Aqbeż għall-kontentut

Riżerva Ekoloġika ta' Mistaken Point

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Fossili Edjakarani ta' Mistaken Point b'munita għat-tqabbil tad-daqs.

Ir-Riżerva Ekoloġika ta' Mistaken Point hija riżerva tan-natura selvaġġa u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-tarf tax-Xlokk tal-Peniżola ta' Avalon tal-gżira ta' Newfoundland fil-provinċja Kanadiża ta' Newfoundland u Labrador.[1] Fir-riżerva hemm il-Formazzjoni ta' Mistaken Point, li fiha waħda mill-iżjed kollezzjonijiet ippreservati u b'diversità wiesgħa ta' fossili Pre-Kambrijani fid-dinja. Il-fossili Edjakarani skoperti fis-sit jikkostitwixxu l-eqdem fdalijiet ta' organiżmi multiċellulari fid-Dinja.[2]

Pożizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Mistaken Point (46°37′32″N 53°09′41″W) huwa promontorju żgħir fil-Peniżola ta' Avalon. Storikament, Mistaken Point bi żball ġie konfuż kemm-il darba ma' Cape Race minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp biċ-ċpar taż-żona. Il-baħrin li kienu jagħmlu dan l-iżball kienu jduru lejn it-Tramuntana, għaliex mingħalihom kienu jkunu laħqu l-Port ta' Cape Race, u minnufih kienu jispiċċaw jolqtu l-blat ippuntat jew xi sikka.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Rikostruzzjoni tal-proċess tal-Formazzjoni ta' Mistaken Point.

L-ewwel fossila li nstabet fl-inħawi, ta' Fractofusus misrai, ġiet skoperta f'Ġunju 1967 minn Shiva Balak Misra, student universitarju Indjan tal-Università ta' Memorial f'Newfoundland.[3][4] F'nofs is-snin 80 tas-seklu 20, is-sit malajr ġie rikonoxxut bħala post importanti li x'aktarx li fih l-eqdem fossili metażojċi fl-Amerka ta' Fuq, u l-iżjed fossili tal-baħar fond tal-qedem fid-dinja.[5] Żona estiża ta' ħames kilometri ta' kosta għall-ewwel ġiet stabbilita proviżorjament bħala riżerva mill-gvern provinċjali fl-1984, u mbagħad din ġiet iddeżinjata b'mod permanenti fl-1987. Iktar 'il quddiem, fl-2009, ġiet estiża wara li nstabu iktar fossili.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Mistaken Point ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2016.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Fossili[immodifika | immodifika s-sors]

L-istudji wrew li l-bijota ta' Mistaken Point tirrappreżenta l-eqdem fossili Edjakarani magħrufa globalment, u dawn huma l-eqdem organiżmi kbar u arkitettonikament kumplessi fl-istorja tad-Dinja. Is-siti tal-fossili tul ix-xatt fi ħdan ir-riżerva tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-17 ta' Lulju 2016.[1]

Terren Avalonjan[immodifika | immodifika s-sors]

It-terren tal-fossili ta' Mistaken Point jissejjaħ it-terren Avalonjan l-istess bħal dak li jinstab fil-Punent tal-Ewropa. Ifforma fil-Kambrijan Bikri meta Pannotia nfirdet minn ma' Gondwana (issa l-Amerka t'Isfel, l-Afrika, l-Antartika u l-Awstralja).[6]

Sit ta' Wirt Ġeoloġiku tal-IUGS[immodifika | immodifika s-sors]

Bis-saħħa li Mistaken Point tqies bħala "l-aqwa eżempju fid-dinja ta' komunità ta' fossili Edjakarani fejn l-organiżmi kibru ferm u l-komunitajiet metażojċi tkattru", l-Unjoni Internazzjonali tax-Xjenzi Ġeoloġiċi (IUGS) inkludiet is-"sit tal-fossili Edjakarani ta' Mistaken Point" fil-lista tagħha ta' 100 "sit ta' wirt ġeoloġiku" madwar id-dinja li ġiet ippubblikata f'Ottubru 2022. L-organizzazzjoni tiddefinixxi "Sit ta' Wirt Ġeoloġiku tal-IUGS" bħala "post ewlieni b'elementi ġeoloġiċi u/jew bi proċessi ta' rilevanza xjentifika internazzjonali, li jintuża bħala referenza, u/jew li jagħti kontribut sostanzjali għall-iżvilupp tax-xjenzi ġeoloġiċi matul l-istorja".[7]

Fil-kultura[immodifika | immodifika s-sors]

  • Il-grupp mużikali rock prolifiku Kanadiż The Tragically Hip inkludew referenza għal Mistaken Point fid-diska "Fly", ir-raba' diska tal-album tal-2006 tagħhom World Container. L-istess diska tinkludi wkoll referenza għal Moonbeam, Ontario.
  • Ir-relitt tal-RMS Titanic instab fl-1 ta' Settembru 1985, kemxejn iktar minn 600 kilometru (370 mil) minn Mistaken Point.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Mistaken Point". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-21.
  2. ^ "Wilderness and Ecological Reserves| Environment and Conservation". web.archive.org. 2016-12-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-11-26. Miġbur 2024-06-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Rare honour for Indian geologist" (bl-Ingliż). 2007-09-18. Miġbur 2024-06-21.
  4. ^ "Mistaken Point Fauna". www.mistakenpointfauna.com.
  5. ^ "Geological Sciences @ Queen's University Faculty Listing - Guy Narbonne". web.archive.org. 2015-07-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-06-15. Miġbur 2024-06-21.
  6. ^ COCKS, L. R. M.; MCKERROW, W. S.; VAN STAAL, C. R. (September 1997). "The margins of Avalonia". Geological Magazine. 134 (5): 627–636.
  7. ^ "The First 100 IUGS Geological Heritage Sites" (PDF). IUGS.