Penny Black
Il-Penny Black (bil-Malti: is-Sewda tas-Sold), l-ewwel bolla postali adeżiva minn sistema postali pubblika, inħarġet mir-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda fl-1 ta' Mejju 1840 biex tintuża mis-6 ta' Mejju ta' dik is-sena. Filwaqt li l-uffiċċji postali kollha ta' Londra rċevew kopji tal-bolol ġodda, kien hemm uffiċċji oħra madwar ir-Renju Unit li ma rċevewhomx u għaldaqstant komplew jaċċettaw ħlas bi flus għas-servizz tal-posta għal xi żmien. Uffiċċji postali f'xi lokalitajiet oħra, bħal dawk fil-belt ta' Bath, bdew joffru l-bolla b'mod mhux uffiċjali wara t-2 ta' Mejju.
Storja tal-Bolla
[immodifika | immodifika s-sors]L-idea ta' bolla adeżiva li tindika ħlas minn qabel tal-posta kienet parti mill-proposta tal-1837 ta' Rowland Hill, bl-iskop li jirriforma s-sistema postali Brittannika; qabel ma ġara dan, kien normali li min jirċievi l-ittra jħallas tal-posta malli tasal. Fit-13 ta' Frar 1837, meta ġie mistoqsi mill-gvern, Hill ħabbar l-idea parallela ta' karta separata li tintewa sabiex tifforma envilopp li jġorr l-ittri fih. Dak iż-żmien il-posta kienet titħallas skont in-numru ta' karti u skont id-distanza.
Sistemi postali li użaw dawk li setgħu kienu bolol adeżivi eżistew qabel il-Penny Black. Milli jidher l-idea kienet minn tal-anqas issuġġerita qabel, notevolment fl-Awstrija, fl-Iżvezja u possibilment fil-Greċja.
Hill ingħata kuntratt ta' sentejn sabiex imexxi s-sistema l-ġdida, u flimkien ma' Henry Cole ħejja kompetizzjoni bl-iskop li jiġi identifikat l-aħjar mod biex ittra titħallas minn qabel. L-ebda suġġeriment mill-2600 li rċevew ma kien tajjeb biżżejjed. Fl-aħħar mill-aħħar Hill beda s-servizz fl-1840 b'envilopp li fuqu kellu stampat riproduzzjoni ta' disinn maħluq mill-artista William Mulready u li fuqu kellu bolla b'riproduzzjoni tal-profil tar-reġina Brittannika fil-poter, ir-Reġina Vittorja. Sal-ġurnata tal-lum, il-bolol Brittanniċi kollha għandhom fuqhom il-profil tar-re jew ir-reġina fil-poter xi mkien fuq id-disinn, u huma l-uniċi bolol fid-dinja li ma jurux minn liema pajjiż joriġinaw.
Fl-1839, it-Teżorerija Brittannika ħabbret kompetizzjoni għall-iddiżinjar tal-bolol il-ġodda iżda ebda disinn ma tqies bħala tajjeb. It-Teżorerija għażlet minflok li tuża disinn raff ta' Rowland Hill bil-profil jingħaraf faċilment tal-Prinċipessa Vittorja, li dak iż-żmien kien għad kellha 15-il sena. Hill kien jemmen li diffiċli tiġi ffalsifikata din il-bolla. Ir-ras kienet inċiża minn Charles u Fredrick Heath, li bbażaw ruħhom fuq abbozz ta' disinn provdut minn Henry Corbould. L-abbozz ta' disinn ta' Corbould, min-naħa tiegħu, kien ibbażat fuq ir-ras tixbah gamew minn William Wyon. Dan ġie ddiżinjat sabiex jintuża fuq midalja għall-kommemorazzjoni taż-żjara tar-Reġina Vittorja f'Londra fl-1837, is-sena tal-inkoronazzjoni tagħha. Il-kelma "POSTAGE" tidher fil-parti ta' fuq tal-bolla sabiex turi l-użu maħsub tal-bolla (il-bolol tat-taxxa kienu ilhom jintużaw fir-Renju Unit) u "ONE PENNY." fil-parti t'isfel, li jindika l-ammont li kellu jitħallas minn qabel għat-twassil tal-ittra li magħha twaħħlet il-bolla. L-isfond kien juri disinji ġeometriċi inċiżi b'mod fin ħafna. Iż-żewġ irkejjen ta' fuq kien fihom disinji jixbhu l-istilel u l-irkejjen ta' isfel kien fihom ittri li jirriflettu l-pożizzjoni tal-bolla fuq il-karta stampata; "A A" għall-bolla li tinsab l-ewwel waħda mix-xellug fir-ringiela ta' fuq, u "T L" għall-bolla li tinsab l-aktar fuq il-lemin fir-ringiela t'isfel. Il-karti, stampati minn Perkins Bacon, kienu jikkonsistu minn 240 bolla bil-format ta' 20 ringiela u 12-il kolonna. Kif jissuġġerixxi l-isem, il-bolla ġiet stampata kollha fl-iswed.
Rarità
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Penny Black mhix bolla rari. Il-produzzjoni totali stampata kienet ta' 286,700 folja b'68,808,000 bolla u numru sostanzjali minn dawn għadhom jeżistu, l-aktar għaliex l-enviloppi ma kinux jintużaw normalment. Minflok, l-ittri kienu jintwew u jingħalqu sabiex imbagħad il-bolla titwaħħal fuq il-barra tal-karta, bl-indirizz jinkiteb ħdejha. Jekk l-ittra kienet tinżamm, il-bolla kienet tibqa' teżisti wkoll.
Il-Penny Black tista' faċilment tinkiseb mis-suq tal-kollezzjonisti llum. Bolla użata f'kundizzjoni fqira tista' tiswa anqas minn £10 iżda, madanakollu, din il-bolla f'kundizzjoni tajba hija rikjesta ħafna mill-kollezzjonisti u allura tiswa l-flus. Fl-2000 il-bolla użata kienet tiswa bejn wieħed u ieħor £110 u eżemplari mhux użat kien jiswa £1,600 bil-prezz tiela' kulma tmur. Min-naħa l-oħra, Penny Red użata kienet tiswa £1.50.