Aqbeż għall-kontentut

Qalba Neolitika tal-Gżejjer Orkney

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-abitazzjonijiet skavati f'Skara Brae, l-iżjed villaġġ Neolitiku komplut tal-Ewropa.

Il-Qalba Neolitika tal-Gżejjer Orkney (bl-Ingliż: Heart of Neolithic Orkney) huwa t-titlu ta' grupp ta' monumenti Neolitiċi li jinsabu fil-gżira ewlenija tal-Gżejjer Orkney, l-Iskozja. It-titlu ngħata mill-UNESCO meta dan il-grupp ta' monumenti tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Diċembru 1999.[1]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Qalba Neolitika tal-Gżejjer Orkney ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Komponenti[immodifika | immodifika s-sors]

Dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa magħmul minn erba' komponenti:

  1. Maes Howe – tumbata unika tat-tajn u tal-ġebel b'kompartimenti fi ħdanha u qabar b'passaġġ, allinjata b'tali mod li l-kompartiment ċentrali tagħha tiddawwal bir-raġġi tax-xemx fis-solstizju tax-xitwa. L-oġġetti li kien hemm fiha nsterqu mill-Vikingi li ħallew warajhom waħda mill-ikbar kollezzjonijiet ta' kitbiet runiċi mnaqqxin fid-dinja.[2]
  2. Il-Ħaġriet Weqfin ta' Stenness – l-erba' ħaġriet megalitiċi li għad fadal ta' struttura megalitika ċirkolari; l-ikbar ħaġra minnhom hija għolja sitt metri (19-il pied).[3][4]
  3. Iċ-Ċirku ta' Brodgar – ċirku tal-ħaġar b'dijametru ta' 104 metri, li oriġinarjament kien magħmul minn 60 ħaġra stabbiliti f'foss ċirkolari fond sa tliet metri u wiesa' għaxar metri, li flimkien jiffurmaw monument megalitiku. Ġie stmat li l-kostruzzjoni tal-istruttura ħadet 80,000 siegħa xogħol.[5][6]
  4. Skara Brae – raggruppament ta' tmien abitazzjonijiet li flimkien jiffurmaw l-aqwa villaġġ Neolitiku ppreservat fit-Tramuntana tal-Ewropa.[7]
Mappa tas-sit prinċipali.

In-Ness ta' Brodgar huwa sit arkeoloġiku bejn iċ-Ċirku ta' Brodgar u l-Ħaġriet ta' Stenness li pprovda evidenza ta' abitazzjonijiet, ħaġriet kbar iddekorati, ħajt enormi tal-ġebel bil-pedamenti, u binja kbira deskritta bħala "katidral" Neolitiku.[8][9] Għalkemm in-Ness ta' Brodgar mhuwiex parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, "jikkontribwixxi ferm għall-fehim tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO" skont Historic Scotland, l-organizzazzjoni li tiġġestixxi l-biċċa l-kbira tas-sit.[10]

Fl-2008, l-UNESCO espremiet it-tħassib tagħha dwar il-pjanijiet tal-kunsill lokali biex "jittellgħu tliet turbini tar-riħ għoljin 72 metru lejn il-Majjistral tal-Ħaġriet ta' Stenness u ċ-Ċirku ta' Brogdar" li jistgħu jirvinaw is-sit.[11] Fl-2019, saret valutazzjoni tar-riskju biex tiġi vvalutata l-vulnerabbiltà tas-sit għat-tibdil fil-klima. Ir-rapport ta' Historic Environment Scotland, tal-Kunsill tal-Gżejjer Orkney u ta' oħrajn jikkonkludi li s-Sit ta' Wirt Dinji kollu, u b'mod partikolari Skara Brae, huwa "estremament vulnerabbli" għat-tibdil fil-klima minħabba l-livelli dejjem jgħolew tal-baħar, iż-żieda tax-xita u fatturi oħra. Ir-rapport jenfasizza wkoll ir-riskju li Skara Brae tista' tinqered parzjalment jekk ikun hemm xi maltempata iktar qalila mis-soltu.[12]

L-ewwel applikazzjoni tal-Indiċi tal-Vulnerabbiltà Klimatika għas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO seħħet għall-Qalba Neolitika tal-Gżejjer Orkney f'April 2019.[13]

Iktar qari[immodifika | immodifika s-sors]

  • Wickham-Jones, Caroline (2007). Orkney: A Historical Guide. Edinburgh: Birlinn. ISBN 9781841585963.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Heart of Neolithic Orkney". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-05.
  2. ^ "Maeshowe, Orkney's finest chambered cairn". www.orkneyjar.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-06-16. Miġbur 2023-03-05.
  3. ^ "Orkneyjar - The Standing Stones of Stenness". www.orkneyjar.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-06-07. Miġbur 2023-03-05.
  4. ^ Wickham-Jones (2007), p. 28.
  5. ^ "The Ring of Brodgar, Stenness, Orkney". www.orkneyjar.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-07-15. Miġbur 2023-03-05.
  6. ^ Wickham-Jones (2007), pp. 28–29.
  7. ^ "Historic Environment Scotland". www.historicenvironment.scot (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-05.
  8. ^ "Orkney Archaeology News – Stone wall hints at Neolithic spiritual barrier « Orkneyjar". web.archive.org. 2017-04-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-04-27. Miġbur 2023-03-05.
  9. ^ Ross, John and Hartley, David (2009) " 'Cathedral' as old as Stonehenge unearthed." Edinburgh. The Scotsman.
  10. ^ "Historic Environment Scotland". www.historicenvironment.scot (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-05.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "32 COM 7B.118 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-05.
  12. ^ "Orkney world heritage sites threatened by climate change" (bl-Ingliż). 2019-07-02. Miġbur 2023-03-05.
  13. ^ Jones, Rebecca H.; Davies, Mairi H.; Day, Jon C.; Heron, Scott F. (2022-05-26). "Developing Climate Risk Assessments for World Heritage: the Climate Vulnerability Index". Internet Archaeology (bl-Ingliż) (60).