Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Lag ta' Grosbeak fil-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet.

Il-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet (bl-Ingliż: Wood Buffalo National Park) huwa l-ikbar park nazzjonali tal-Kanada u jkopri erja ta' 44,741 km2 (17,275 mil kwadru).[1] Jinsab fil-Grigal ta' Alberta u fin-Nofsinhar tat-Territorji tal-Majjistral. B'erja saħansitra ikbar mill-Iżvizzera,[2] huwa t-tieni l-ikbar park nazzjonali fid-dinja.[3] Il-park ġie stabbilit fl-1922 sabiex tiġi protetta l-ikbar merħla fid-dinja ta' biżonti selvaġġi tal-boskijiet.[4] Dawn saru ibridi wara l-introduzzjoni tal-biżonti tal-pjanuri. Attwalment huwa stmat li l-popolazzjoni hija ta' 3,000 eżemplar.[5][6] Il-park huwa wieħed minn żewġ siti magħrufa fejn ibejtu l-grawwi Amerikani.

L-elevazzjoni tal-park tvarja minn 183 metru (600 pied) fix-xmara ta' Little Buffalo sa 945 metru (3,100 pied) fil-Muntanji Caribou. Il-kwartieri ġenerali tal-park jinsabu f'Fort Smith, b'uffiċċju ieħor iżgħar f'Fort Chipewyan, Alberta. Il-park fih waħda mill-ikbar delti tal-ilma ħelu fid-dinja, id-Delta ta' Peace-Athabasca, iffurmata mix-xmajjar Peace, Athabasca u Birch.

Il-park huwa magħruf għaċ-ċedimenti karstiċi tal-art fis-sezzjoni tal-Grigal tiegħu. L-ikbar fawwariet ta' Alberta (bħala volum, b'rata stmata ta' tmien metri kubi fis-sekonda), il-Fawwariet tal-Lag ta' Neon, jinsabu tul ix-xmara Jackfish. Il-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet jinsab eżatt fit-Tramuntana tad-Depożiti taż-Żejt ta' Athabasca.[7]

Din iż-żona tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983 għall-bijodiversità tad-Delta ta' Peace-Athabasca, u għall-popolazzjoni ta' biżonti selvaġġi. Huwa l-ikbar u l-iżjed eżempju komplut ekoloġikament tal-ekosistema tal-bwar tal-ħaxix Boreali u tal-Pjanuri l-Kbar tal-Amerka ta' Fuq.[8]

Fit-28 ta' Ġunju 2013, is-Soċjetà Astronomika Rjali tal-Kanada ddeżinjat il-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet bħala l-iġded u l-ikbar riżerva tas-smewwiet mudlama fid-dinja. Din id-deżinjazzjoni tgħin il-preservazzjoni tal-ekoloġija ta' billejl għall-popolazzjonijiet kbar ta' friefet il-lejl, isqra notturi u kokki tal-park, kif ukoll tipprovdi opportunitajiet għall-viżitaturi biex jesperjenzaw l-Aurora Borealis.[9]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Qabel sar Park Nazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pożizzjoni u l-kobor tal-park (bl-aħdar skur).

Dan ir-reġjun ilu abitat minn kulturi umani minn tmiem l-aħħar era glaċjali. Il-popli Aboriġini f'dan ir-reġjun adottaw varjazzjonijiet tal-għajxien sub-Artiku, ibbażati fuq il-kaċċa, is-sajd u l-ġemgħa. Ippożizzjonat fejn jiltaqgħu tliet xmajjar ewlenin li kienu jintużaw bħala rotot kummerċjali bil-kenura: ix-xmajjar Athabasca, Peace u Slave, ir-reġjun li iktar 'il quddiem ġie definit bħala l-park nazzjonali kienu ilhom midħla tiegħu l-popli indiġeni għal millenji sħaħ.

Fiż-żminijiet storiċi, il-popli Dane-zaa (storikament magħrufa bħala t-tribù Beaver), Chipewyan, Slavey tan-Nofsinhar (magħrufa bħala Dene Tha'), u Woods Cree abitaw ir-reġjun, u xi kultant ikkompetew għar-riżorsi u għall-kummerċ. Il-popli Dane-zaa, Chipewyan Slavey tan-Nofsinhar jitkellmu (jew kienu jitkellmu) lingwi mill-familja tat-Tramuntana ta' Athabaskan. Dawn il-lingwi huma komuni wkoll fost il-popli fir-reġjuni lejn it-Tramuntana u l-Punent tal-park, li kollettivament jissejħu l-popli Dene. Min-naħa l-oħra, il-poplu Cree, huwa poplu Algonkjan. Huwa maħsub li wettqu migrazzjoni mil-Lvant matul iż-żminijiet storiċi, peress li l-biċċa l-kbira tal-popli li jitkellmu l-lingwi Algonkjani jinsabu tul il-kosta tal-Atlantiku, mill-Kanada u lejn in-Nofsinhar mill-biċċa l-kbira tal-Istati Uniti.

Xi żmien wara l-1781, meta l-epidemija tal-ġidri fniet lir-reġjun, il-popli Dene u Cree għamlu trattat ta' paċi f'Peace Point permezz ta' ċerimonja bil-pipi ċerimonjali. Isem ix-xmara Peace li tnixxi f'dan ir-reġjun oriġina proprju minn dan l-avveniment: ix-xmara kienet tintuża biex tiddefinixxi konfini bejn il-poplu Dane-zaa fit-Tramuntana u l-poplu Cree fin-Nofsinhar.

Huwa maħsub li l-esploratur Peter Pond għadda minn dan ir-reġjun fl-1785, u x'aktarx kien l-ewwel Ewropew li għamel dan, segwit minn Alexander Mackenzie tliet snin wara. Fl-1788 kummerċjanti Brittaniċi tal-fer stabbilew postijiet kummerċjali f'Fort Chipewyan, ftit fil-Lvant tal-konfini attwali tal-park, u f'Fort Vermilion qrib il-Punent. Il-kummerċjanti tal-fer segwew l-Ewwel Ġnus u użaw ix-xmara Peace bħala parti min-network tagħhom ta' rotot bil-kenura għall-kummerċ tal-fer fl-Amerka ta' Fuq. Il-poplu Métis, li inizjalment kienu dixxendenti tal-kummerċjanti Ewropej u n-nisa indiġeni, żviluppa bħala grupp etniku ewlieni ieħor fir-reġjun.

Il-biżonti tal-pjanuri ġew ittrasferiti hawnhekk mill-Park Nazzjonali ta' Buffalo fis-snin 20 tas-seklu 20, iżda ġabu magħhom il-mard u wasslu għall-ibridizzazzjoni tal-biżonti tal-boskijiet, u b'hekk l-għadd tagħhom naqas.

Wara kważi seklu ieħor ta' dominju mill-Kumpanija tal-Bajja ta' Hudson, il-Kanada xtrat il-jeddijiet tal-kumpanija fuq ir-reġjun. L-agrikoltura qatt ma żviluppat f'din il-parti tal-Punent tal-Kanada, għad-differenza tan-Nofsinhar. Il-kaċċa u l-insib baqgħu l-industrija dominanti sew f'dan ir-reġjun fis-seklu 20, u għadhom vitali għal bosta mill-abitanti tiegħu. Wara t-Tfittxija Sfrenat għad-Deheb ta' Klondike tal-1897, il-gvern Kanadiż kien ħerqan biex itemm il-jeddijiet Aboriġini fuq l-art. Ried ikun jista' jisfrutta kwalunkwe ġid mill-minerali li setgħu jinstabu fil-ġejjieni mingħajr ma jkollu għalfejn jiffaċċja l-possibbiltà ta' oġġezzjonijiet mill-Ewwel Ġnus. Il-monarkija ffirmat it-Trattat Nru 8 ma' dawn il-popli fil-21 ta' Ġunju 1899, u akkwistat il-biċċa l-kbira tat-territorju bħala art tal-monarkija.

Park Nazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park ġie stabbilit fl-1922 u nħoloq fuq l-art tal-monarkija li ġiet akkwistata permezz tat-Trattat Nru 8 bejn il-Kanada u l-Ewwel Ġnus. Il-park jinsab kompletament madwar diversi riżervi tal-Indjani bħal Peace Point u ʔejëre Kʼelnı Kuę́ (magħruf ukoll bħala Hay Camp).

Minkejja l-protesti mill-bijologi, bejn l-1925 u l-1928 il-gvern wettaq ir-rilokazzjoni ta' kważi 6,700 biżont tal-pjanuri mill-Park Nazzjonali ta' Buffalo, sabiex jevita l-qtil tal-massa tagħhom f'dak il-park minħabba popolazzjoni eċċessiva hemmhekk.[10] Il-biżonti tal-pjanuri wasslu għall-ibridizzazzjoni tal-1,500–2,000 biżont tal-boskijiet lokali, u ġabu magħhom mard bħat-tuberkolożi bovina u l-bruċellożi, u introduċewhom fil-merħla tal-biżonti tal-boskijiet.[11] Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-uffiċjali tal-park ippruvaw jagħmlu tajjeb għal din il-ħsara, u kemm-il darba qatlu l-annimali morda.

Fl-1957, merħla f'saħħitha u relattivament pura ta' 200 biżont tal-boskijiet ġiet skoperta qrib ix-xmara Nyarling. Fl-1965, 23 minn dawn il-biżonti ġew rilokati lejn in-naħa tan-Nofsinhar tal-Park Nazzjonali tal-Gżira ta' Elk. Illum il-ġurnata, hemm 300 minn dawn il-biżonti u huma l-iżjed biżonti tal-boskijiet puri ġenetikament li għad fadal.

Bejn l-1951 u l-1967, 4,000 biżont inqatlu u 910 tunnellati (2 miljun libbra) ta' laħam inbigħu minn biċċerija speċjali li nbniet f'Hay Camp. Dawn il-qatliet iż-żgħar ma qerdux il-mard. Fl-1990, il-gvern ħabbar pjan biex jeqred il-merħla kollha u jerġa' jippopola l-park b'biżonti ħielsa mill-mard mill-Park Nazzjonali tal-Gżira ta' Elk.[12] Il-pubbliku malajr irreaġixxa negattivament għal dan il-pjan u ġie abbandunat minnufih.

Il-governanza lokali fi ħdan il-parti tal-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet f'Alberta ġiet introdotta fl-1 ta' Jannar 1967, bl-inkorporazzjoni ta' distrett għat-titjib. Oriġinarjament numerat bħala d-Distrett għat-Titjib Nru 150, ġie numerat mill-ġdid bħala d-Distrett għat-Titjib Nru 24 fl-1 ta' Jannar 1969.[13]

Fl-1983, twellija ta' 21 sena ngħatat lil Canadian Forest Products Ltd. biex jaħsdu s-siġar għall-injam f'erja ta' 50,000 ettaru tal-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet. Is-Soċjetà tal-Parks u tan-Natura Selvaġġa Kanadiżi tellgħet il-qorti lil Parks Canada għal ksur tal-Att dwar il-Parks Nazzjonali. Qabel ma beda l-proċess fl-1992, Parks Canada reġa' bdielha u għarfet li t-twellija ma kinitx valida u awtorizzata mid-dispożizzjonijiet tal-att.[14]

F'Marzu 2019, il-Park Provinċjali tan-Natura Selvaġġa ta' Kitaskino Nuwenëné ġie stabbilit mal-fruntieri tal-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet. L-Ewwel Ġens ta' Mikisew Cree kien l-ewwel li ppropona l-protezzjoni ta' din l-art bħala park. Il-park jippreserva l-ekosistemi naturali mill-espansjoni taż-żoni industrijali fit-Tramuntana ta' Fort McMurray. Il-park inħoloq wara li tliet kumpaniji taż-żejt, Teck Resources, Cenovus Energy, u Imperial Oil, ċedew b'mod volontarju ċerti depożiti taż-żejt u twellijiet għall-esplorazzjoni għaż-żejt fl-inħawi, wara negozjati mal-gvern ta' Alberta u mal-gruppi indiġeni. Dan il-park provinċjali jipprojbixxi l-forestrija u proġetti ġodda tal-enerġija. Madankollu, il-bjar eżistenti jistgħu jibqgħu jipproduċu, u l-użu tal-art tradizzjonali mill-indiġeni huwa permess.[15]

F'Ġunju 2019, l-UNESCO espremiet tħassib dwar il-ġestjoni tas-saħħa ekoloġika u l-użu indiġenu tal-park, wara li nnotat tnaqqis fil-kwalità tal-ilma. Hija wissiet li l-park seta' jitneħħa mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jekk l-affarijiet ikomplu sejrin għall-agħar.[16] Bħala rispons, il-Kanada ħabbret l-allokazzjoni ta' $27.5 miljun biex jissolvew il-problemi. L-UNESCO qajmet dubji dwar il-pjan u ma neħħietx it-twissija ta' tneħħija potenzjali tal-park mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO qabel rieżami tar-rapport u tal-pjan tal-Kanada għall-preservazzjoni tal-park mill-Kumitat tal-Wirt Dinji fl-2021.[17]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[8]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[8]

Klima[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-park, is-sjuf ikunu qosra ħafna, iżda il-jiem ikunu twal. It-temperatura tvarja bejn 10 u 30 °C (50.0 u 86.0 °F) matul dan l-istaġun. Bħala medja, is-sjuf ikunu kkaratterizzati minn jiem sħan u nexfin; f'xi snin, ġieli kien hemm jiem kesħin u bix-xita. It-temperatura għolja medja f'Lulju tkun 22.5 °C (72.5 °F) filwaqt li t-temperatura baxxa medja tkun 9.5 °C (49.1 °F). Fil-ħarifa normalment ikun hemm jiem kesħin, nexfin u bir-riħ, u l-ewwel borra ġeneralment tinżel f'Ottubru. Ix-xtiewi jkunu kesħin b'temperaturi li jinżlu taħt −40 °C (−40.0 °F) f'Jannar u fi Frar, l-iksaħ xhur. It-temperatura għolja medja f'Jannar tkun −21.7 °C (−7.1 °F) filwaqt li t-temperatura baxxa medja tkun −31.8 °C (−25.2 °F). Fir-rebbiegħa, it-temperaturi gradwalment jisħnu malli l-jiem jitwalu.[18]

Organiżmi selvaġġi[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet fih varjetà kbira ta' speċijiet ta' organiżmi selvaġġi, inkluż l-ors iswed Amerikan, il-marten Amerikan, l-ajkla tal-baħar, il-linċi tal-Kanada, il-kokka griża kbira, is-seqer, il-marmotta, il-beaver tal-Amerka ta' Fuq, il-lupu tal-Majjistral, il-bies, il-volpi aħmar, il-gallozz Amerikan, il-grawwi tal-Kanada, il-liebru tal-Amerka ta' Fuq, il-kokka tal-borra, l-alċi tal-Punent, il-grawwi Amerikan, il-wolverine, il-biżont tal-boskijiet, u l-iżjed popolazzjoni fit-Tramuntana tad-dinja ta' sriep ta' ġenbhom aħmar. Fi ħdan u qrib il-park ġew irreġistrati wkoll l-ors Grizzly, il-puma tal-Amerka ta' Fuq, iż-żiemel selvaġġ u n-nagħaġ selvaġġ.[19]

Il-Park Nazzjonali tal-Biżonti tal-Boskijiet fih l-uniku ħabitat naturali fejn fis-sajf ibejjet il-grawwi Amerikan li jinsab fil-periklu. Il-park huwa kklassifikat bħala sit tar-Ramsar u ġie identifikat permezz tal-Programm Bijoloġiku Internazzjonali. Il-park huwa kumpless ta' korpi tal-ilma li jmissu ma' xulxin, primarjament lagi u diversi artijiet mistagħdra, fosthom imraġ u artijiet imtajna, iżda jinkludi wkoll nixxigħat u għadajjar.

Fl-2007, l-ikbar diga tal-beavers fid-dinja – b'tul ta' madwar 850 metru (2,790 pied) – ġiet skoperta fil-park permezz tal-immaġnijiet bis-satellita.[20][21] Id-diga li tinsab fil-koordinati 58°16.3′N 112°15.1′W,[22] madwar 200 kilometru (120 mil) minn Fort Chipewyan, kienet intlemħet bis-satellita u b'inġenju tal-ajru bil-ġwienaħ fissi f'Lulju 2014.[23]

Biżonti ibridi[immodifika | immodifika s-sors]

Kif imsemmi hawn fuq, il-"biżonti tal-boskijiet" fil-park huma dixxendenti ibridi, li tnisslu mill-biżonti tal-boskijiet u l-biżonti tal-pjanuri, wara li dawn tal-aħħar ġew ittrasferiti fil-park fis-snin 20 tas-seklu 20 mill-Park Nazzjonali ta' Buffalo. Il-biżonti tal-pjanuri kienu iktar numerużi u nstab li ġabu magħhom mard li mbagħad nfirex fost il-biżonti fil-park. Il-mard, flimkien mal-ibridizzazzjoni sussegwenti, heddew is-sopravivenza tal-biżonti tal-boskijiet puri.[24] Studju li sar fl-1995 sab li kien hemm differenzi notevoli fil-morfoloġija minn merħla għall-oħra fi ħdan il-park, u dawn żviluppaw gradi differenti ta' ibridizzazzjoni. Il-merħla fi Sweetgrass Station qrib id-Delta ta' Peace–Athabasca, segwita mill-merħla tal-artijiet baxxi tax-xmara Slave, jippreservaw fenotip li huwa eqreb għall-biżont tal-boskijiet oriġinali ta' qabel is-snin 20 tas-seklu 20. Dawn il-biżonti huma eqreb għat-tipi oriġinali mill-merħliet ippreservati fil-Park Nazzjonali tal-Gżira ta' Elk u fis-Santwarju tal-Biżonti ta' Mackenzie.[25]

Trasport[immodifika | immodifika s-sors]

L-aċċess bit-triq għal Fort Smith huwa disponibbli s-sena kollha permezz tal-Awtostrada ta' Mackenzie, li tikkollega l-Awtostrada Nru 5 qrib ix-xmara Hay. Titjiriet kummerċjali huma disponibbli lejn Fort Smith u Fort Chipewyan minn Edmonton. L-aċċess ikun disponibbli wkoll fix-xitwa permezz ta' toroq xitwin u bis-silġ minn Fort McMurray u Fort Chipewyan.[26]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Parks Canada Agency, Government of Canada (2022-11-15). "Stewardship and management - Stewardship and management". parks.canada.ca. Miġbur 2024-06-18.
  2. ^ "Parks Canada - Wood Buffalo National Park - beaver_gallery". web.archive.org. 2016-02-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-02-09. Miġbur 2024-06-18.
  3. ^ "Exploring Wood Buffalo National Park by Helicopter". web.archive.org. 2015-04-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-04-02. Miġbur 2024-06-18.
  4. ^ UNEP-WCMC (2017-05-22). "WOOD BUFFALO NATIONAL PARK". World Heritage Datasheet (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-18.
  5. ^ "Ottawa produces action plan for Wood Buffalo National Park" (bl-Ingliż). 2019-02-01. Miġbur 2024-06-18.
  6. ^ "Wood Bison - Wood Buffalo National Park". web.archive.org. 2022-09-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-09-16. Miġbur 2024-06-18.
  7. ^ Rollins, John (2004). Caves Of The Canadian Rockies And Columbia Mountains. Surrey, il-Kanada: Rocky Mountain Books. ISBN 978-0-92110-294-6.
  8. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Wood Buffalo National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-18.
  9. ^ delete111@gmail.com (2013-08-02). "RASC Designates Wood Buffalo National Park as a New Dark Sky Preserve". RASC (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-18.
  10. ^ Jack Van Camp, 1989. "A Surviving Herd of Endangered Wood Bison at Hook Lake, N.W.T.?", Arctic, 42(4):314-322.
  11. ^ Sandlos, John (2013). "Northern bison sanctuary or big ranch? Wood Buffalo National Park". Arcadia Project. Environment & Society Portal. ISSN 2199-3408.
  12. ^ "Alberta to allow hunters to kill Hay-Zama bison". web.archive.org. 2012-11-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-11-04. Miġbur 2024-06-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ "Municipal Profiles: Improvement Districts. p. 29" (PDF). Alberta Municipal Affairs.
  14. ^ Boyd, David R. (2004). Unnatural Law: Rethinking Canadian Environmental Law and Policy. Vancouver: UBC Press, University of British Columbia. ISBN 0-7748-1048-3.
  15. ^ Lavoie, Judith (2019-03-25). "Three oilsands companies surrender land for new Alberta park to be co-managed with First Nations" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-18.
  16. ^ "UN says Canada's plan to rescue Wood Buffalo National Park needs 'considerably more effort' | Globalnews.ca". Global News (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-18.
  17. ^ src='https://i0.wp.com/cabinradio.ca/wp-content/uploads/2023/11/SarahPruys.jpeg?fit=225%2C300, <img alt=; srcset='https://i0.wp.com/cabinradio.ca/wp-content/uploads/2023/11/SarahPruys.jpeg?w=1000, ssl=1'; Ssl=1 1000w; https://i0.wp.com/cabinradio.ca/wp-content/uploads/2023/11/SarahPruys.jpeg?resize=225%2C300; Ssl=1 225w; https://i0.wp.com/cabinradio.ca/wp-content/uploads/2023/11/SarahPruys.jpeg?resize=720%2C960 (2019-07-04). "Wood Buffalo 'doomed without quick action' as UN extends deadline". cabinradio.ca (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-18.
  18. ^ Parks Canada Agency, Government of Canada (2017-03-28). "index". parks.canada.ca. Miġbur 2024-06-18.
  19. ^ Gau, Robert J.; Mulders, Robert; Lamb, Tamara; Gunn, Libby (2001). "Cougars (Puma concolor) in the Northwest Territories and Wood Buffalo National Park". Arctic. 54 (2).
  20. ^ "Giant beaver pond visible from space". web.archive.org. 2010-05-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-05-08. Miġbur 2024-06-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ "Print Story: World's biggest beaver dam discovered in northern Canada - Yahoo! News". web.archive.org. 2010-05-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-05-09. Miġbur 2024-06-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  22. ^ "EcoInformatics International". www.geostrategis.com. Miġbur 2024-06-18.
  23. ^ "U.S. explorer reaches world's largest beaver dam Adventurer bushwacks through dense northeast Alberta boreal forest | WSABC". web.archive.org. 2016-06-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-06-04. Miġbur 2024-06-18.
  24. ^ C. G Van Zyll de Jong, 1986, A systematic study of recent bison, with particular consideration of the wood bison (Bison bison athabascae Rhoads 1898), National Museum of Natural Sciences.
  25. ^ Jong, C. G. van Zyll de; Gates, C.; Reynolds, H.; Olson, W. (1995). "Phenotypic Variation in Remnant Populations of North American Bison". Journal of Mammalogy. 76 (2): 391–405.
  26. ^ "Parks Canada - Wood Buffalo National Park of Canada - How to Get There". web.archive.org. 2006-06-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-06-15. Miġbur 2024-06-18.