Aqbeż għall-kontentut

Tinqix fuq il-Blat ta' Dazu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-tinqix fuq il-blat fl-Għolja ta' Baoding.

It-Tinqix fuq il-Blat ta' Dazu (biċ-Ċiniż: 大足石刻; bil-Pinjin: Dàzú Shíkè) huwa magħmul minn sensiela ta' tinqix u skulturi reliġjużi Ċiniżi li huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[1] u jinsabu fid-Distrett ta' Dazu, Chongqing, iċ-Ċina. It-tinqix imur lura saħansitra tas-seklu 7 W.K., u juri diversi twemmin bl-influwenzi tal-Buddiżmu, tal-Konfuċjaniżmu u tat-Taoiżmu. Ftit mit-tinqix jinsab f'santwarji mħaffra fil-blat, bl-istil Buddist Ċiniż tas-soltu, iżda ħafna tinqix ieħor huwa riljievi fil-blat imnaqqxa f'diversi uċuħ tal-blat. It-Tinqix fuq il-Blat ta' Dazu tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999 u huwa magħmul minn 75 sit protett li fihom xi 50,000 statwa u iktar minn 100,000 karattru Ċiniż li jiffurmaw inċiżjonijiet u epigrafi. Is-siti jinsabu fil-Muniċipalità ta' Chongqing fi ħdan ix-xaqlibiet weqfin tal-għoljiet madwar id-Distrett ta' Dazu, madwar 165 kilometru fil-Punent taż-żona urbana ta' Chongqing. L-attrazzjonijiet ewlenin tat-tinqix fuq il-blat jinsabu fl-Għoljiet ta' Baoding u ta' Beishan.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tinqix fuq il-Blat ta' Dazu ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

It-Tinqix fuq il-Blat ta' Dazu jinsab f'ħames postijiet ewlenin fid-Distrett ta' Dazu, fil-Muniċipalità ta' Chongqing: Beishan, Baodingshan, Nanshan, Shizhuanshan u Shimenshan.

  • F'Beishan (li tfisser Muntanja tat-Tramuntana) hemm żewġ gruppi ta' tinqix u skulturi fuq il-blat tul wiċċ ta' rdum estiż fuq 300 metru. Dawn imorru lura għas-sekli 9 sa 12 u juru temi Buddisti Tantriċi u Taoisti.
  • F'Baodingshan (li tfisser Muntanja ta' Baoding) hemm tinqix fuq il-blat fi ħdan wied b'għamla tal-ittra U qrib il-Paviljun tal-Lonġevità, li jmur lura għas-sekli 12 u 13. Estiżi fuq 500 metru, il-figuri mnaqqxa juru temi mill-Buddiżmu Tantriku kif ukoll mill-ħajja lajka.
  • F'Nanshan (li tfisser Muntanja tan-Nofsinhar), l-arti fuq il-blat tmur lura għal żmien id-dinastija Song, matul ir-renju tal-Imperatur Shao Xing, u turi temi u simboli Taoisti. Barra minn hekk, hemm stele li tirreġistra l-istorja ta' Sichuan wara invażjoni tal-Mongoli fis-seklu 13.
  • F'Shizhuanshan (li tfisser Muntanja ta' Shizhuan) it-tinqix fuq il-blat imur lura għall-bidu tas-seklu 12, u b'mod uniku l-iskulturi mnaqqxin fil-blat jintegraw flimkien it-Taoiżmu, il-Konfuċjaniżmu u l-Buddiżmu. Huwa maħsub li l-iżjed prominenti fost l-iskulturi ġew skolpiti minn Wen Wijian, skultur famuż ta' dak iż-żmien.
  • F'Shimenshan (li tfisser Muntanja ta' Shimen) hemm tinqix fuq il-blat li jmur lura għas-seklu 12, inkluż statwi tal-Imperatur tal-Ġada u ta' diversi divinitajiet.

It-teknika tat-tinqix fuq il-blat jaf oriġinat fl-Indja tal-qedem. L-iżjed tinqix bikri beda jsir fis-650 W.K. matul żmien il-bidu tad-dinastija Tang, iżda l-perjodu prinċipali meta saru beda fl-aħħar tas-seklu 9, meta Wei Junjing, il-Prefett ta' Changzhou, beda bit-tinqix fuq il-blat tal-Għolja ta' Beishan, u l-eżempju tiegħu ġie segwit wara l-waqgħa tad-dinastija Tang min-nies nobbli lokali, mill-patrijiet u mis-sorijiet, u min-nies komuni matul il-perjodu tal-Ħames Dinastiji u tal-Għaxar Renji (907–965). Fis-seklu 12, matul żmien id-dinastija Song, patri Buddist jismu Zhao Zhifeng beda jaħdem fuq skulturi u tinqix elaborati fl-Għolja ta' Baoding, u ddedika 70 sena minn ħajtu fuq dan il-proġett. Għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-kollezzjonijiet tat-tinqix fuq il-blat, it-tinqix fuq il-blat ta' Dazu jinkludi statwi li jirrappreżentaw it-tliet reġjuni ewlenin fir-reġjun: il-Buddiżmu, it-Taoiżmu u l-Konfuċjaniżmu.[2]

It-tinqix għal bosta snin ma kienx aċċessibbli għall-pubbliku, iżda fl-1961 saru aċċessibbli għall-vjaġġaturi Ċiniżi u fl-1980 saru aċċessibbli għall-viżitaturi barranin. Sal-1975 kien hemm mogħdija bit-tajn biss bejn ir-raħal ta' Dazu u r-raggruppament prinċipali tat-tinqix fuq il-blat.[3]

It-tinqix fuq il-blat ta' Dazu tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999, bis-saħħa "…tal-kwalità estetika tiegħu, id-diversità rikka ta' suġġetti, kemm lajċi kif ukoll reliġjużi, u d-dawl li jixħet fuq il-ħajja ta' kuljum fiċ-Ċina matul dak il-perjodu. It-tinqix fuq il-blat jipprovdi evidenza straordinarja tas-sinteżi armonjuża tal-Buddiżmu, tat-Taoiżmu u tal-Konfuċjaniżmu".[1]

Veduti panoramiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta panoramika ta' segment qasir tat-tinqix, fejn jidhru figuri bħall-Għaxar Rejiet Għorrief, fosthom Acala, Hayagriva, Ucchusma, Trailokyavijaya, Yamāntaka u Kuṇḍali.
Veduta panoramika ta' segment qasir tat-tinqix, fejn jidhru diveri figuri Buddisti kif ukoll figuri storiċi Ċiniżi.
Veduta panoramika ta' niċċa fit-tinqix, bix-xbieha prinċipali ta' manifestazzjoni b'elf dirgħajn tal-Bodhisattva Guanyin, imdawwar b'diversi devas.
  1. ^ a b ċ d "Dazu Rock Carvings". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-28.
  2. ^ "State Bureau of Cultural Relics, China UNESCO State Report" (PDF).
  3. ^ Terrill, Ross (1990-01-14). "Serene Haven of Buddhist Art" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-28.