Aqbeż għall-kontentut

Rokku Abdilla

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Rokku Abdilla
Ħajja
Twelid 8 Novembru 1932
Mewt 22 Jannar 2017
Okkupazzjoni

Rokku Abdilla (Żurrieq, 8 ta' Novembru, 1932 - 22 ta' Jannar, 2017) kien ħaddiem tat-Tarzna u Deputat Parlamentari tal-Partit Laburista Malti mill-1962 sal-1976.

Il-familja tiegħu hija magħrufa bħala "Tal-Muġura".

Fl-4 ta' Ġunju, 1961, Abdilla flimkien ma' żewġ irġiel oħra kien weaħħlu poster mal-faċċata tal-każin Laburista taż-Żurrieq biswit il-Knisja meta kien ġej l-Arċisqof Mikiel Gonzi għall-festa ta' Santa Katerina. Il-poster kellu l-kliem bil-Latin: "Ave Nero Urbs Quam Incendisti Te Salutant" (Insellmulek Neruni, il-belt li inti ħraqt issellimlek). Mons. Pietru Pawl Saydon kien ġie suspettat li qalibhielu hu għal-Latin. Abdilla kien ittella' l-qorti u fit-28 ta' April 1962 kien weħel xahrejn ħabs għax ivvilifika r-reliġjon. Abdilla kien president tal-każin tal-Partit Laburista taż-Żurrieq u għax kien President kien intbagħat xahrejn ħabs iżda mbagħad l-Imħallef Emeritus Hugh W. Harding kien naqqashomlu għal 12-il ġurnata.

Flimkien ma' Lorry Sant, kienu l-uniċi żewġ ħaddiema tat-Tarzna fost is-sittax-il Deputat Laburista wara l-elezzjoni tal-1962, li fiha l-Partit Laburista kien Interdett mill-Knisja. Dak iż-żmien ħadd ma kien ried jikkontesta l-elezzjoni mal-Partit Laburista minħabba l-kwistjoni tad-dnub il-mejjet u l-kundanni li kellu l-istess partit.

Minkejja l-kundanna tal-qorti, Abdilla kien intalab mill-eks Kap tal-Partit Laburista Dom Mintoff biex jieħu l-ġurament bħala Membru Parlamentari iżda l-Gvern Ingliż ma kienx ħallieh minħabba s-sentenza tal-ħabs. Fil-fatt, il-ġurament ma kienx ħadu ma’ sħabu

Huwa kkontesta l-elezzjonijiet ġenerali tal-1962, 1966 u 1971, u tela'.

Fl-1976, ma telax, u irtira mix-xena politika.

Fl-1981, ħa sehem f'meeting tal-Partit Nazzjonalista, wara l-kwistjoni tal-elezzjoni tal-1981 meta l-Partit Nazzjonalista kien ġab il-maġġoranza assoluta tal-voti iżda mhux il-maġġoranza assoluta tal-membri.

Fl-2004, kien favur li Malta tidħol membru tal-Unjoni Ewropea. Huwa kien tal-fehma li bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea Malta setgħet tivvalorizza l-interessi tal-ħaddiem, inkluż tal-ħaddiema tat-Tarzna.

Abdilla kellu mħabba mhux biss għall-impenn nazzjonali iżda anke għall-impenn lokali u tant kien iħobb iż-Żurrieq. Fil-fatt kien ikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali bħala membru indipendenti tal-1999.

Difensur tal-Ħaddiema

[immodifika | immodifika s-sors]

Rokku Abdilla kien bniedem li jaħdem għall-ħaddiem mingħajr interessi. Ħadem u stinka biex il-ħaddiem imur ʼil quddiem u jieħu dak li ħaqqu. Ħadem fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista u fl-għaqda taż-żgħażagħ soċjalisti. Kien ukoll attiv fil-General Workers’ Union ma’ sħabu tad-drydocks.

Fl-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament, fis-16 ta’ Mejju tal-1962 toħroġ l-imħabba tiegħu għall-valuri tal-ħaddiema, karatteristika li baqa’ jħaddan tul ħajtu kollha. Abdilla ried li l-partit tiegħu jkun il-partit li jissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema. L-ewwel diskors tiegħu kien riflessjoni mill-bidu sal-aħħar dwar x’jista’ wieħed jagħmel biex jipproteġi lill-ħaddiema fit-tarzna fejn Rokku ħadem għal snin twal. Huwa tkellem fuq kemm kienu jiġu ppersegwitati għax kienu ġejjin mill-klassi tal-ħaddiema.