Aqbeż għall-kontentut

Pirinej-Monte Perdido

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Is-Cirque de Soaso u Monte Perdido.

Il-Pirinej-Monte Perdido (bil-Franċiż: Pyrénées-Mont Perdu; bl-Ispanjol: Pirineos-Monte Perdido)[1] huwa Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO fil-fruntiera bejn Spanja u Franza fil-katina muntanjuża tal-Pirinej. Il-quċċata ta' Monte Perdido (bil-Franċiż: Mont Perdu) tinsab fin-naħa Spanjola tal-fruntiera. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997 u ġie estiż lejn it-Tramuntana fl-1999 biex jiġi inkluż il-Komun ta' Gèdre fi Franza.[2]

Is-sit jinkludi żewġ parks nazzjonali li jmissu ma' xulxin: il-Park Nazzjonali kollu ta' Ordesa u Monte Perdido fi Spanja u l-parti tal-Lvant tal-Park Nazzjonali tal-Punent tal-Pirinej fi Franza.[3] Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jkopri erja totali ta' 30,639 ettaru.

Deskrizzjoni u Storja

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċċentrat fuq Monte Perdido, is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludi bosta formazzjonijiet ġeoloġiċi importanti, fosthom tnejn mill-ikbar kanjons tal-Ewropa fin-naħa Spanjola u cirques fin-naħa Franċiża. Tul ix-xaqlibiet muntanjużi hemm mergħat, għerien, foresti u lagi. Minkejja li l-Alpi u l-Kawkasi huma muntanji li għandhom iktar bijodiversità u endemiżmu mill-Pirinej, il-Pirinej huma kemxejn inqas affettwati mill-iżvilupp uman reċenti mill-ktajjen muntanjużi Ewropej l-oħra. Madankollu, bħall-ktajjen muntanjużi kollha fl-Ewropa, juru storja konsistenti ta' okkupazzjoni umana li tmur lura għall-Paleolitiku.[4] Fost il-fdalijiet preistoriċi nstabu dolmen fuq in-naħa Spanjola u ċrieki tal-ġebel fis-Cirque de Gavarnie. Il-villaġġi u l-insedjamenti fil-pajsaġġ muntanjuż inbnew fil-Medju Evu u jinsabu fil-widien madwar Monte Perdido. Għall-irrigazzjoni tal-għelieqi tagħhom jużaw l-ilma ġieri li jinżel mill-muntanji. Ġiet żviluppata sistema tar-ragħa distinta, fejn il-bhejjem jitilgħu u jinżlu x-xaqlibiet muntanjużi flimkien mar-ragħaj skont l-istaġuni.

Peress li kull insedjament għandu affarijiet komuni ma' insedjamenti ġirien oħra fil-Pirinej milli għandu mal-kumplament tal-insedjamenti fin-nazzjonijiet sovrani rispettivi (Spanja u Franza), dawn l-insedjamenti għandhom livell ta' indipendenza, u l-bdiewa Spanjoli spiss jitħallew jirgħu fin-naħa Franċiża u bil-kontra, b'sistema magħrufa bħala t-"transumanza".

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pirinej-Monte Perdido ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997 u saret modifika ċkejkna fiż-żona ta' lqugħ tas-sit fl-1999.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[2]

  1. ^ "redirigeme". www.mecd.gob.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2023-04-26.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Pyrénées - Mont Perdu". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-26.
  3. ^ "UNEP-WCMC Protected Areas Programme - Massif Mont Perdu-Tres Serols". web.archive.org. 2008-07-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-07-18. Miġbur 2023-04-26.
  4. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Pyrénées - Mont Perdu". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-26.