsab fin-naħa kostali tal-Alġerija ċentrali. Fl-1982 Tipasa tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Is-sit tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu fl-2002,[2] iżda tneħħa mil-lista tas-siti fil-periklu fl-2006 wara li saru sforzi ta' konservazzjoni.[3]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Ċentru kummerċjali Puniku[immodifika | immodifika s-sors]

Inizjalment il-belt kienet ċentru kummerċjali Puniku żgħir u antik.

Kolonja Rumana[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li nħakmet minn Ruma tal-Qedem, Tipasa ġiet ikkonvertita f'kolonja militari mill-Imperatur Klawdju għall-ħakma tar-renji tal-Mawritanja. Wara saret municipium imsejjaħ Colonia Aelia Augusta Tipasensium, u laħqet popolazzjoni ta' 20,000 abitant fis-seklu 4 W.K. skont l-istoriku Gsell.[4]

Il-fdalijiet Rumani ta' Tipasa.

Il-belt Rumana nbniet fuq tliet għoljiet żgħar li jħarsu fuq il-baħar, kważi 20 kilometru fil-Lvant ta' Caesarea (il-belt kapitali ta' Mauretania Caesariensis). Ma għad fadal l-ebda traċċa tad-djar, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu nbnew fuq l-għolja ċentrali; iżda għad hemm il-fdalijiet ta' tliet knejjes — il-Bażilika l-Kbira u l-Bażilika ta' Alessandru fuq l-għolja tal-Punent, u l-Bażilika ta' Santa Salsa fuq l-għolja tal-Lvant, flimkien ma' żewġ ċimiterji, banjijiet, teatru, anfiteatru u nymphaeum. Il-linja fejn kien hemm is-swar tista' tiġi traċċata sew u taħt l-għolja tal-Lvant hemm il-fdalijiet tal-port l-antik.

Qabar Kristjan mill-bażilika Rumana ta' Tipasa.

Il-bażiliki huma mdawra minn ċimiterji, li huma mimlijin oqbra tal-ġebel miksija bil-mużajk. Il-Bażilika ta' Santa Salsa, li ġiet skavata minn Stéphane Gsell, tikkonsisti minn navata u żewġ korsiji, u għad hemm il-fdalijiet ta' mużajk. Il-Bażilika l-Kbira ntużat għal sekli sħaħ bħala barriera, iżda wieħed għadu jista' jara kif kienet il-pjanta tal-binja mill-pedamenti, maqsuma f'seba' korsiji. Taħt il-pedamenti tal-knisja hemm oqbra mħaffra fil-blat. Wieħed mill-oqbra għadnu għamla ċirkolari, b'dijametru ta' 18-il metru u bi spazju għal 24 tebut.

Taħt it-tmexxija tar-Rumani, il-belt kisbet importanza kummerċjali u militari ikbar minħabba l-port tagħha u l-pożizzjoni ċentrali fis-sistema ta' rotot kostali Rumani fit-Tramuntana tal-Afrika. Madwar il-belt inbena ħajt twil madwar 7,500 pied (2,300 metru) għad-difiża kontra t-tribujiet nomadiċi, u fi ħdan il-ħajt inbnew binjiet pubbliċi Rumani u distretti bid-djar. Tipasa saret ċentru importanti tal-Kristjaneżmu fis-seklu 3. L-ewwel tinqixa Kristjana f'Tipasa tmur lura għall-238, u fil-belt inbnew bosta binjiet reliġjużi Kristjani fl-aħħar tas-seklu 3 u fil-bidu tas-seklu 4... Għall-ħabta tat-372 Tipasa rreżistiet l-assedju ta' Firmus, il-mexxej ta' ribelljoni Berbera li kien ħakem il-bliet fil-qrib ta' Caesarea (illum il-ġurnata Cherchell) u Icosium (illum il-ġurnata l-Alġier). Tipasa mbagħad intużat bħala l-bażi għall-kontrattakk Ruman. Madankollu, il-fortifikazzjonijiet ta' Tipasa ma pprevjenewx li l-belt tinħakem mill-Vandali għall-ħabta tal-429, u din temmet il-prosperità li kellha l-belt matul żmien ir-Rumani. Fl-484, matul il-persegwitazzjoni tal-Knisja Kattolika mir-Re tal-Vandali Huneric, l-isqof Kattoliku ta' Tipasa tkeċċa u ġie sostitwit minn isqof Arjan — u dan wassal biex bosta abitanti tal-belt jaħarbu lejn Spanja. Fid-deċennji ta' wara l-belt ġiet mitluqa.

Kummerċjalment Tipasa kellha importanza konsiderevoli, iżda ma kinitx distinta fl-arti jew fit-tagħlim. Il-Kristjaneżmu ddaħħal minn żmien bikri, u fis-seklu 3 Tipasa kienet sede episkopali, li issa hija elenkata fil-lista ta' sedi titolari tal-Knisja Kattolika.

Il-biċċa l-kbira tal-abitanti ma sarux Kristjani sa meta, skont il-leġġenda, Salsa, xebba Kristjana, waddbet ras is-serp li kien l-idolu tagħhom fil-baħar, u l-popolin inkorlaw u ħaġġruha sal-mewt. Il-katavru, li b'miraklu ġie rkuprat mill-baħar, indifen fuq l-għolja ta' fuq il-port f'kappella żgħira li mbagħad minflokha nbniet il-Bażilika l-Kbira. Il-martirju ta' Salsa seħħ fis-seklu 4. Fl-484 ir-Re tal-Vandali Huneric (477‑484) bagħat isqof Arjan lejn Tipasa u bosta abitanti ħarbu lejn Spanja, filwaqt li l-kumplament ġew ippersegwitati b'mod krudili.

Deklin[immodifika | immodifika s-sors]

Tipasa nqerdet parzjalment mill-Vandali fl-430, iżda ġiet rikostruwita mill-Biżantini seklu wara. Tipasa reġgħet ħadet ir-ruħ għal żmien qasir matul l-okkupazzjoni Biżantina fis-seklu 6 iżda ngħatat l-isem Għarbi, Tefassed, meta waslu l-Għarab hemmhekk. It-terminu jfisser "li ġarrbet ħsarat estensivi".

Fis-seklu 3 il-Kristjaneżmu kien ir-reliġjon tal-Berberi Rumanizzati u tal-kolonjalisti Rumani kollha ta' Tipasa. L-eqdem epitaffju Kristjan fl-Afrika Rumana ġej minn dan il-perjodu u jmur lura għas-17 ta' Ottubru 237. F'Tipasa nbnew l-ikbar bażiliki tal-Alġerija attwali: il-Bażilika ta' Alessandru u l-Bażilika ta' Santa Salsa.

Fl-aħħar tas-seklu 7 il-belt inqerdet mill-Għarab u tħalliet fi stat ta' fdalijiet.

Ġieħ lil Albert Camus[immodifika | immodifika s-sors]

Fost il-fdalijiet Rumani, faċċata tal-baħar u l-Għolja ta' Chenoua, ittellgħet stele fl-1961 f'ġieħ Albert Camus bil-frażi bil-Franċiż, estratta mix-xogħol tiegħu Noces à Tipasa: "Hawnhekk nista' nifhem x'inhi l-glorja: id-dritt li tħobb mingħajr qies" (Je comprends ici ce qu'on appelle gloire : le droit d'aimer sans mesure).

Belt moderna[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1857, l-inħawi ġew insedjati mill-ġdid bil-ħolqien tal-belt ta' Tipaza li issa għandha kważi 30,000 abitant. Ir-raħal u l-madwar tiegħu jospita l-ikbar grupp li jitkellem lingwa Berbera fil-Punent tal-Alġerija, il-poplu Chenoua.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Tipasa ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Tibdil fil-Klima[immodifika | immodifika s-sors]

Bħala wirt kostali, Tipasa hija vulnerabbli għaż-żieda fil-livell tal-baħar. Fl-2022, is-Sitt Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC inkludiha fil-lista tas-siti kulturali Afrikani li se jkunu mhedda mill-għargħar u mill-erożjoni kostali sal-aħħar tas-seklu, jekk it-tibdil fil-klima jilħaq RCP 8.5, li huwa x-xenarju taż-żieda kbira u kontinwa ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra assoċjati mat-tisħin globali ta' iktar minn 4 °C, għalkemm din l-ipoteżi ma tantx għadha titqies bħala probabbli ħafna. Ix-xenarji l-oħra, iktar plawżibbli, jirriżultaw f'livelli iktar baxxi ta' tisħin globali u konsegwentement f'żieda iktar baxxa tal-livell tal-baħar: minkejja dan, il-livell tal-baħar mistenni jogħla għal madwar 10,000 sena fix-xenarji kollha. Anke jekk it-tisħin globali jiġi limitat għal żieda ta' 1.5 °C, iż-żieda globali tal-livell tal-baħar xorta waħda mistennija li taqbeż 2-3 metri (7-10 piedi) wara 2,000 sena (u livelli ogħla ta' tisħin globali jwasslu għal żidiet ikbar imbagħad), u konsegwentement il-livell tal-baħar fl-2100 jibqa' jogħla b'RCP 8.5 (~0.75 metru (2 piedi) u b'firxa ta' 0.5-1 metru (2-3 piedi)) ferm qabel is-sena 4000.

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Tipasa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-20.
  2. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Tipasa (Algeria) Added to List of World Heritage in Danger". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-20.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 2006) Tipasa (Algeria)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-20.
  4. ^ "Archivo de la Frontera | EL LIMES ROMANO DE ÁFRICA IX – AELIA AUGUSTA TIPASENSIUM (Tipasa – Argelia, 1982-84)" (bl-Ispanjol). Miġbur 2023-10-20.
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Tipasa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-20.