Philip Muscat
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Philip Muscat (Ħaż-Żebbuġ, 9 ta' Awwissu 1930 - Msida, 31 ta' Diċembru 2010) kien tabib u Ministru Laburista fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, u fi żmienu seħħew żviluppi importanti għal Malta, l-aktar fil-qasam tat-telekomunikazzjoni kif ukoll f’dak tal-edukazzjoni, fosthom bit-twaqqif tal-Junior Lyceums.
Bin Joseph u Anna mwielda Sciortino, Philip Muscat studja fl-Iskola Primarja ta' Ħaż-Żebbuġ, is-Seminarju u fl-Università ta' Malta minn fejn ggradwa fil-B.Pharm., B.Sc. fl-1952 u sar tabib fl-1955. Kien tabib popolari fl-inħawi ta' Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.It-Tabib Muscat kien miżżewweġ lil Doris imwielda Cuschieri u kellhom tlett itfal, Alexander, Joseph u Marlene.
Fil-Politika
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tabib Muscat daħal fil-politika fl-1956 bħala president tal-Għaqda Żgħażagħ Laburisti ta’ Ħaż-Żebbuġ. Hu kkontesta l-elezzjonijiet ġenerali f’isem il-Partit Laburista fl-1962, 1966 u l-1971 u dejjem tela’ minn fuq il-ħames distrett. Fis-snin 60 kien il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Servizzi Soċjali u s-Saħħa. Ikkontesta wkoll b’suċċess l-elezzjonijiet tal-1976, 1981 u 1987 li fihom kien elett mis-sitt distrett. Fl-1992 ikkontesta fuq is-sitta u s-seba’ distrett fejn kien irnexxielu jżomm is-siġġu parlamentari wara li rebaħ elezzjoni każwali.
Bejn l-1971 u l-1976 it-Tabib Muscat kien inħatar deputat ċerpersin tal-kumitati tal-Kamra tar-Rappreżentanti, u mexxa wkoll delegazzjoni fil-Kunsill tal-Ewropa. Wara l-elezzjoni tal-1976 ingħata r-responsabbiltà ta’ Ministru tal-Edukazzjoni, kariga li żamm sal-1983. Waqt il-ħidma tiegħu f’dan il-Ministeru kien introduċa l-iskemi ta’ student ħaddiem fl-Università u l-Istitut Tekniku. Fl-1979 irrappreżenta lill-Prim Ministru fil-Konferenza tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth fiż-Żambja. Bejn l-1983 u l-1987 it-Tabib Muscat serva bħala Ministru tal-Industrija Parastatali, Enemalta u Telemalta. Minn April 1992, huwa kien il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar ix-Xogħol u l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, sakemm imbagħad irtira mill-politika.
Mewt
[immodifika | immodifika s-sors]Fi stqarrija wara l-mewt tiegħu, il-Partit Laburista qal: "It-tabib Muscat kellu karriera mill-aqwa fil-kamp tal-medicina kif ukoll f’dak politiku, fejn għal snin twal ħadem u ta sehem fil-ħidma tal-Partit Laburista, liema ħidma baqa’ għaddej biha sal-aħħar żminijiet."
Il-funeral tiegħu sar fit-3 ta' Jannar 2011, fil-Knisja ta' Ħaż-Żebbuġ. Attendew il-President George Abela, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, l-Aġent Mexxej tal-Partit Laburista Anġlu Farrugia, l-eks-Mexxej Laburista Alfred Sant kif ukoll membri parlamentari preżenti u eks-ministri u deputati li servew fi żmien meta Muscat kien ministru. Fl-omelija tal-quddiesa Fr Hilary Tagliaferro iddeskriva lil Philip Muscat bħala bniedem bilanċjat li kapaċi jagħmel awto-kritika u dak li hu abjad jgħidlu abjad u dak li hu iswed jgħidlu iswed. Huwa sostna li rridu nitgħallmu minn dawn in-nies u t-tajjeb li għamlu f’ħajjithom nagħmluh aħna. Saħaq ukoll li l-awtorità ma tfissirx poter imma servizz għall-oħrajn minn dawk stess li għandhom il-poter u l-awtorità.“Philip kien juża l-poter biex jagħti servizz”.
Wara l-quddiesa t-tebut inħareġ mill-knisja qalb iċ-ċapċip tan-nies u minn hemm inġarr fuq l-idejn sa’ quddiem il-każin Laburista ta' Ħaż-Żebbuġ fejn mal-faċċata kien hemm ‘banner’ bil-kliem “Grazzi Philip”. Mill-gallarija ntefgħu fjuri ħomor u bojod kif ukoll indaqq il-Last Post minn grupp ta’ bandisti. Minn hemm il-korteo bil-qraba u l-ħbieb kompla saċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù fl-istess raħal fejn Muscat indifen fil-qabar tal-familja.
Predeċessur Agatha Barbara |
Ministru tal-Edukazzjoni 1976–1983 |
Suċċessur |