Park Nazzjonali ta' Vatnajökull

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Icebergs fil-laguna glaċjali ta' Jökulsárlón.

Il-Park Nazzjonali ta' Vatnajökull (bl-Iżlandiż: Vatnajökulsþjóðgarður [ˈvahtnaˌjœːkʏlsˌθjouðˌkarðʏr̥]) huwa wieħed mit-tliet parks nazzjonali fl-Iżlanda. Il-park jinkorpora l-glaċier kollu ta' Vatnajökull u l-inħawi estensivi tal-madwar. Dawn jinkludu l-parks nazzjonali li qabel kienu jeżistu fi Skaftafell fil-Lbiċ u f'Jökulsárgljúfur fit-Tramuntana.

Il-kwalitajiet uniċi tal-Park Nazzjonali ta' Vatnajökull huma primarjament il-varjetà kbira ta' karatteristiċi pajsaġġistiċi li għandu fih, maħluqa mill-forzi kkombinati tax-xmajjar, tas-silġ glaċjali u tal-attività vulkanika u ġeotermika.[1]

Fil-5 ta' Lulju 2019, il-Park Nazzjonali ta' Vatnajökull tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Vatnajökull ġie stabbilit fis-7 ta' Ġunju 2008. Meta ġie stabbilit, il-park kien ikopri erja ta' 12,000 km2, iżda biż-żidiet reċenti ta' Lakagígar, Langisjór, Krepputunga [ˈkʰrɛhpʏˌtʰuŋka] u Jökulsárlón (inkluż l-inħawi tal-madwar) issa sar ikopri erja ta' 14,141 km2 jew bejn wieħed u ieħor 14 % tal-Iżlanda, u b'hekk huwa t-tieni l-ikbar park nazzjonali tal-Ewropa bħala erja wara Yugyd Va fir-Russja.[3]

Ġeografija u ġeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta ta' Öræfajökull u ta' Hvannadalshnjúkur minn Skaftafell.

Vatnajökull huwa l-ikbar glaċier tal-Ewropa 'l barra mill-Artiku, b'erja fis-superfiċe ta' 8,100 km2. Ġeneralment ġie mkejjel li l-ħxuna tiegħu hija ta' madwar 400-600 metru sa massimu ta' 950 metru. Is-silġ glaċjali jaħbi fih għadd ta' muntanji, widien u promontorji. Saħansitra jaħbi xi vulkani ċentrali attivi. L-ikbar wieħed minnhom huwa Bárðarbunga u Grímsvötn huwa l-iżjed attiv. Filwaqt li l-għata polari tas-silġ tiegħu togħla sa iktar minn 2,000 metru 'l fuq mil-livell tal-bħar, il-bażi tal-glaċier tilħaq l-iktar punt baxx tagħha f'madwar 300 metru 'l isfel mil-livell tal-baħar. Imkien fl-Iżlanda, bl-eċċezzjoni tal-glaċier ta' Mýrdalsjökull, ma tinżel daqshekk preċipitazzjoni jew jiskula daqshekk ilma lejn il-baħar daqs in-naħa tan-Nofsinhar ta' Vatnajökull. Fil-fatt, tant hemm ilma maħżun attwalment fi Vatnajökull li x-xmara Iżlandiża bl-ikbar fluss, Ölfusá, ikollha bżonn iktar minn 200 sena biex iġġorr din il-kwantità kollha ta' ilma lejn il-baħar.[4]

Ix-xenarju madwar il-glaċier huwa estremament varjat. Lejn it-Tramuntana, il-promontorju muntanjuż huwa maqsum mix-xmajjar glaċjali, bi flussi qawwijin fis-sajf. Il-vulkani ta' Askja, Kverkfjöll u Snæfell [ˈstnaiːˌfɛtl̥] huma tliet qċaċet li jidhru mir-reġjun kollu, flimkien mal-muntanja vulkanika b'quċċata ċatta ta' Herðubreið. Fil-qedem, għargħar glaċjali kbar ħaffru l-kanjon ta' Jökulsárgljúfur fl-inħawi tat-Tramuntana ta' dan il-promontorju. Il-kaskata qawwija ta' Dettifoss għadha tnixxi l-ilma bil-qawwa fin-naħa ta' fuq ta' dan il-kanjon, filwaqt li l-formazzjonijiet xeniċi f'Hljóðaklettar [ˈl̥jouːðaˌkʰlɛhtar̥] u l-irdumijiet b'għamla ta' nagħla ta' Ásbyrgi jinsabu iktar lejn it-Tramuntana.

Fl-inħawi qrib il-glaċier u iktar fil-Lvant, madwar Snæfell, hemm artijiet mistagħdra u ktajjen muntanjużi wesgħin u estensivi. Dawn l-inħawi huma ħabitat importanti għar-renni u għall-wiżż ta' saqajhom roża.

In-naħa tan-Nofsinhar ta' Vatnajökull hija karatterizzata minn bosta rdumijiet muntanjużi għoljin u maestużi, bi glaċieri differenti neżlin bejniethom lejn l-artijiet iktar fil-baxx. L-iżjed parti fin-Nofsinhar tal-glaċier tinsab madwar il-vulkan ċentrali ta' Öræfajökull u l-ogħla quċċata tal-Iżlanda, Hvannadalshnjúkur. Għall-kenn tas-silġ fil-għoli, l-oażi ta' veġetazzjoni ta' Skaftafell tinsab qabel l-irqajja' ta' ramel iswed depożitat lejn il-Punent mix-xmara Skeiðará. Dan ir-ramel huwa magħmul l-iktar mill-irmied mill-iżbroffar frekwenti f'Grímsvötn u jitwassal sal-kosta permezz tal-jökulhlaups jew l-għargħar glaċjali.

L-attività vulkanika sostanzjali tikkaratterizza wkoll il-pajsaġġ fil-Punent ta' Vatnajökull, fejn seħħew tnejn mill-ikbar żbroffi bil-lava tul xquq vulkaniċi fl-istorja, f'Eldgjá fid-934 u f'Lakagígar fl-1783-1784. Vonarskarð [ˈvɔːnarˌskarθ], fil-Majjistral tal-glaċier, hija żona kkulurita b'temperatura relattivament għolja fin-nofs bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Iżlanda.

Klima[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kaskata ta' Ófærufoss f'Eldgjá.

Nýidalur [ˈniːɪˌtaːlʏr̥] tinsab fiċ-ċentru tal-Iżlanda, tul il-mogħdija muntanjuża F26. Hemmhekk il-borra tista' tinżel fi kwalunkwe żmien tas-sena, għaldaqstant il-vjaġġaturi jridu jkunu ppreparati sew u jivverifikaw it-tbassir tat-temp qabel ma jsuqu 'l hemm fuq. It-temp jista' jvarja b'mod konsiderevoli f'żona daqstant estensiva bħal dik koperta mill-Park Nazzjonali bil-firxa wiesgħa ta' elevazzjonijiet tiegħu. Il-preċipitazzjoni fiż-żoni fil-baxx fin-Nofsinhar tal-għata polari tas-silġ ta' Vatnajökull hija konsiderevoli, u tvarja bejn 1,000 mm fis-sena għal 3,000 mm fis-sena. It-temperaturi jvarjaw bejn 10 °C u 20 °C fis-sajf, filwaqt li x-xtiewi jkunu pjuttost miti (it-temperatura qajla tinżel taħt -10 °C u spiss tkun ferm ogħla mill-punt tal-iffriżar).

Fil-muntanji u fuq l-għata polari tas-silġ stess, il-preċipitazzjoni annwali tista' tlaħħaq bejn 4,000 u 5,000 mm, fil-biċċa l-kbira bħala borra. Il-fond tal-borra fuq Öræfajökull wara preċipitazzjoni kbira tax-xitwa tkun bejn 10 u 15-il metru. Ftit mill-borra ddub, filwaqt li l-kumplament tal-borra tifforma silġ glaċjali. Dan il-proċess jiġri kullimkien 'il fuq mil-linja tal-borra fuq l-għata polari tas-silġ ta' Vatnajökull.

It-temperaturi fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-għata polari tas-silġ kważi dejjem ikunu taħt iż-żero fix-xitwa u jistgħu jilħqu sa -20 °C jew -30 °C. L-irwiefen u l-maltempati huma komuni, u għaldaqstant is-sirda tar-riħ qawwi trid titqies peress li r-riħ jista' jkollu effett sostanzjali fuq il-kumdità fil-beraħ, anke meta t-temperatura ambjentali tkun relattivament għolja.

Iktar lejn it-Tramuntana, lil hinn mill-għata polari tas-silġ, il-preċipitazzjoni annwali tonqos. Fil-Grigal tal-għata polari tas-silġ, il-preċipitazzjoni tinżel għal bejn 350 u 450 mm fis-sena, l-inqas fl-Iżlanda. Il-preċipitazzjoni tiżdied iktar qrib il-kosta tat-Tramuntana u f'partijiet tal-artijiet għoljin bħal f'Askja. It-temperaturi jistgħu jinżlu ferm f'temp bnazzi u kalm matul ix-xitwa.

L-irjieħ min-Nofsinhar ġeneralment ifissru ftit jew l-ebda preċipitazzjoni fit-Tramuntana, flimkien ma' temperaturi ogħla. L-irjieħ mit-Tramuntana jġibu magħhom is-sħab, b'temp kiesaħ u possibbilment bil-preċipitazzjoni fit-Tramuntana tal-pajjiż, filwaqt li n-Nofsinhar ikun iktar sħun u iktar bnazzi. L-istess japplika għall-irjieħ mill-Punent jew mil-Lbiċ, li jġibu magħhom temp iktar sħun fil-Lvant. Il-kontra japplika għall-irjieħ mil-Lvant, li jġibu magħhom temp kiesaħ u preċipitazzjoni fil-Lvant u temp aħjar fil-Punent tal-Iżlanda. Dan huwa r-riżultat tal-fenomenu tar-riħ ta' foehn. L-arja umduża u pjuttost kiesħa togħla kif toqrob l-artijiet għoljin; imbagħad il-kondensazzjoni tinżel fl-artijiet għoljin bħala xita, filwaqt li l-arja iktar sħuna u niexfa tinżel iktar fil-baxx fuq in-naħa l-oħra. Id-differenza fit-temperatura tista' tkun ta' 10 °C jew iktar.

Operazzjonijiet u servizzi[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kaskata bażaltika ta' Svartifoss.

Il-Park Nazzjonali ta' Vatnajökull huwa maqsum f'erba' territorji, u kull wieħed minnhom jiġi ġestit lokalment.

It-territorju tat-Tramuntana jikkonsisti mill-Majjistral ta' Vatnajökull, il-kaldera ta' Askja u l-inħawi tal-madwar, il-kanjon ta' Jökulsárgljúfur u parti mill-baċir tax-xmara ta' Jökulsá á Fjöllum. Hemm ċentru tal-viżitaturi u sit tal-kampijiet f'Ásbyrgi, flimkien ma' sit tal-kampijiet f'Vesturdalur [ˈvɛstʏrˌtaːlʏr̥].

It-territorju tal-Lvant jinkludi l-muntanji ta' Kverkfjöll u l-Grigal ta' Vatnajökull, kif ukoll il-wita ta' Snæfellsöræfi [ˈstnaiːˌfɛlsˌœːrˌaiːvɪ]. Hemm ċentru tal-viżitaturi fi Skriðuklaustur.

It-territorju tan-Nofsinhar huwa estiż tul il-parti tax-Xlokk ta' Vatnajökull, jew mill-muntanja ta' Lómagnúpur fil-Punent sa Lón [ˈlouːn] u Lónsöræfi fil-Lvant. Hemm ċentru tal-viżitaturi u sit tal-kampijiet fi Skaftafell. Hemm ukoll ċentri ta' informazzjoni li joperaw f'kooperazzjoni mal-park nazzjonali f'Höfn, f'Hoffell, f'Hólmur [ˈhoulmʏr̥] u fi Skálafell [ˈskauːlaˌfɛtl̥].

It-territorju tal-Punent huwa estiż tul il-parti tal-Lbiċ ta' Vatnajökull u tul parti kbira tal-glaċier, inkluż il-krateri ta' Lakagígar u ta' Langisjór. Hemm ċentru ta' informazzjoni f'Kirkjubæjarklaustur, ġestit b'mod konġunt mill-park nazzjonali u mill-komunità lokali.

Snæfellsstofa [ˈstnaiːˌfɛlsˌstɔːva] huwa l-iżjed ċentru tal-viżitaturi reċenti tal-Park Nazzjonali ta' Vatnajökull.

Iċ-ċentru tal-viżitaturi fi Skaftafell ikun miftuħ is-sena kollha. Iċ-ċentri tal-viżitaturi f'Ásbyrgi u fi Skriðuklaustur ikunu miftuħin mill-bidu ta' Mejju sal-aħħar ta' Settembru, iżda jistgħu jinfetħu matul ix-xitwa b'appuntament minn qabel. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-artijiet għoljin tal-park nazzjonali ma jkunux aċċessibbli matul ix-xitwa.

Ir-rangers tal-park nazzjonali jagħmlu rondi u jipprovdu servizzi edukattivi fl-artijiet għoljin tal-park. Il-ħinijiet ta' ftuħ tal-istazzjonijiet ivarjaw minn żona għall-oħra, u l-ewwel rangers jaslu meta t-toroq rilevanti tal-artijiet għoljin jinfetħu, ftit wara nofs Ġunju, u l-aħħar rangers jitilqu lejn l-aħħar ta' Settembru.

Matul is-sajf, ir-rangers tal-park nazzjonali joffru mixjiet qosra li jkunu ggwidati, b'enfasi fuq l-interpretazzjoni tan-natura. Minn nofs Ġunju sa nofs Awwissu, ir-rangers joffru mixjiet interpretattivi kuljum f'Ásbyrgi u fi Skaftafell. Fl-artijiet għoljin, il-biċċa l-kbira tal-istazzjonijiet tar-rangers joffru mixjiet interpretattivi kuljum mill-bidu ta' Lulju sa nofs Awwissu.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika tal-park nazzjonali.

Il-Park Nazzjonali ta' Vatnajökull - Natura Dinamika tan-Nar u tas-Silġ ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Park, Vatnajokull National. "Vatnajokull National Park". Vatnajokull National Park (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-08.
  2. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Vatnajökull National Park - Dynamic Nature of Fire and Ice". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-08.
  3. ^ Iceland Travel Team. "Vatnajokull National Park". Iceland Travel (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-08.
  4. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Siti indikattivi UNESCO". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-08.