Park Nazzjonali ta' Huascarán
Il-Park Nazzjonali ta' Huascarán (bl-Ispanjol: Parque Nacional Huascarán) huwa park nazzjonali Peruvjan li jinkludi l-biċċa l-kbira tal-katina muntanjuża magħrufa bħala Cordillera Blanca (l-ogħla katina muntanjuża tropikali fid-dinja) li tagħmel parti mill-Andes ċentrali, fir-reġjun ta' Ancash.[1] Il-park ikopri erja ta' 340,000 ettaru (840,000 akru) u huwa ġestit min-Network Peruvjan taż-Żoni Naturali Protetti, jew is-SERNANP (Servicio Nacional de Áreas Naturales Protegidas). Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[2] Il-park huwa magħruf fost ix-xabbaturi u jħaddan fih bijodiversità unika, bi speċijiet ta' pjanti bħar-Reġina tal-Andes, siġar tal-ġeneri Polylepis u Buddleja, u annimali bħall-orsijiet taċ-ċrieki ma' għajnejhom, il-kondors, il-vikuni, u t-taruki.
Il-park huwa twil madwar 150 kilometru (93 mil) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u għandu wisa' medja ta' madwar 25 kilometru (16-il mil). Ix-xaqliba tal-Punent tal-Cordillera Blanca tiskula fl-Oċean Paċifiku permezz tax-xmara Santa u x-xaqlibiet tal-Lvant jiskulaw fix-xmara Marañón u fl-aħħar mill-aħħar l-ilma jispiċċa fix-xmara Amazzonja u fl-Oċean Atlantiku.[3]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-isforzi uffiċjali biex l-inħawi jiġu protetti bdew fl-1960, meta s-Senatur Augusto Guzmán Robles ippreżenta l-abbozz lill-Kungress Peruvjan għall-ħolqien tal-Park Nazzjonali ta' Huascarán. Fl-1963, is-Servizz tal-Forestrija u l-Kaċċa (Servicio Forestal y de Caza) ippreżenta proġett preliminari għad-delimitazzjoni tal-Park Nazzjonali tal-Cordillera Blanca, li kien ikopri erja ta' 321,000 ettaru (790,000 akru).[4] Fit-18 ta' Frar 1966, inħarġet riżoluzzjoni tal-gvern li tipprojbixxi l-qtugħ tas-siġar u l-kaċċa ta' speċijiet nattivi fl-inħawi tal-Cordillera Blanca. Iktar 'il quddiem f'dik is-sena, il-Patroċinju tal-Park Nazzjonali ta' Huascarán ġie stabbilit f'Yungay. Fl-1967, Curry Slaymaker u Joel Albrecht, voluntiera tal-Korp tal-Paċi, ifformulaw il-proposta dwar id-delimitazzjoni tal-park għal erja ta' 85,000 ettaru (210,000 akru); u simultanjament, is-Servizz Forestali Reġjonali ta' Huaraz stabbilixxa żona ta' sorveljanza għall-vikuni u għar-reġina tal-Andes għal erja ta' madwar 10,000 ettaru (25,000 akru). Finalment, fl-1 ta' Lulju 1975, inħoloq il-Park Nazzjonali ta' Huascarán permezz tad-digriet nru. 0622-75-AG, b'estensjoni ta' 340,000 ettaru (840,000 akru).
Id-delimitazzjoni definita tal-Park Nazzjonali ta' Huascarán kienet possibbli billi l-art ingħaddiet taħt il-kontroll tal-istat permezz tal-esproprjazzjoni tal-art b'kumpens. Il-konfini tal-park evitaw l-inklużjoni ta' insedjamenti meta kien possibbli, iżda diversi komunitajiet għadhom irabbu l-bhejjem, minkejja li l-awtoritajiet tal-park jagħmlu ħilithom biex jirregolaw il-prattika.
Fl-1977, l-UNESCO rrikonoxxiet il-Park Nazzjonali ta' Huascarán bħala Riżerva ta' Bijosfera, li jkopri l-wied tax-xmara Santa, lil hinn sew mill-konfini tal-park, inkluż bosta villaġġi u rħula. Fl-1985 il-park ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Huascarán jipproteġi l-Cordillera Blanca, li hija l-ogħla katina muntanjuża tropikali fid-dinja. Il-park jinsab fl-Andes Peruvjani ċentrali, b'erja ta' 340,000 ettaru (840,000 akru) b'elevazzjoni li tvarja minn madwar 2,500 metru (8,200 pied) sa diversi qċaċet miksija bil-borra 'l fuq minn 6,000 metru (20,000 pied). Fost dawn il-qċaċet hemm Huascarán (l-ogħla quċċata tal-Perù ta' 6,768 metru (22,205 piedi)), Huandoy, Copa, Huantsán u bosta oħrajn.[5][6][7]
Karatteristiċi ġeografiċi oħra fi ħdan il-park jinkludu: widien b'għamla tal-ittra U, 660 glaċier tropikali (l-ikbar żona glaċjali fit-tropiċi), 300 lag glaċjali u promontorji għoljin b'diversi fniedaq u rdumijiet torrenzjali.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-klima tal-park għandha żewġ staġuni definiti sew: staġun tax-xita minn Diċembru sa Marzu u staġun niexef minn April sa Novembru. Matul l-istaġun tax-xita spiss ikun hemm maltempati bir-ragħad u l-għelieqi u x-xaqlibiet muntanjużi jkunu miksijin b'ħafna sfumaturi ta' aħdar; madankollu, l-istaġun niexef iġib miegħu bosta sigħat ta' xemx kważi kuljum u ljieli mingħajr sħab iżda bierda. It-temperatura ta' kuljum fl-istaġun tax-xita tvarja minn massimu ta' 20 °C (68 °F) għal minimu ta' 5 °C (41 °F); filwaqt li fl-istaġun niexef it-temperatura tvarja minn massimu ta' 24 °C (75 °F) u minimu ta' 2 °C (36 °F).[8]
Ekoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Peress li hija l-ogħla katina muntanjuża tropikali fid-dinja, il-Cordillera Blanca għandha varjetà ta' klimi subalpini, alpini u tundra. Il-widien u x-xaqlibiet muntanjużi huma miksija b'foresti għoljin tal-Andes u bwar tal-ħaxix tat-tip puna sparpaljati.
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]F'din iż-żona ġew irreġistrati iktar minn 120 speċi ta' għasafar, fosthom il-kondor tal-Andes, il-papra torrenzjali, it-tinamu tal-puna, is-silfjun kannella, il-papra tat-toppu tal-Andes, il-kolibrì l-kbir, il-janaviko, il-bloġun tat-toppu abjad, il-gallozza l-kbira, il-malvizz ta' chiguanco u l-gawwi tal-Andes.
Iżjed minn għaxar speċijiet ta' mammiferi ġew osservati fil-park, diversi minnhom fil-periklu, inkluż il-kolokolo, il-qattus tal-Andes, l-ors taċ-ċrieki ma' għajnejh, iċ-ċerva taruca, il-vikuna, iċ-ċerva ta' denbha abjad, il-puma, il-viscacha tat-Tramuntana, il-ballottra ta' denbha twil, il-porkuspin u l-volpi tal-Andes.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Xi 779 speċi ta' pjanti ġew identifikati fi ħdan il-park; ir-reġina tal-Andes (Puya raimondii) hija waħda mill-iżjed rappreżentattivi u fil-mira tal-konservazzjoni. Speċijiet ta' pjanti oħra preżenti fil-park huma: Polylepis racemosa, Escallonia resinosa, Alnus acuminata, Senna birostris, Vallea stipularis, Lupinus spp., Vaccinium floribundum, Calamagrostis vicunarum, Festuca dolichophylla, Jarava ichu, Azorella spp., eċċ.
Attivitajiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-viżitaturi tal-park jistgħu jgawdu attivitajiet bħall-mixi, l-osservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi, ġiti fil-muntanji bir-rota, skijjar, tixbit, trekking u turiżmu kulturali. Il-Park Nazzjonali ta' Huascarán għandu 25 rotta tat-trekking u 102 sit għat-tixbit.
Il-park għandu potenzjal ukoll għar-riċerka f'bosta oqsma xjentifiċi, fosthom: il-meteoroloġija, il-ġeoloġija, il-glaċjoloġija, il-botanika, il-limnoloġija, iż-żooloġija, l-ekoloġija, u l-ġestjoni tal-organiżmi selvaġġi.
Fi ħdan il-park hemm 33 sit arkeoloġiku, li jinkludu: pitturi fl-għerien, insedjamenti antiki, raba' mtarraġ għall-agrikoltura, oqbra, fortizzi u impjanti tal-irrigazzjoni. Hemm ukoll triq pre-Kolombjana bejn l-irħula ta' Olleros u Chavin.
Problemi ambjentali
[immodifika | immodifika s-sors]Fost it-theddidiet komuni prinċipali għall-park hemm l-irtirar tal-glaċieri minħabba t-tisħin globali; proġetti idroelettriċi; operazzjonijiet legali u illegali tal-estrazzjoni bi standards ambjentali baxxi; u t-telf tal-bijodiversità minħabba l-artijiet agrikoli u l-mergħat (dawn tal-aħħar l-iktar minħabba kunflitt bejn l-iskopijiet tal-park u d-drittijiet anċestrali tal-art tal-abitanti lokali).
Ġestjoni u Rekwiżiti ta' Protezzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-snin 60 tas-seklu 20, il-vikuni (kamelidi tal-Andes) kienu kkaċċjati żżejjed u sfaw fil-periklu li jinqerdu mill-park. Barra minn hekk, kien hemm tħassib dwar ir-Reġina tal-Andes ikonika u b'hekk inbena torri tal-għassa f'post li issa jagħmel parti mill-park. Il-Park Nazzjonali ta' Huascaran imbagħad ġie stabbilit fl-1975 b'Ordni Suprema skont l-Att Nazzjonali tal-Foresti u tal-Organiżmi Selvaġġi. Il-park nazzjonali jifforma parti wkoll mill-qalba tar-Riżerva ta' Bijosfera ta' Huascaran minn mindu ġie rrikonoxxut bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1977. Oriġinarjament il-park kien taħt il-ġurisdizzjoni tad-Dipartiment tal-Agrikoltura, mentri issa l-park nazzjonali u r-riżerva ta' bijosfera huma ġestiti mis-Servizz tar-Riżervi Nazzjonali jew is-SERNANP taħt il-Ministeru għall-Ambjent. Soġġett għal ġestjoni xierqa, dan jippermetti approċċ komprensiv għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni li jinkludi l-widien użati b'mod intensiv u popolati b'mod dens biswit is-sit. Il-ġestjoni tal-proprjetà għandha tkun iggwidata minn pjan ewlieni u bord lokali sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-komunità lokali.
Minn mindu l-park nazzjonali ġie stabbilit, id-diffikultajiet ewlenin kienu n-nuqqas ta' baġit u ta' persunal, li jillimitaw l-effettività tal-park nazzjonali. Dan jagħmilha diffiċli li jiġu indirizzati l-bosta sfidi tal-park nazzjonali. Fis-sit hemm popolazzjoni żgħira iżda li qed tikber. L-eżistenza tagħha ġejja mid-drittijiet tradizzjonali ta' qabel l-istabbiliment tal-park nazzjonali, u b'hekk huma meħtieġa ftehimiet negozjati dwar l-użu tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari r-ragħa tal-bhejjem. Bosta komunitajiet kibru qrib is-sit, l-iktar Callejon de Huayras, kanjon użat b'mod intensiv fil-Punent tal-Park Nazzjonali ta' Huascaran. Jeżistu liġijiet ċari li jipprojbixxu l-estrazzjoni ta' riżorsi minerali fil-parks nazzjonali, iżda mhux biss hemm interess fir-riżorsi, iżda anke interess fis-sit stess u hemm pjanijiet biex tinbena diga idroelettrika. Ix-xenarju spettakolari u l-valur arkeoloġiku sinifikanti diġà jattiraw għadd kbir ta' turisti nazzjonali u internazzjonali, fosthom xabbaturi speċjalizzati ħafna, għaldaqstant it-turiżmu jaf ikun attività li tagħmel inqas ħsara. Jeżistu wkoll opportunitajiet għall-ekonomiji lokali, għall-finanzjament tal-konservazzjoni u għall-edukazzjoni tal-viżitaturi, għalkemm dejjem hemm ir-riskju ta' impatti ambjentali u kulturali mhux mixtieqa. Sfidi ġenerali li jeħtieġu monitoraġġ u tħejjija huma l-irtirar tal-glaċieri, is-sors prinċipali ta' ħajja tas-sit u l-użu intensiv tal-ħajja fil-widien biswit il-park.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Huascaran ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Smith, David N. (1988). Flora and vegetation of the Huascarán National Park, Ancash, Peru: with preliminary taxonomic studies for a manual of the flora (Ph.D. Thesis). Iowa State University.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Huascarán National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-17.
- ^ "Parkswatch Huascaran" (PDF).
- ^ Barker, Mary (1980). "National Parks, Conservation and Agrarian Reform in Peru". Geographical Review. 70 (1): 1–18.
- ^ Neate, Jill (1994). "Peru". Mountaineering in the Andes. RGS-IBG Expedition Advisory Centre. ISBN 0-907649-64-5.
- ^ Alpenvereinskarte 0/3a. Cordillera Blanca Nord (Peru). 1:100 000. Oesterreichischer Alpenverein. 2005. ISBN 3-928777-57-2.
- ^ Alpenvereinskarte 0/3b. Cordillera Blanca Süd (Peru). 1:100 000. Oesterreichischer Alpenverein. 2005. ISBN 3-937530-05-3.
- ^ Huascarán – Parque Nacional/National Park. SERNANP. 2009.