Riżerva tal-Bijosfera ta' Tehuacán-Cuicatlán
Ir-Riżerva tal-Bijosfera ta' Tehuacán-Cuicatlán hija żona naturali protetta li tinsab fix-Xlokk tal-Messiku. L-isem oriġina miż-żewġ komponenti ewlenin tar-riżerva: Cuicatlán u Tehuacán. F'dan tal-aħħar hemm l-uffiċċji amministrattivi tar-riżerva. Ir-riżerva tal-bijosfera tkopri 490,186 ettaru mifruxa fost 21 muniċipalità fl-istati ta' Puebla u Oaxaca.
Fit-2 ta' Lulju 2018 ir-Riżerva tal-Bijosfera ta' Tehuacán-Cuicatlán żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-widien mifruxa ta' Tehuacán u ta' Cuicatlán huma estiżi mill-Majjistral għax-Xlokk, bejn is-Sierra Madre de Oaxaca fil-Lvant u s-Sierra Mixteca lejn il-Punent. Kważi r-riżerva kollha tinsab fil-baċir tax-xmara Salado, li tnixxi lejn ix-Xlokk mill-widien ta' Tehuacán u ta' Cuicatlán. Il-Wied ta' Cuicatlán huwa parzjalment fil-baċir tax-xmara Grande li tnixxi lejn il-Majjistral, li tingħaqad max-xmara Salado biex tifforma x-xmara Santo Domingo. Ix-xmara Santo Domingo tnixxi lejn il-Lvant mis-Sierra Madre de Oaxaca u tingħaqad mal-Papaloapan, waħda mill-ikbar xmajjar tal-Messiku. Ix-xmajjar Salado u Grande jirċievu l-ilmijiet ta' bosta nixxigħat li oriġinaw fil-foresti tal-madwar.[3]
Is-Sierra Madre de Oaxaca tikkonsisti minn diversi sottoktajjen muntanjużi: is-Sierra Zongolica fit-Tramuntana, is-Sierra Mazatec fin-nofs u s-Sierra Juárez fin-Nofsinhar. L-iżjed ktajjen muntanjużi straordinarji huma s-Sierra Zongolica u s-Sierra Mazatec, li huma kkaratterizzati minn topografija karstika qalb kanjons fondi.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Wied ta' Tehuacán-Cuicatlán: il-ħabitat oriġinarju tal-Mesoamerka huwa l-isem uffiċjali li bih is-sit ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-klima tar-reġjun hija seminiexfa u semitropikali sħuna fir-reġjun ta' Cuicatec b'xita moderata li ssir skarsa fis-sajf. Fil-partijiet muntanjużi għoljin huwa komuni li jkun hemm ċpar kbir li qajla jikkondensa fil-forma ta' traxxix mudest.
Ekoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-importanza tar-riżerva tal-bijosfera ta' Tehuacán-Cuicatlán tinsab fid-diversità kbira tal-flora taż-żona. Kuntrarjament għat-twemmin popolari, ir-reġjuni tropikali nexfin li huma abbundanti fix-Xlokk tal-Messiku jkollhom bijodiversità kbira. Xi studji, bħal dawk ta' Rzedowski fl-1973 u fl-1978, wasslu għall-kunċettwalizzazzjoni taż-żona bħala Provinċja tal-Flora, li tagħmel parti mir-Reġjun Fitoġeografiku Messikan. Fl-1965, Smith kien issuġġerixxa li terz mill-ispeċijiet ta' pjanti li jippopolaw is-superfiċe tal-widien ta' Tehuacán-Cuicatlán kienu endemiċi.
Il-flora predominanti fil-Wied ta' Tehuacán hija xagħri jew matorral, parti mill-ekoreġjun tal-matorral tal-Wied ta' Tehuacán, li jinkludi iktar minn terz tal-ispeċijiet irreġistrati. Il-foresti ħorfija nexfin tropikali, parti mill-ekoreġjun tal-foresti nexfin ta' Balsas, jiksu l-Wied ta' Cuicatlán. Ix-xaqlibiet muntanjużi jospitaw foresti tas-siġar taż-żnuber u tal-ballut, parti mill-foresti tas-siġar taż-żnuber u tal-ballut tas-Sierra Madre de Oaxaca lejn il-Lvant u mill-foresti tas-siġar taż-żnuber u tal-ballut tas-Sierra Madre del Sur lejn il-Punent. Żoni iktar milquta mix-xita max-xaqlibiet muntanjużi jospitaw irqajja' ta' foresti pluvjali jew tas-sħab.
Waħda mill-iżjed karatteristiċi ekoloġiċi eċċezzjonali tal-widien ta' Tehuacán-Cuicatlán huma l-foresti tal-kakti tawwalin, li jospitaw waħda mill-ikbar konċentrazzjonijiet ta' kakti tawwalin fid-dinja. Ħamsa u erbgħin mis-sebgħin speċijiet irreġistrati fil-Messiku jinsabu f'din il-parti ċentrali tal-pajjiż. Dawn l-ispeċijiet huma l-komponent dominanti f'total ta' disa' komunitajiet ta' pjanti, li huma endemiċi l-iktar fil-widien ta' Tehuacán-Cuicatlán. Iż-żona fiha wkoll arbuxelli xeriċi, foresti ħorfija tropikali, foresti tas-siġar taż-żnuber, foresti tas-siġar taż-żnuber u tal-ballut, u foresti pluvjali jew tas-sħab.
Fost il-vertebrati tar-riżerva tal-bijosfera hemm 18-il speċi ta' ħut u 27 speċi ta' anfibji, li hija diversità kbira meta mqabbel mad-deżerti tal-Amerka ta' Fuq u tal-Awstralja. Hemm ukoll 85 speċi ta' rettili, u 20 minnhom huma endemiċi, kif ukoll 338 speċi ta' għasafar, u 16 minnhom huma endemiċi.
Bis-saħħa tal-ispeċijiet endemiċi, tal-ispeċijiet mhedda u tal-ispeċijiet rari ta' flora tar-riżerva tal-bijosfera, is-sit jitqies bħala hotspot ta' bijodiversità dinjija tal-IUCN.[4][5]
Arkeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-widien ta' Tehuacán-Cuicatlán huma sit arkeoloġiku importanti, bi fdalijiet li jkopru 12,000 sena ta' insedjament uman. Hemm evidenza antika tad-domestikazzjoni tal-pjanti, kif ukoll l-iżjed sistemi antiki magħrufa ta' irrigazzjoni fil-Mesoamerka, li jinkludu firxa wiesgħa ta' raba' mtarraġ, kanali, bjar, akkwedotti u digi. Id-deżinjazzjoni bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mħallat (kulturali u naturali) tirrikonoxxi l-bijodiversità straordinarja tal-widien kif ukoll l-importanza arkeoloġika tagħhom.[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Castela tortuosa
-
Ferocactus robustus
-
Agave spp.
-
Pachycereus weberi
-
Pachycereus marginatus
-
Pilosocereus quadricentralis
-
Cephalocereus columna-trajani
-
Mammillaria carnea
-
Mammillaria polyedra
-
Mammillaria supertexta
-
Coryphantha calipensis
-
Prosthechea vitellina
-
Echeveria laui
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Tehuacán-Cuicatlán Valley: originary habitat of Mesoamerica". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-15.
- ^ https://plus.google.com/+UNESCO (2018-07-02). "4 nuevos sitios inscritos en la Lista del Patrimonio Mundial de la UNESCO". UNESCO (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-15.
- ^ "Reserva de la Biosfera Tehuacán-Cuicatlán". web.archive.org. 2015-10-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-10-05. Miġbur 2022-10-15.
- ^ "Búsqueda por región". enciclovida.mx. Miġbur 2022-10-15.
- ^ "RB Tehuacán - Cuicatlán, Puebla - Oaxaca". NaturaLista Mexico (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-10-15.