Aqbeż għall-kontentut

Siti tat-Tusi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-fdalijiet tal-Fortizza ta' Hailongtun.

Is-Siti tat-Tusi (biċ-Ċiniż: 土司遗址; bil-Pinjin: Tǔsī Yízhǐ) jirreferu għal tliet siti tal-qedem tat-Tusi fiċ-Ċina li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-3 ta' Lulju 2015 bħala t-48 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fiċ-Ċina. Dawn it-tliet siti jinsabu fil-muntanji tal-Lbiċ taċ-Ċina u jirrappreżentaw is-sistema ta' governanza unika tat-Tusi matul is-sekli 13 sa 20.[1][2]

It-Tusi kienu mexxejja tribali ereditarji li kienu jinħatru bħala uffiċjali mill-gvern imperjali fiċ-Ċina matul id-dinastiji Yuan, Ming u Qing. Kienet sistema politika adottat mill-imperaturi Ċiniżi biex jiggvernaw ir-reġjuni bil-minoranzi etniċi fin-Nofsinhar taċ-Ċina ċentrali u fil-Lbiċ taċ-Ċina, u b'hekk bosta gruppi etniċi fiċ-Ċina ngħataw livell ta' awtonomija politika. Is-sistema tat-Tusi baqgħet tintuża għal elf sena.[3]

Monument tal-Fortizza ta' Hailongtun.

Is-Siti tat-Tusi huma magħmula minn tliet siti separati:[4]

  • Laosicheng kienet il-belt kapitali tat-Tusi Peng mill-1135 sal-1724, u hija l-ikbar u l-iżjed ippreservata fost il-bliet tal-qedem tat-Tusi. It-Tusi Peng kienu jmexxu żona li fiha kien hemm maġġoranza ta' nies Tujia u kienu fin-naħa ta' fuq tal-ġerarkija tas-sistema tat-Tusi, bil-governanza f'idejhom ta' territorju kbir.
  • Il-Fortizza ta' Hailongtun ġiet stabbilita matul id-dinastija Song fl-1257 u kienet fortizza f'idejn il-Kapijiet ta' Bozhou qabel ma dawn ingħelbu fl-1601. L-istess bħat-Tusi Peng f'Laosicheng, il-Kapijiet ta' Bozhou kienu Tusi fin-naħa ta' fuq tal-ġerarkija tas-sistema tat-Tusi u kellhom f'idejhom il-governanza ta' territorju kbir fejn kienu jgħixu l-popli Gelao u Miao.
  • Tangya kienet il-belt kapitali tat-Tusi Qin, li kellhom f'idejhom iktar minn 600 kilometru kwadru għal erba' sekli. Inbniet fl-1355 u ġiet abbandunata fl-1735. F'kuntrast maż-żewġ siti l-oħra, Tangya hija relattivament żgħira, u dan jindika li t-Tusi Qin kienu fin-naħa t'isfel tal-ġerarkija tas-sistema tat-Tusi.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Siti tat-Tusi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-3 ta' Lulju 2015 matul id-39 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Bonn, il-Ġermanja.[1] Il-Kumitat sostna li s-sistema tat-Tusi kellha l-għan tal-unifikazzjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin il-minoranzi etniċi setgħu jibqgħu jżommu d-drawwiet u l-għajxien tradizzjonali tagħhom.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

ID Isem Post Koordinati Erja
1474-001 Sit tat-Tusi ta' Laosicheng il-Kontea ta' Yongshun, Hunan 28°59′55″N 109°58′01″E Sit: 534.24 ettaru

Żona ta' Lqugħ: 1,023.93 ettaru

1474-002 Sit tat-Tusi ta' Tangya il-Kontea ta' Xianfeng, Hubei 29°41′26″N 109°00′19″E Sit: 86.62 ettaru

Żona ta' Lqugħ: 973.61 ettaru

1474-003 Fortizza tat-Tusi ta' Hailongtun id-Distrett ta' Huichuan, Zunyi, Guizhou 27°48′42″N 106°49′01″E Sit: 160.42 ettaru

Żona ta' Lqugħ: 1,127.79 ettaru

  1. ^ a b ċ "Tusi Sites". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-15.
  2. ^ Keating, Fiona (2015-07-04). "China: Ancient Tusi tribal sites added to World Heritage List". International Business Times UK (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-15.
  3. ^ "China's Tusi sites listed as world heritage - Xinhua | English.news.cn". web.archive.org. 2015-07-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-15. Miġbur 2024-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "Advisory Report". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-15.
  5. ^ "China's Tusi Sites Listed as World Heritage". web.archive.org. 2016-03-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2024-09-15.