Sit Agrikolu Bikri ta' Kuk
Is-Sit Agrikolu Bikri ta' Kuk huwa sit arkeoloġiku f'Papua New Guinea, li jinsab fl-artijiet għoljin tal-Wied ta' Wahgi f'altitudni ta' madwar 1,550 metru, xi 12–13-il kilometru fil-Grigal ta' Mount Hagen, il-belt kapitali tal-Provinċja tal-Artijiet Għoljin tal-Punent. Is-sit arkeoloġiku jikkonsisti minn art bassasa li żviluppat f'baċir antik ta' lag li mtela' bl-għargħar tax-xmara jew bid-depożiti ttrasportati bl-ilma. F'dan is-sit instabet evidenza arkeoloġika ta' sistemi agrikoli bikrin tad-drenaġġ, li jmorru lura sa madwar 9,000 sena. Is-sit jinkludi fosos tad-drenaġġ ta' tliet tipi ewlenin, li kienu jintużaw biex iż-żona tiġi kkonvertita f'bur tal-ħaxix antropoġeniku fejn kienet titkabbar l-għalla nattiva taro.
Barra minn hekk, instabet ukoll evidenza tal-kultivazzjoni tal-banana u tal-kannamiela, li huwa stmat li bdiet xi 6,900 – 6,400 sena ilu. Is-Sit Agrikolu Bikri ta' Kuk tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[1] Kien wieħed mill-postijiet fid-dinja li fihom il-bniedem żviluppa l-agrikoltura b'mod indipendenti.
Il-Qala ta' Kuk tnixxi l-ilma tal-għargħar kollu tax-xmara f'maqbad tal-ilma fl-għoljiet iktar fil-baxx tan-Nofsinhar. Inbnew kanali biex l-ilma jinġarr lil hinn minn din it-tnixxija. Meta dawn il-kanali kienu jiġu mblukkati, iż-żona kienet tiżviluppa f'art bassasa, u l-ilma kien jiġi ddevjat f'kanali iżgħar tad-distribuzzjoni tal-ilma. Hawnhekk instabet evidenza arkeoloġika ta' sistemi agrikoli bikrin tad-drenaġġ, li jmorru lura sa madwar 9,000 sena ilu. Fis-sit ġew skoperti karatteristiċi bħal fosos, ħofor għall-arbli, u gandotti tat-tajn, li jindikaw prattiki agrikoli bikrin bħat-tħawwil, bħat-tisqija u bħall-irbit tal-pjanti.[2]
Fis-sit instabu wkoll xi fosos tad-drenaġġ għall-irrigazzjoni li jmorru lura għal 9,000 sena ilu. Varjetà ta' pjanti, fosthom it-taro, kienu jitkabbru sal-limitu kultivabbli tagħhom fl-artijiet għoljin. Dawn il-fosos jistgħu jiġu kklassifikati f'tliet tipi ewlenin: kanali ewlenin għall-ilma mormi, fosos kbar fl-għelieqi, u fosos żgħar fl-għelieqi. Kanali ewlenin għall-ilma mormi nbnew biex il-fluss tal-ilma lejn in-Nofsinhar jiġi ddevjat mill-għargħar tax-xmara u jiġi ddirezzjonat lejn iż-żoni fil-Grigal. Il-fosos żgħar u kbar fl-għelieqi kienu iktar uniformi u jinsabu madwar il-perimetru taż-żoni tat-tisqija. Dawn kienu kkollegati mal-kanali ewlenin għall-ilma mormi. Dak iż-żmien, in-nies li kienu jgħixu fis-Sit Agrikolu Bikri ta' Kuk ittrasformaw il-pajsaġġ tagħhom f'bur tal-ħaxix antropoġeniku li kien adattat għall-agrikoltura.[3]
Waqt l-iskavi arkeoloġiċi tal-kanali tad-drenaġġ ġew skoperti artefatti bħal stikek tal-injam għat-tħaffir u moli. Il-fosos tnaddfu mir-radam u tħaffret trunċiera żgħira biex jiġu studjati s-saffi differenti tat-tafal li ntużaw fil-kostruzzjoni tagħhom. Dawn is-saffi jissuġġerixxu li l-fosos inbnew apposta minn dawn in-nies tal-qedem.
Ġiet skoperta wkoll evidenza arkeobotanika addizzjonali, li tmur lura għal bejn 6,900 u 6,400 sena ilu, u li turi l-kultivazzjoni tal-banana u tal-kannamiela fis-Sit Agrikolu Bikri ta' Kuk. Bosta fitoliti tal-banana nstabu fl-irqajja' tal-kultivazzjoni tal-art bassasa. Peress li l-banana ma tipproduċix fitoliti bl-istess kwantità u frekwenza bħall-ħaxix u pjanti oħra, ir-riċerkaturi kkonkludew li l-abbundanza ta' fitoliti tal-banana li nstabu f'pajsaġġ ta' bur tal-ħaxix ġestit bejn 6,950 u 6,550 sena ilu tindika tħawwil u tisqija apposta. Il-banana mkabbra fis-Sit Agrikolu Bikri ta' Kuk kienet banana tat-tip Eumusa, li saret l-ikbar u l-iżjed grupp sinifikanti ta' banana għall-użu domestiku. B'hekk is-Sit Agrikolu Bikri ta' Kuk huwa wieħed mill-iżjed siti bikrin magħrufa għall-iżvilupp tal-agrikoltura.
Is-sit ġie studjat mill-arkeologu Awstraljan Jack Golson.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit Agrikolu Bikri ta' Kuk ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Golson, J., T.P. Denham, P.J. Hughes, P. Swadling and J. Muke (eds.) 2017. Ten Thousand Years of Cultivation at Kuk Swamp in the Highlands of Papua New Guinea. Terra Australis 46. Canberra: ANU E Press.
- Bayliss-Smith, T, Golson, J, Hughes, P et al 2005, Archaeological evidence for the Ipomoean Revolution at Kuk swamp, upper Wahgi Valley, Papua New Guinea, in Chris Ballard, Paula Brown, R. Michael Bourke and Tracy Harwood (ed.), The Sweet Potato in Oceania: a reappraisal, Oceania Publications and University of Pittsburgh, Rosebery, NSW, Australia, pp. 109-120.
- Denham, T, Golson, J & Hughes, P 2004, Reading early agriculture at Kuk Swamp, Wahgi Valley, Papua New Guinea: the archaeological features (phases 1-3), Proceedings of the Prehistoric Society, vol. 70, pp. 259-297.
- Muke, J. Mandui, H. Oct 2003. In the shadows of Kuk: Evidence of prehistoric agriculture at Kana, Wahgi Valley, Papua New Guinea, Archaeology in Oceania. 38, 3, pp. 177–185.
- Bayliss-Smith, T. Golson, J. April 1992. A colocasian revolution in the New Guinea highlands? Insights from phase 4 at Kuk, Archaeology in Oceania. 27,1, pp.1–22.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Kuk Early Agricultural Site - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-24.
- ^ Denham, T. P.; Haberle, S. G.; Lentfer, C.; Fullagar, R.; Field, J.; Therin, M.; Porch, N.; Winsborough, B. (2003-07-11). "Origins of Agriculture at Kuk Swamp in the Highlands of New Guinea". Science. 301 (5630): 189–193. doi:10.1126/science.1085255. ISSN 0036-8075.
- ^ "Ten Thousand Years of Cultivation at Kuk Swamp in the Highlands of Papua New Guinea". press-files.anu.edu.au (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-24.
- ^ Lewis, Tara; Denham, Tim; Golson, Jack (2016). "A renewed archaeological and archaeobotanical assessment of house sites at Kuk Swamp in the highlands of Papua New Guinea". Archaeology in Oceania. 51 (S1): 91–103. doi:10.1002/arco.5113. hdl:10536/DRO/DU:30103563. ISSN 0728-4896.