Sferi tal-Ġebel tal-Costa Rica
L-Isferi tal-Ġebel tal-Costa Rica jinkludu ġabra ta' iktar minn 300 petrosferi fil-Costa Rica, fid-Delta ta' Diquís u fuq l-Isla del Caño. Lokalment, dawn l-isferi huma magħrufa wkoll bħala bolas de piedra (litteralment "blalen tal-ġebel"). L-isferi spiss jiġu attribwiti lill-kultura estinta tad-Diquís, u xi kultant jissejħu bħala l-Isferi tal-Ġebel tad-Diquís. Dawn huma l-iżjed skulturi tal-ġebel magħrufa fl-inħawi tal-Istmu Kolombjan.
Huwa maħsub li tpoġġew f'linji tul l-approċċ lejn id-djar tal-kapijiet tad-Diquís, iżda t-tifsira eżatta tagħhom għadha mhix ċerta.
L-Iskavi Arkeoloġiċi ta' Palmar Sur huma sensiela ta' skavi ta' sit li jinsab fin-naħa tan-Nofsinhar tal-pajjiż, magħruf bħala d-Delta ta' Diquís, u ġew iċċentrati fuq sit magħruf bħala "Finca 6" (Razzett 6). Is-sejbiet arkeoloġiċi jmorru lura għall-Perjodu ta' Aguas Buenas (300–800 W.K.) u għall-Perjodu ta' Chiriquí (800–1550 W.K.).
F'Ġunju 2014, l-insedjamenti tal-kapijiet pre-Kolombjani flimkien mal-isferi tal-ġebel tad-Diquís tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] F'Lulju 2014, proġett li kien ġie propost fl-2011 biex l-isferi jiġu ddikjarati bħala simbolu nazzjonali tal-pajjiż ġie approvat.[2]
Skont l-ipoteżi tal-arkeologi, l-isferi jaf jirrappreżentaw is-sistemi solari jew sempliċement ġew ispirati mid-diversi stadji tax-xemx u tal-qamar kif jidhru b'għajnejn il-bniedem, inkluż l-inżul u t-tlugħ tax-xemx u n-nofs qamar.[3]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-isferi jvarjaw bħala daqs minn ftit ċentimetru dijametru ta' iktar minn 2 metri (6.6 piedi), u jiżnu sa 15-il tunnellata. Il-biċċa l-kbira huma skolpiti mill-gabbro, l-ekwivalenti lokali tal-bażalt. Hemm xi tużżana minnhom li huma magħmula mill-ġebla tal-ġir rikka bil-qxur tal-baħar, u xi tużżana oħra li huma magħmula mill-ġebel ramli.
Milli jidher saru bit-tħaġġir ta' ħaġriet naturali bi blat ieħor, u mbagħad ġew illostrati bir-ramel. Il-livell ta' rfinar u ta' preċiżjoni tax-xogħol ivarja b'mod konsiderevoli. Il-gabbro kien jiġi minn siti fl-għoljiet, diversi kilometri 'l bogħod minn fejn instabu l-isferi rfinuti, għalkemm xi sferi għadhom fl-għoljiet.[4]
Ġeografija u pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit arkeoloġiku ta' Palmar Sur jinsab fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Costa Rica, magħrufa bħala d-Delta ta' Diquís, u fl-iżjed parti fin-Nofsinhar tal-Provinċja ta' Puntarenas. Id-Delta ta' Diquís hija ddefinita bħala l-pjanura tax-xmara bil-konfini ġeografiċi tal-Fila Grisera lejn it-Tramuntana u l-Lvant, l-Oċean Paċifiku lejn il-Punent, u l-Muntanji Osa lejn il-konfini tan-Nofsinhar.
Is-sit jinsab f'Palmar Sur, fin-Nofsinhar tal-Costa Rica, f'madwar 10 ettari li qabel kienu proprjetà tal-United Fruit Company fil-pjanura tax-xmara Térraba.
Deskrizzjoni tas-sit
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit arkeoloġiku tar-Razzett 6 ġie datat li jmur lura għall-Perjodu ta' Aguas Buenas (300–800 W.K.) u għall-Perjodu ta' Chiriquí (800–1550 W.K.). Kien sit multifunzjonali b'insedjament u b'ċimiterju, u fis-sit instabu wkoll il-fdalijiet ta' arkitettura u ta' skulturi monumentali. L-arkitettura monumentali tikkonsisti minn żewġ tumbati li nbnew b'ħitan riffieda magħmula minn ġebliet ittondjati tax-xmara u mimlijin bil-ħamrija. Is-sit jinkludi diversi postijiet fejn instabu sferi kbar tal-ġebel fil-post. Barra minn hekk, peress li bosta mill-isferi tal-ġebel fir-reġjun tneħħew mill-postijiet oriġinali tagħhom u jservu bħala tiżjin pajsaġġistiku, is-sit sar post għall-ħżin tal-isferi li ġew irritornati mill-Mużew Nazzjonali tal-Costa Rica. Wieħed mill-irħula fil-qrib tar-Razzett 6 kellu sferi jew "esferas" ukoll li kienu jissejħu "zanahoriagas" (zunnarija) minħabba l-għamla tagħhom iktar ovali qisha ta' karrotta.
Storja pre-Kolombjana
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa maħsub li l-isferi nħolqu għall-ewwel darba għall-ħabta tas-600 W.K., u l-biċċa l-kbira minnhom imorru lura għal wara s-sena 1000, iżda qabel il-konkwista Spanjola. Madankollu, l-età tagħhom għadha mhux magħrufa peress li l-unika metodu disponibbli għad-datazzjoni tal-ġebel imnaqqax huwa l-istratigrafija, iżda l-biċċa l-kbira tal-isferi ma għadhomx fil-pożizzjonijiet oriġinali tagħhom allura r-riżultati jitħarbtu. Jekk id-datazzjoni stmata tal-isferi hija preċiża, allura l-kultura tal-poplu li ħoloqhom għebet wara l-konkwista Spanjola.
Storja wara l-ewwel kuntatti
[immodifika | immodifika s-sors]L-isferi ġew skoperti fis-snin 30 tas-seklu 20 meta l-United Fruit Company kienet qed tikklerja l-ġungla għall-pjantaġġuni tal-banana. Il-ħaddiema ressquhom fil-ġenb bil-gafef u bit-tagħmir industrijali, u b'hekk għamlulhom xi ħsara. Barra minn hekk, ispirati mill-ġrajjiet ta' xi deheb moħbi fihom, il-ħaddiema bdew itaqqbuhom u jisploduhom bid-dinamite. Bosta sferi nqerdu qabel ma laħqu intervjenew l-awtoritajiet. Uħud mill-isferi li ġew sploduti bid-dinamite reġgħu ġew assemblati u jinsabu għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali tal-Costa Rica f'San José. Il-kollezzjoni fil-Mużew Nazzjonali tal-Costa Rica hija magħmula minn sitt sferi. Bosta sferi spiċċaw bħala tiżjin pajsaġġistiku għal bosta ċittadini ta' Tico.
L-ewwel investigazzjoni xjentifika tal-isferi saret ftit wara li ġew skoperti minn Doris Stone, bint uffiċjal eżekuttiv tal-United Fruit Company. Ir-riżultati ġew ippubblikati fl-1943 f'American Antiquity, u ġibdu l-attenzjoni ta' Samuel Kirkland Lothrop tal-Mużew ta' Peabody fl-Università ta' Harvard. Fl-1948, hu u martu ppruvaw jiskavaw sit arkeoloġiku mhux relatat fin-naħa tat-Tramuntana tal-Costa Rica. F'San José huma ltaqgħu ma' Doris Stone, li ddireġiethom lejn ir-reġjun tad-Delta ta' Diquís fil-Lbiċ ("Valle de Diquís" tirreferi għall-wied tan-naħa t'isfel ta' Río Grande de Térraba, inkluż l-irħula tal-Kanton ta' Osa ta' Puerto Cortés, Palmar Norte u Sierpe) u pprovditilhom diversi siti tajbin għall-iskavi u kuntatti personali. Is-sejbiet ta' Lothrop ġew ippubblikati f'Archaeology of the Diquís Delta, Costa Rica 1963.
Fl-2010, ir-riċerkatur tal-Università ta' Kansas John Hoopes żar is-sit tal-isferi tal-ġebel biex jevalwa jekk humiex eliġibbli għall-protezzjoni bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Sfond storiku
[immodifika | immodifika s-sors]Qabel il-wasla tal-Compañía Bananera de Costa Rica, fergħa tal-United Fruit Company, u l-pjantaġġuni tal-banana fis-snin 30 tas-seklu 20, kien hemm veġetazzjoni densa f'dawn l-inħawi. Ir-riżorsi disponibbli għall-abitanti pre-Kolombjani f'din il-pjanura tax-xmara kienu jikkonsistu minn riżorsi tax-xmara u oċeaniċi, inkluż foresti ta' mangrovji fix-xmajjar Terraba u Sierpe.
Il-ħamrija għammiela ta' max-xmajjar ta' dan ir-reġjun iffaċilitat l-agrikoltura mis-snin 30 tas-seklu 20 'il quddiem. Il-United Fruit Company iddominat dan ir-reġjun tan-Nofsinhar bil-pjantaġġuni tal-banana saħansitra mis-snin 20 tas-seklu 20 f'Parrita u f'Quepos. Il-United Fruit Company daħlet f'Palmar Sur fis-snin 30 tas-seklu 20 bl-isem ta' Companía Bananera de Costa Rica bħala tentattiv biex iddur mal-leġiżlazzjoni ta' kontra l-monopolji. Illum il-ġurnata għad hemm għelieqi agrikoli madwar il-pajsaġġ kollu b'sjieda ta' kooperattivi u jikkonsistu minn pjantaġġuni tal-banana ħelwa, tal-banana mhux ħelwa u tal-palm.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Insedjamenti Pre-Kolombjani u l-Isferi tal-Ġebel tad-Diquís ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Riċerkaturi bikrin fir-reġjun
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-riċerka xjentifika fil-pjanura tax-xmara, b'mod partikolari fil-proprjetajiet tal-United Fruit Company, bdew fis-snin 40 tas-seklu 20 bix-xogħol ta' Doris Zemurray Stone u Samuel Lothrop. Ix-xogħol ta' Lothrop iffoka fuq l-iskavi ta' għadd ta' siti, wieħed minn ir-Razzett 4. Ix-xogħol tiegħu kien immirat lejn id-dokumentazzjoni tas-siti arkeoloġiċi kollha li kien fihom sferi tal-ġebel fil-post, ir-reġistrazzjoni tal-għadd ta' sferi u tad-daqs tagħhom, u t-tfassil ta' mapep dettaljati li juru l-arranġament tagħhom u l-allinjamenti tagħhom.
Wara x-xogħol ta' Lothrop u Stone, ir-riċerka f'dan il-qasam ħadet pawża ta' kważi ħamsin sena. Fis-snin 90 tas-seklu 20, Claude Baudez u tim ta' riċerkaturi għamlu ħilithom biex jistabbilixxu kronoloġija taċ-ċeramika tar-reġjun billi josservaw it-tibdil fl-istili taċ-ċeramika tul iż-żmien. Dan twettaq permezz tal-eżaminar tal-fosos tad-drenaġġ li nqatgħu fil-pajsaġġ mill-United Fruit Company. Ir-riċerka li twettqet minn Ifigenia Quintanilla, taħt it-tmexxija tal-Mużew Nazzjonali tal-Costa Rica mill-1991 sal-1996 saret fir-reġjun fil-qafas tal-proġett bit-titlu "l-Bniedem u l-Ambjent f'Sierpe-Terraba", b'enfasi fuq ix-xejriet ta' insedjament, is-sekwenzi okkupazzjonali u r-riżorsi li ntużaw fir-reġjun.
Francisco Corrales u Adrian Badilla, arkeologi mal-Mużew Nazzjonali tal-Costa Rica, wettqu riċerka kontinwa fir-reġjun mill-2002. Ir-riċerka tagħhom bdiet fl-2002 u ffokat fuq erba' siti arkeoloġiċi fir-reġjun li fihom l-isferi tal-ġebel u li jiffurmaw "ċirkwit". Dawn is-siti jinkludu Grijalba, Batambal, El Silencio u r-"Razzett 6". L-iskop tal-proġett kien li tiġi vvalutata l-importanza kulturali tas-siti, li jiġi protett il-wirt kulturali, u li jsiru riċerka u studji fis-siti. Corrales u Badilla pproduċew ktejjeb bit-titlu ta' El Paisaje Cultural del Delta del Diquís li jipprovdi ħarsa ġenerali ta' malajr lejn l-istorja tad-Delta ta' Diquís, l-istorja tal-pjantaġġuni tal-banana u l-United Fruit Company, l-ambjent naturali, is-siti arkeoloġiċi fir-reġjun, u l-importanza tar-reġjun tad-Diquís bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Ir-riċerka tkompliet fir-reġjun minn Corrales u Badilla, li ffukaw fuq l-arkeoloġija u l-istruttura politika pre-Kolombjana fid-Delta ta' Diquís. L-enfasi tar-riċerka kienet fuq l-insedjamenti bil-kapijiet u l-indikaturi arkeoloġiċi assoċjati magħhom. L-objettivi tagħhom kienu li jistudjaw is-siti arkeoloġiċi li fihom l-isferi tal-ġebel fis-Sottoreġjun ta' Diquís sabiex ikollhom fehim tal-konfigurazzjoni tal-komunità, taż-żoni tal-attivitajiet, tas-sekwenzi okkupazzjonali, u tar-reġistrazzjoni tal-arkitettura monumentali.
Riċerka attwali
[immodifika | immodifika s-sors]Attwalment ir-riċerka għadha għaddejja fis-sit tar-"Razzett 6" taħt it-tmexxija tal-arkeologi fil-Mużew Nazzjonali tal-Costa Rica. L-ewwel staġun fil-post li fih saru skavi arkeoloġiċi kien fl-2005. Fost l-objettivi matul dak l-istaġun fil-post kien hemm id-definizzjoni taż-żona li fiha kienu jinsabu żewġ tumbati, allinjamenti tal-isferi u diversi skavi assoċjati mat-tumbata 2. Fl-2007, bħala t-tieni staġun fil-post, saret enfasi fuq l-iskavi arkeoloġiċi tat-tumbata 1. Matul dak l-istaġun fil-post ġiet skoperta sfera tal-ġebel fil-post b'rabta mat-tumbata.
Simboliżmu
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed ipoteżi reċenti rigward l-importanza simbolika tal-isferi tal-ġebel ġiet żviluppata minn Melissa Rudin Hernández, arkitett mill-Costa Rica li investigat il-kożmoviżjoni tal-kulturi indiġeni. Skont din l-ipoteżi, l-isferi huma ħolqien artistiku, simboliku u spiritwali tal-univers – iċ-ċentru tad-dinja – li nibet mill-ispiritwalità pre-Brunka (il-kultura tad-Diquís).
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]It-turiżmu arkeoloġiku huwa kunċett li għadu relattivament ġdid fil-Costa Rica. Sa issa, il-monument nazzjonali ta' Guayabo de Turrialba primarjament huwa l-uniku sit arkeoloġiku miftuħ għat-turiżmu. Qed isir turiżmu fuq skala iżgħar fis-sit tar-Razzett 6 li huwa miftuħ għall-pubbliku b'tariffa nominali li tinkludi żjara fil-mużew u fis-sit, fejn wieħed ikun jista' jara s-siti skoperti. Il-prenotazzjoni ma għadhiex meħtieġa iktar. Il-pjanijiet futuri tal-Mużew Nazzjonali tal-Costa Rica huma li s-sit jinfetaħ għat-turiżmu fuq skala ikbar u li jiġu inklużi wkoll siti oħra fir-reġjun.
Identità kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]L-isferi tal-ġebel jitqiesu bħala simbolu nazzjonali u parti min-nisġa kulturali tal-Costa Rica, għaldaqstant wieħed faċilment jista' jarahom installati quddiem binjiet tal-gvern, bħall-binja l-ġdida tal-Assemblea Leġiżlattiva tal-Costa Rica, fejn f'Ottubru 2019, ġew installati seba' sferi mislufa mill-Mużew Nazzjonali tal-Costa Rica.
Arti u arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]L-isferi tal-ġebel kienu ta' ispirazzjoni għall-iskulturi bħal Ibo Bonilla u Jorge Jiménez Deredia. Barra minn hekk, is-simboli tagħha ntużaw ukoll minn xi arkitetti.
Sferi tal-ġebel tad-Diquís fl-arti
[immodifika | immodifika s-sors]Leġġendi
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm bosta leġġendi marbuta mal-isferi, pereżempju li oriġinaw minn Atlantide, jew li ġew iffurmati min-natura. Xi leġġendi lokali jsostnu li l-abitanti nattivi kellhom aċċess għal pozzjoni li kienet kapaċi trattab il-blat. Pereżempju, il-ġebla tal-ġir, tista' tiġi milwiema b'soluzzjonijiet aċidiċi miksuba mill-pjanti. Saret riċerka mmexxija minn Joseph Davidovits tal-Istitut tal-Ġeopolimeri fi Franza biex tiġi appoġġata din l-ipoteżi. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-isferi nħolqu mill-gabbro, blata ignea reżistenti tal-aċidi.
Fil-kożmoġonija tal-Bribri, li hija kondiviża mill-Cabecares u minn grupp anċestrali Amerikani oħra, l-isferi tal-ġebel huma "balal tal-kanuni ta' Tara". Huma jemmnu li Tara jew Tlatchque, l-alla tar-ragħad, uża kanna ġganteska u nefaħ fiha biex jispara l-balal lejn is-Serkes, l-allat tal-irjieħ u tal-uragani, sabiex ikeċċihom minn dawn l-artijiet.
Intqal li l-isferi huma perfetti, jew qrib ħafna għall-perfezzjoni f'kemm huma tondi, għalkemm xi sferi jvarjaw b'iktar minn 5 ċentimetru (2 pulzieri) fid-dijametru. Barra minn hekk, l-isferi tal-ġebel ġarrbu xi ħsara u ttieklu bl-erożjoni matul is-snin, għaldaqstant impossibli li wieħed ikun jaf eżatt kif kienet l-għamla oriġinali tagħhom. Rieżami tal-mod kif tkejlu l-isferi tal-ġebel minn Lothrop juri li l-istqarrijiet tal-preċiżjoni huma dovuti għal interpretazzjonijiet żbaljati tal-metodi li ntużaw fil-kejl tagħhom. Għalkemm Lothrop ippubblika t-tabelli bid-dijametri tal-isferi, b'ċifri aġġustati għal tliet deċimali, dawn iċ-ċifri fil-fatt kienu medja tal-kejl li sar bit-tejpijiet li xejn ma kienu preċiżi.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d "Precolumbian chiefdom settlements with stone spheres of the Diquís - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-07.
- ^ "Esferas precolombinas son declaradas símbolo nacional". La Nación (bl-Ispanjol). 2014-07-16. Miġbur 2025-01-07.
- ^ UNESCO (2013), Precolumbian Chiefdom Settlements with Stone Spheres of the Diquís. Republic of Costa Rica: Ministry of Culture and Youth.
- ^ "The stone spheres of Costa Rica" (bl-Ingliż). 2010-03-29. Miġbur 2025-01-07.