Aqbeż għall-kontentut

Sqallija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Sqallija Sicilia (it)
Amministrazzjoni
Pajjiż Italja Italja
Kapital Palermo
Muniċipalitajiet 390
President Renato Schifani
Demografija
Popolazzjoni 4,785,338 abitant (2024)
Densità 186 abitant/km2
Lingwi uffiċjali Taljan u Sqalli
Ġeografija
Żona 2,570,900 ettaru = 25,709 km2
Mixxellanji
Innu

Madreterra

Mappa
Websajt https://www.regione.sicilia.it

Sqallija (Sicilia) hija l-ikbar gżira fil-Baħar Mediterran, flimkien mal-gżejjer minuri tal-madwar. Din il-gżira hija awtonoma però tifforma parti mill-peniżola Taljana, allura nistgħu ngħidu li tista' titqies bħala wieħed mir-reġjuni tal-Italja minkejja l-fatt li hija gżira b'kultura kemxejn differenti. Sqallija tinsab fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran, il-gżira testendi mill-ponta tal-peniżola ta' Apennini, li hija separata biss mit-triq id-dejqa li taqsam il-lokalità ta' Messina, u tibqa' sejra lejn il-kosta tat-tramuntana tal- kontinent Afrikan.

L-iktar aspett monumentali ta' dan il-pajjiż huwa mingħajr ebda dubju, il-vulkan tal-Etna, li huwa 3,320 metru 'l fuq mil-livell tal-art, vulkan grandjuż li jġorr it-titlu bħala l-iktar vulkan attiv fl-Ewropa u fid-dinja. Il-gżira tipposjedi klima tipikament Mediterranja. L-eqdem evidenza arkeoloġika ta' abitazzjoni umana tmur lura għat-8,000 sena QK. Madwar is-sena 750 QK, Sqallija saret kolonja Griega u hija fruntiera li rat bosta battalji storiċi, hawnhekk qiegħed nirreferi direttament għall-gwerer Griegi-Puniċi u Rumani-Puniċi li ġew miġġielda tul medda ta' 600 sena. Il-vittorja ta' dawn il-gwerer Puniċi kienet tar-Rumani, rebħa li wasslet għad-distruzzjoni tal-belt ta' Kartaġni. Wara l-waqgħa tal-imperu Ruman fil-ħamest seklu wara kristu, Sqallija ġiet maħkuma minn bosta ġnus barranin, u matul il-medju-evu din il-gżira ġiet maħkuma mill-Vandali,mill-Ostrogoti,mill-Biżantini, mill-Għarab u fl-aħħar mill-aħħar min-Normanni.

Iktar 'il quddiem ġie fformat, dak li beda jissejjaħ ir-renju ta' Sqallija, li dam bejn l-1130 u l-1816. Dan issubordina l-kuruni ta' Aragona, ta' Spanja, tal-imperu Ruman sakemm fl-aħħar ingħaqdu taħt il-Burboni ma' Napli bħala r-renju taż-żewġ Sqallijiet. Flimkien ma' espedizzjoni ta' elf ruħ, Giuseppe Garibaldi ddirieġa r-rivolta matul il-proċess tal-unifikazzjoni Taljana, u minn dakinhar Sqallija bdiet tiġi kkunsidrata bħal parti mill-Italja, proprju fl-1860 eżattament wara li ġie żvelat ir-riżultat tar-referendum. Wara t-twelid tar-Repubblika Taljana fl-1946, Sqallija ngħatat l-istatus speċjali bħala reġjun awtonomu. Sqallija għandha kultura unika u rikka, speċjalment f'dak kollu li għandu x'jaqsam mal-arti, mal-mużika, mal-letteratura, mal-kċina u mal-arkitettura. Sqallija tagħti importanza lis-siti qodma kif ukoll dawk arkeoloġiċi, ngħidu aħna bħan-Nekropoli ta' Pantalica, il-wied tat-tempji u Selinunte.

Meta wieħed jagħti daqqa t'għajn lejn Sqallija għandu jinnota l-forma trijangolari tal-gżira. Forma speċjali li nnominata Trinacria, kelma arkajka li hija ġejja mill-Grieg Treis 'Tlieta',u akra 'ġejja għall-ponta'. Il-gżira hija mbiegħda mir-reġjun Taljan tal-Kalabrija permezz tal-istrett ta' Messina, li huwa ta' madwar 3 kilometri wiesgħa lejn it-tramuntana, u xi 16-il kilometru lejn il-parti tan-nofsinhar. Ix-xtajtiet tat-tramuntana u tan-nofsinhar huma ta' xi 280 kilometru tul, mentri t-tul tal-kosta tal-lvant huwa ta' 180 kilometru, l-istima tad-daqs tal-kosta kollha huwa ta' 1,484 kilometru. Iż-żona totali tal-gżira huwa ta' 25,711-il kilometru kwadru, però r-reġjun awtonimu ta' Sqallija (li jinkludi l-gżejjer iż-żgħar tal-madwar) jkopri ż-żona ta' 27,708 kilometru kwadru.

Il-maġġor parti tal-art innata ta' Sqallija hija miksija bl-għoljiet, u ġiet ikkultivata mill-bniedeim ,dejjem fejn kien possibbli. Matul il-kosta tat-tramuntana, id-diversi muntanji ta' Madonie (2000 metru), ta' Nebrodi (1800 metru) u ta' Pelotani (1300 metru) jirrappreżentaw l-estenzjoni tal-art prinċipali ta' Appennines. Id-dawra tal-vulkan Etna tiddomina fuq il-kosta tal-lvant. Lejn ix-xlokk wieħed jista' josserva l-muntanji l-baxxi tal-Hyblaean (1000 metru) Il-minjieri tad-distrett ta' Enna u ta' Kaltanissetta kienu użati bħala żoni minn fejn seta' jinġieb is-sulfur matul is-seklu 19, però dan is-sors naqas sewwa mal-ħamsinijiet tas-seklu 20.

Sqallija u l-gżejjer iż-żgħar li jiċċirkondawha jipposjedu bosta vulkani attivi. Meta wieħed jitkellem rigward is-suġġett tant interessanti tal-vulkani tal-Mediterran, żgur li ma jistax jinsa 'l vulkan Etna, b'għoli li jlaħħaq mat-3,320 metru. L-Etna jġorr it-titlu tal-ogħla vulkan attiv fl-Ewropa u saħansitra fid-dinja wkoll. Il-gżejjer ta' Aeolian fil-baħar Tirren, li jinsabu lejn il-grigal ta' Sqallija, jesebixxu kumplessità vulkanika fejn inkluż hemm Stromboli. Bħalissa l-vulkani attivi huma t-tliet vulkani ta' Vulcano Vulcanello u dak ta' Lipari, li s-soltu huwa deskritt bħala vulkan inattiv. 'Il barra mill-kosta tan-nofsinhar ta' Sqallija wieħed jista' faċilment isib il-vulkan ta' taħt il-livell tal-ilma li jġib l-isem ta' Ferdinadea, vulkan li ilu ma jiżbroffa sa mill-1831. Dan il-vulkan jinsab bejn il-kosta ta' Agrigento u l-gżira ta' Pantellerija (li hija meqjusa bħala vulkan inattiv ukoll) fuq iż-żona Phlegraean tal-istrett ta' Sqallija. Dan ir-reġjun awtonimu jinkludi wkoll bosta gżejjer ġirien, dawn huma: il-gżejjer ta' Aegadian, il-gżejjer ta' Aeolian, Il-gżira vulkanika ta' Pantellerija u Lampedusa.

Sqallija tipposjedi klima tipikament Mediterranja bi xtiewi moderati u mxarrba flimkien ma' sjuf sħan u nexfin li jilqgħu lit-turist vjaġġatur. Skont l-agenzija reġjonali għall-iskart u għall-ilma, fl-10 ta' Awwissu tal-1999 l-istazzjon tat-temp f'Katenanuova (EN) rrekordja t-temperatura estrema ta' 48.5 °C (119 °F), li hija l-ogħla temperatura li qatt ġiet irrekordjata fl-Ewropa permezz ta' strumenti effiċjenti li wieħed jista' joqgħod fuq ir-riżultati miksuba minnhom. Ir-rikordju uffiċjali tal-Ewropa, li ġie mkejjel b'termometri minimi u massimi--huwa rrikonoxxut f'Ateni, il-Greċja hekk kif il-komunikazzjonijiet irrapportaw it-temperatura għolja ta' 48.0 °C (118 °F) fl-1977.

Il-Park Naturali ta' Zingaro fi Sqallija

Flora u Fawna

[immodifika | immodifika s-sors]

Sqallija hija ta' sikwit deskritta bħala eżempju ċar ta' deforestazzjoni umana, li kienet ipprattikata sa miż-żminijiet Rumani, meta l-gżira ġiet ittrasformata f'reġjun agrikolu. Dan il-fattur beda jbiddel il-klima tal-gżira bilmod il-mod, infatti bdiet nieżla inqas xita u x-xmajjar bdew jinxfu. Din hija r-raġuni 'l għala m'hemmx foresti fil-provinċji taċ-ċentru u tal-ilbiċ. Fit-tramuntana ta' Sqallija wieħed jista' faċilment jilloka tliet foresti importanti. ħdejn il-vulkan Etna, il-muntanji Nebrodi u fir-riserva naturali tal-bosk tal-Ficuzza ħdejn Palermo. Il-park reġjonali tal-muntanji Nebrodi, li ġie stabbilit fl-4 ta' Awwissu tal-1993, bis-86,000 etteri huwa kkunsidrat bħala l-ikbar żona naturali u protetta ta' Sqallija, hawnhekk wieħed jista' jsib ukoll l-ikbar foresta ta' Sqallija, li jisimha l-foresta Karonja, li huwa t-tieni isem li ġie mogħti lill-muntanji Nebrodi. L-ixjaħ siġra li tinsab fuq din il-gżira ċentrali għandha bejn l-2000 u l-4000 sena, din is-siġra tinsab fuq it-triq ta' Linguaglossa f'Sant'Alfio lejn l-lvant tal-vulkan Etna.

Sqallija għandha livell tajjeb ta' Bijodiversità fawnali, Ftit mill-ispeċi li jabitaw fuqha jinkludu: Iċ-Ċirneku tal-Etna, il-volpi, il-ballotra ż-żgħira, il-martora tal-arżnu, iċ-ċerva Roe, il-ħanżir salvaġġ, il-Qanfud, Iż-Żrinġ komuni, l-Ajkla dehbiena u l-Falkun. Kultant Sqallija hija kkunsidrata bħala l-punt fejn bosta speċi huma ristretti milli jemigraw lejn bnadi oltrè. Pereżempju, is-sotto-speċi taċ-ċawla tal-barnuża tirrikorri fi Sqallija, f'Sardinja u f'Korsika biss, infatti din l-ispeċi partikolari ma ssibiex kieku kellek tfittex f'dawk il-pajjiżi li jinsabu lejn in-nofsinhar ta' din il-gżira ċentrali. Ir-riserva naturali ta' Zingaro hija waħda mill-aqwa eżempji ta' abbissi kostali li għadhom ma ġewx mimsusa mill-bniedem.

Tribujiet Qodma

[immodifika | immodifika s-sors]

L-abitanti oriġinali ta' Sqallija kienu maqsumin fi tliet gruppi tal-poplu pre-istoriku tal-Italja. L-iktar grupp prominenti u prekarju minn dawn kien dak tas-Sikani, li kienu miġbura minn Thucydides, jingħad li kien ġej mill-peniżola tal-Iberja. Evidenza storika li hija ta' ċerta importanza hija l-iskoperta tat-tpinġijiet impinġija mis-Sikani fl-għerien li kienu jgħixu fihom. Tpinġijiet li jmorru lura sa tmiem l-epoka tal-Pleistocene, għall-ħabta tas-sena 8,000 QK. Il-miġja tal-ewwel umani hija assoċjata mal-estinzjoni tal-ippopotami nani u tal-iljunfanti nani. Il-poplu Elimjan, maħsub li kien ġej mill-baħar Eġew, kien dak il-poplu, li kien missu jingħaqad fi tribù sabiex jemigra lejn Sqallija u jitħallat mal-popolazzjoni ta' din il-gżira hekk maġġuri fil-Mediterran.

L-iskoperti riċenti tad-dolmens li jinsabu fuq din il-gżira (dawn imorru lura għat-tieni nofs tat-tielet millenju qabel kristu), jidhru li sejrin jiftħu orizzonti ġodda fuq il-panorama kulturali u komposta ta' Sqallija primittiva. Huwa magħruf b'eżattezza li dan ir-reġjun kien għadda minn pre-istorja pjuttost diffiċli, tant li hija missjoni antipatka li timxi wara l-passi tal-popli diversi li segwew 'il xulxin. L-impatt taż-żewġ influwenzi huwa ċar però l-influwenza Ewropea dehret li kienet ġejja mill-majjistral, u l-oħra, influwenza Mediterranja ta' oriġni orjentali.[1]

Għalkemm m'hemm l-ebda prova ta' xi gwerer li setgħu nqalgħu bejn dawn iż-żewġ tribujiet, meta l-Elmjani qagħdu fil-kantuniera majjistra tal-gżira, Is-Siċanjani mxew lejn il-lvant. Mill-art prinċipali tal-Italja, li fuqha kienu jgħixu nies li kienu ġejjin mil-Ligurja, oriġinaw is-Siċili fl-1200 QK, qawwa liema bħala li nfurzat lill-Isqallin jmorru lura lejn Sqallija u joqogħdu f'nofs il-gżira. Gruppi minuri oħra ġewwa l-Italja li qagħdu fi Sqallija kienu l-Awsoni (Gżejjer ta' Aeolian, Milazzo) u l-Morgeti (Morgantina) Hemm bosta studji ta' rekordji ġenetiċi li jirrappreżentaw lill-abitanti li kienu ġejjin minn pajjiżi varji li jmissu mar-reġjun tal-baħar Mediterran, imħallta mal-eqdem abitanti ta' Sqallija. Fosthom kien hemm l-Eġizzjani, il-Feniċi u l-Iberjani. Il-Feniċi kienu abitanti prekarji li ġew qabel il-miġja Griega wkoll.

San Ġovanni degli Eremiti, Il-koppli l-ħomor qed juru l-elementi tal-arkitettura Biżantina

Il-Perjodu Għarbi (827-1091)

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-miġja Għarbija fi Sqallija ġabet magħha bosta riformi lill-uċuħ tal-artijiet tar-raba, dan sabiex tkun tista' tiżdied il-produttività u biex jiġi nkoraġġat iż-żamm tal-affarijiet żgħar f'idejn in-nies, toqba għad-dominanza tal-istati llandjati. L-Għarab komplew itejbu s-sistemi tal-irrigazzjoni. Deskrizzjoni ta' Palermo kienet mogħtija minn Ibn Ħawqal, negozjant Għarbi li żar 'il Sqallija fis-sena 950. Lokalità mdawra b'ħitan felħana li ġġib l-isem ta' Al-Ksar (Il-palazz) hija magħrufa bħala ċ-ċentru tal-provinċja ta' Palermo u dan il-fatt għadu jgħodd sal-lum. F'Al-Ksar wieħed jista' jsib il-Moskea ta' nhar il-Ġimgħa fuq is-sit tal-Kon-katidral Ruman. Fil-lokalità ta' Al-Khalisa (Kalsa) wieħed seta' jsib il-palazz, il-banjijiet, il-moskea, l-uffiċċji tal-gvern u l-priġunerija privata. Ibn Ħawqal saħaq li f'dawk iż-żminijiet kien hemm madwar 7,000 biċċier individwali, li kienu qed jbigħu l-prodotti tagħhom f'150 ħanut. Palermo kien maħkum mill-Għarab Aglabiti, però mbagħad beda jiġi meqjus bħala ċ-ċentru tal-emigranti ta' Sqallija, malli waqgħet għal taħt il-palju tal-Fatmidi.

Matul dan ir-renju, seħħew bosta rivolti mill-Isqallin-Biżantini, speċjalement fil-lvant u allura partijiet mill-gżira kienu okkupati mill-ġdid, qabel ma ġew megħluba. Prodotti Agrikoli bħalma huma l-larinġ, il-lumi, il-pistaċċju u l-qasba taz-zokkor inġiebu lejn Sqallija. Taħt il-ħakma Għarbija, il-gżira kienet allejenata fi tliet reġjuni amministrittivi, jew "vals", fejn bejn wieħed u ieħor ikkorrespondew għat-tliet ponot ta' Sqallija: Val ta' Mażara li tinsab lejn il-punent; Val Demone lejn il-Grigal; u Val ta' Noto lejn l-ilbiċ.

Bħad-Dhimmis, l-Insara nattivi (L-ortodossi tal-lvant) kellhom l-għażla libera li jagħżlu r-reliġjon li riedu jipprattikaw huma, iżda l-poplu maħkum ta' Sqallija ried jħallas taxxa speċjali, Il-Ġiżja, u kellu diversi limitazzjonijiet impoġġija fuq l-okkupazzjonijiet tiegħu, l-ilbies u fuq l-abilità li jipparteċipa f'sitwazzjonijiet pubbliċi. Imbagħad l-Emirat ta' Sqallija beda jinqasam fi gruppi intra-dinastiċi u għalhekk dan l-avveniment immarka t-tmiem tar-renju Musulman. Matul dan il-perjodu ta' amalgamazzjoni kulturali kien hemm il-preżenza minuri ta' xi Lhud ukoll.

Il-Perjodu Normann (1061-1194)

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-seklu 11, il-qawwiet Taljani rnexxielhom jaħtru lill-merċenarji Normanni mmexxija minn Ruġġieru l-1, sabiex ifittxu jeħilsu lil Sqallija minn taħt id-dominju Għarbi. Wara li rnexxielu jiddomina lil Apulia u lil Kalabrija, huwa mexa 'l quddiem sabiex jokkupa l-provinċja ta' Messina b'armata ta' 700 suldat. Fl-1068, Ruġġieru rnexxielu joħroġ vittorjuż kontra l-qawwiet Misilmin f'Misilieri, però l-iktar kunflitt kruċjali kien l-Assedju ta' Palermo, li sal-1072, għen lin-Normanni fid-dominazzjoni u fil-kontroll assolut tal-gżira ta' Sqallija. In-Normanni lestew id-dominazzjoni ta' Sqallija fl-1091, eżattament malli ntrebħet il-provinċja ta' Noto, l-aħħar fortizza Għarbija.

Ruġġieru miet fl-1101. Is-suċċessur għat-tron kien it-tifel tiegħu, Ruġġieru t-tieni, li kien inkurunat bħala l-ewwel re ta' Sqallija. L-anzjan Ruġġieru kien miżżewweġ lil Adelaide, huwa ħa t-tmun f'idejh sakemm it-tifel tagħha mmatura biżżejjed sabiex ikun jista' jmexxi waħdu, fl-1112.

Il-gżira tal-Fenek, Lampedusa

Il-klima xemxija u niexfa, ix-xenarju, il-kċina, l-istorja u l-arkitettura ta' Sqallija huma uħud mill-fatturi prinċipali li jattiraw bosta turisti mill-Italja u minn pajjiżi oħra. L-ikbar ammont ta' turisti li jersqu lejn ix-xtut Sqallin jiġu fix-xhur sħan tas-sajf, minkejja l-fatt li n-nies jżuru 'l gżira tul is-sena kollha. Il-vulkan Etna, il-bajjiet, is-siti arkeoloġiċi u l-bliet maġġuri bħal Palermo, Katanja, Sirakuża u Ragusa huma d-destinazzjonijiet favoriti tat-turist, però r-raħal antik ta' Taormina u l-plajja viċina ta Giardini Naxos jirnexxielhom jiġbdu lill-viżitaturi minn madwar id-dinja kollha, kif jagħmlu l-gżejjer ta' Aeolian, Erice, Cefalu, Agrigento, il-gżejjer Pelagie u Capo d'Orlando. Sqallija hija magħrufa għall-ftit tempji maestużi li nbnew fil-perjodu Grieg. Bosta Kruż-lajners li jduru mal-Mediterran jieqfu Sqallija, fejn jinżlu t-turisti sabiex jixtru l-inbid prestiġjuż li huwa prodott din l-art ħawtiela. Xi xeni ta' films famużi tal-Hollywood u ta' Cincittà ġew iffilmjati proprju fi Sqallija. Dan żied l-attrazzjoni ta' Sqallija bħala destinazzjoni eċċellenti għat-turist li jixtieq ikun jaf iktar rigward l-istorja rikka tal-Mediterran.

Il-kastell Ursino f' Katanja
Il-kastell ta' Donnafugata ħdejn Ragusa
Provinċja Kastelli Komun
Kaltanissetta Il-Kastell ta' Manfredonico Mussomeli
U Cannuni Mazzarino
Il-kastell ta' Gela Gela
Il-kastell ta' Galletti (Villa Baglio) San Cataldo
Katanja Il-kastell ta' Ursino Katanja
Il-Kastell Normann Adrano
Il-kastell Normann Paternò
Il-kastell ta' Aci Aci Castello
Messina Forte dei Centri Messina
Il-kastell ta' Milazzo Milazzo
Il-kastell ta' Sant'Alessio Sikulu Sant'Alessio Siculo
Il-kastell ta' Pentefur Savoca
Il-kastell ta' Schisò Giardini Naxos
Palermo Zisa, Palermo Palermo
Il-kastell ta' Caccamo Caccamo
Il-Kastell ta' Carini Carini
Il-kastell ta' Ventimiglia Castelbuono
Ragusa Il-kastell ta' Donnafugata Ragusa
It-torri ta' Cabrera Pozzallo
Il-kastell ta' Conti Modica
Sirakuża Il-kastell ta' Maniace Sirakuża
Trapani Il-kastell ta' Venere Erice

Il-kultura ta' Sqallija hija waħda miżgħuda lwien, infatti l-għeruq ta' Sqallija jinsabu konnessi mal-arti, mal-letteratura u l-filosofija. L-istorja ta' prestiġju f'dan is-settur jistgħu jiġu segwiti lura fl-ispekulazzjoni tal-filosfu Grieg Archimedes, abitant f'Sirakuża li spiċċa biex sar magħruf bħala wieħed mill-aqwa Matematiċi ta' kull żmien. Gorgjas u Empedocles huma żewġ filosfi Sqallin-Griegi minn tal-bidu nett, però jingħad li s-Sirakużjan Epicharmus kien l-inventur tal-komiċità.

Diviżjonijiet Amministrattivi

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-disa' Provinċji ta' Sqallija

Amministrattivament Sqallija hija maqsuma f'disgħa provinċji, b'kull waħda jkollha belt kapitali intitolata wara l-isem tar-reġjun stess. Il-Gżejjer iż-żgħar li jinsabu madwar Sqallija jifformaw parti mill-provinċji Sqallin ukoll: Il-Gżejjer Aeolian ta' Messina, il-gżira ta' Ustika (Palermo), Il-gżejjer Aegadian (Trapani), il-gżira ta' Pantellerija (Trapani) u l-Gżejjer Pelaġjani (Agrigento).

Provinċja Żona (km2) Popolazzjoni[2] Density (inh./km2)
Provinċja ta' Agrigento 3,042 453,594 149.1
Provinċja ta' Kaltanissetta 2,128 271,168 127.4
Provinċja ta' Katanja 3,552 1,090,620 307.0
Provinċja ta' Enna 2,562 172,159 67.2
Provinċja ta' Messina 3,247 652,742 201.0
Provinċja ta' Palermo 4,992 1,249,744 250.3
Provinċja ta' Ragusa 1,614 318,980 197.6
Provinċja ta' Sirakuża 2,109 403,559 191.3
Provinċja ta' Trapani 2,460 436,240 177.3
  1. ^ Salvatore, Piccolo (2013), Ancient Stones: The Prehistoric Dolmens of Sicily, Brazen Head Publishing, Thornham/Norfolk (UK), ISBN 978-0-956-51062-4.
  2. ^ Populazzjoni Mejju 2011, dejta minn Demo Istat. Demo.istat.it. Aċċesata 18-12-2012.

Rabtiet esterni

[immodifika | immodifika s-sors]